Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Nifirħu meta naqsmu bejntiena mingħajr għira u pika t-talenti li tana Alla

Nifirħu meta naqsmu bejntiena mingħajr għira u pika t-talenti li tana Alla


Il-Ħadd, 18 ta’ Novembru 2017: L-Arċisqof iqaddes Quddiesa fil-bidu taż-Viżta Pastorali f’Bormla. 345530-740xNone

 

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla

Ippermettuli naqsam magħkom ħsieb qasir. Il-parabbola li għadna kemm smajna, il-Knisja tirrakkontahielna qrib l-aħħar tas-sena, donnu biex tgħina nagħmlu ftit il-kontijiet.

Wara kollox is-sid li kellu jsiefer u b’fiduċja kbira ta l-ġid li kellu lil dawn il-qaddejja, wasal il-mument meta rritorna u talabhom rapport, rapport sħiħ ta’ dak li kienu għamlu. Ġie dak li kien ħa ħafna u qallu: “Sinjur, tajtni ħames talenti u għamilt ħamsa oħra”. Dak li ħa tlieta qallu: “Jien għamilt tlieta oħra”. U kien hemm dak li rċieva talent b’fiduċja, qallu: “Jiena bżajt minnek, għamiltlu maktur dat-talent, ħbejtu u hawn ħa nagħtiehulek lura, ma ġralu xejn” (ara Mt 25, 20-25).

Mela l-ewwel waħda li rridu naħsbu fuqha huwa li se jiġi mument meta jkollna nagħtu kont. Dak ikun l-aħħar mument. Aħna m’aħniex mgħaġġlin, sewwa? Nagħmlu tajjeb li ngħidulu, ‘meta trid, Sinjur, imma m’aħniex mgħaġġlin’. Imma tajjeb nippjanaw għal dak il-mument billi sikwit nistaqsu lilna nfusna, ‘jiena li l-Mulej tani ħafna, berikini b’tant affarijiet, x’qiegħed nagħmel b’ħajti?’ Naħseb din hija mistoqsija l-iżjed importanti: x’qiegħed nagħmel b’ħajti? U inti tista’ tgħid, ‘U Sinjur, m’għandek idea kemm nieħu paċenzja jien, m’għandekx idea kif ir-roti u ċ-ċappetti spiċċaw. Kif niċċaqlaq juġgħani hawn u xi mkien ieħor juġgħani mod ieħor. M’għandekx idea kemm nieħu pilloli jien, tridx ngħoddhomlok, Sinjur?’

Dak li rċevejna huwa rigal minn Alla, huwa mogħti lilna b’fiduċja kbira.

Kollha risposti tajbin dawn għax hija l-esperjenza tagħna. U minn hu żgħażugħ mod u min hu iżjed żgħażugħ għax ilu ħafna żgħażugħ, imma aħna rridu, qabel xejn, u din l-iżjed ħaġa forsi li ninsew, nirrealizzaw li dak li rċevejna huwa rigal minn Alla, huwa mogħti lilna b’fiduċja kbira. Ħafna drabi din il-ħaġa ninsewha, jekk ninsew din ma nifhmux għaliex irridu nagħtu kont lil Alla. Għax irrid nagħti kont lil Alla jien? Għaliex dak kollu li għandi rċevejtu mingħandu b’don u b’fiduċja kbira.

Mela din il-parabbola m’għandhiex tfakkarna biss li l-Mulej se jitlobna kont, trid tfakkarna wkoll li għandu fiduċja fina. Għaliex meta sejjaħ lit-tliet qaddejja tahom kwantitajiet differenti, imma kien hemm fiduċja. Jiena qiegħed nafdak, ħu ħsiebu. Mela jekk jien niltaqa’ ma’ ommi, il-familja tiegħi, lili nnifsi, il-Mulej qiegħed jafdali teżori kbar. Tant huma għeżież għalih li se jitlobni kont tagħhom mhux biex jikkastigani imma biex nirrealizza li jiena responsabbli tagħhom.

Wara kollox il-kelma ‘responsabbli’ tfisser li jiena rrid nirrispondi għal dak li tiegħu jien responsabbli. Se jgħidli, ‘Inti, tajtek dak it-talent, x’għamilt bih?’ Is-Sinjur jirrita ruħu meta t-talenti tagħna ma niżviluppawhomx. Ix-xewqa tiegħi hija dan il-ħsieb: Jalla ngħinu lil xulxin bħala komunità, bħala familja. L-ewwel nett biex niskopru t-talenti sbieħ li tana l-Mulej, it-tieni li nħaddmuhom għall-ġid tal-oħrajn għaliex hekk jitkattru.

Hawnhekk għandna lil Maestro, kull meta niġi Bormla naraha, tieħu paċenzja. Hawn il-kor, tant talenti. Anke min rama l-knisja, tgħid ‘irrid insebbaħ’. Hawn xi festa kbira ġejja. Fit-8 ta’ Diċembru se jiġri xi ħaġa, mhux ix-xita nispera. Jalla jkollna temp sabih. Dawn kollha talenti, kollha xogħol, kollu mħabba, nies li t-talenti tagħhom qed jaqsmuhom mal-komunità.

U għalhelkk dak li rċieva ħamsa, fl-aħħar hemm għaxra għaliex qassamhom mal-komunità u tkattru. Dak li pprova jew iżommu għalih jew inkellla jaħbih baqa’ b’li kellu u aħna nafu li meta ħaġa ma tħaddimhiex ma tibqax li tkun. Immaġina jkollok karozza dejjem magħluqa ġo garaxx, mur ipprova startjaha wara xi ħames snin! Jekk ma taqax biċċiet quddiemek, il-batterija tgħidlek bonswa. Għax il-ħaġa hi u titħaddem qed propju mhux tgħin lilek biss imma lill-oħrajn ukoll.

Mela dan hu l-awgurju tiegħi li l-ewwel nett nirringrazjaw lill-Mulej ta’ dak li ta lil kulħadd b’mod differenti, li nħaddmuhom. Aħna nużaw il-kelma ‘talenti’. Il-kelma talent kienet somma ta’ flus imma minħabba din il-parabbola, il-kelma ‘talent’ saret anke kapaċità. Ngħidu, ‘kemm għandu talenti’ mhux għax għandu borża tal-flus, imma għaliex għandu ħafna skills, ngħidulhom illum. Anke jekk tmur interview jgħidulek ‘xi skills għandek?’ biex jgħidulek bl-Ingliż ħa tkun bin-nemex. It-talenti tiegħek x’inhuma, il-kapaċitajiet tiegħek x’inhuma? U allura nirrealizza wkoll dil-kelma li daħlet fil-kultura tagħna minħabba din il-parabbola, li somma flus, talent, saret tfisser ukoll kapaċità li għaliha jien responsabbli u l-Mulej isejjaħli biex inħaddimha għall-ġid tal-komunità.

U din hija t-talba li ngħid għall-komunità tagħna li aħna, b’sens ta’ ġenerożità kbira, nifirħu meta naqsmu bejntiena mingħajr għira, mingħajr pika, it-talenti li tana Alla għall-glorja tiegħu.

✠ Charles J.Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: