Home > Lectio Divina > Lectio Divina tal-34  Ħadd Matul Sena A Kristu Re

Lectio Divina tal-34  Ħadd Matul Sena A Kristu Re


Vanġelu (Matt. 25. 31-46): “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan.”  Kliem iebes bħal dan ta’ Ġesu insibuh sitt darbiet fl-Evanġelji.  Żgur li jibqa’ stampat fil-moħħ ta’ min jisimgħu. Fil-passat, ħafna qassisin u katekisti ħadu dal-kliem litterlament, u xerrdu twerwir fil-priedki u fit-tagħlim tagħhom.  L-effett ta’ dan għadu jinħass  sal-lum, għax xi wħud minna, Insara tajbin, qed jistennew il-ġudizzju b’ċertu biża’.  Minn flok, dal-ġudizzju se jkun laqgħa ta’mħabba bejn Missier u ibnu/bintu. “Alla jikkastiga” hija frażi mbarazzanti għan-Nisrani, għax kif tista’ tirrikonċilja dil-frażi mal-Kelma “Evanġelju” – Aħbar Tajba, li titkellem il-ħin kollu fuq l-imħabba tal-Missier, riflessa fl-ulied maħluqin xbiehu tiegħu, u riflessa b’mod perfett f’Ibnu, Sidna Ġesu Kristu?

  1. “Meta jiġi Bin il-bniedem…joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.” Din mhix parabbola imma diskors apokalittiku li spiss kien jintuża mir-Rabbini. “Wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda, ilbiesu abjad silġ, xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu…. u resaq Bin il-bniedem …. u tawh ħakma, ġieħ u saltna.. u saltnatu ma tinqeridtx” (Danjel 7. 9-14). Is-sentenza ta’ dil-qorti hi li d-dinja l-antika tal-annimali salvaġġi spiċċat għax ir-renju issa ġie kkonsejnat f’idejn Bin il-bniedem.
  2. “Jiġi Bin il-bniedem.. u l-ġnus kollha jifridhom minn xulxin.” Ir-ragħaj filgħaxija kien jifred lin-nagħaġ mill-gidien, ħalli l-gidien idaħħallhom għar-rdoss f’xi grotta, peress li ma jkollhomx suf daqs in-ngħaġ biex iżommhom sħan matul il-kesħa tal-lejl. Ġesu jieħu spunt minn din l-użanza biex jagħti l-messaġġ tiegħu.  Qabel, imma, irridu niftakru li t-tron li joqgħod fuqu Bin il-bniedem mhuwiex wieħed tad-deheb, imma s-salib, fejn ta ħajtu lilna bħala rigal ta’ mħabba.  Hawn se jsir il-ġudizzju, fejn Ġesu nkarna l-perfezzjoni umana.  Il-bniedem awtentiku u li rnexxa, huwa dak li għex ħajtu bħala servizz għall-proxxmu.  Wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesu kurċifiss, jien se nara kemm ħabbejt daqs kemm ħabb Hu.  F’dan is-sens li se jsir il-ġudizzju fuqi.   Ma jifissirx li n-ngħaġ huma t-tajbin u l-gidien (mogħoż) huma l-ħżiena, imma li partijiet minn ħajti kienu bojod, mimlijin dawl, u oħrajn kienu neqsin mid-dawl, skuri b’xi egoiżmu tiegħi.  Bil-partijiet bojod, jien qrobt fix-xebħ tiegħi mal-Ħaruf bla tebgħa u b’hekk dawwalt lil ta’ madwari bid-dawl Tiegħu.  Kull Nisrani suppost jilbes dan id-dawl li jingħatalna fil-Magħmudija: “Ilbsu lil Kristu”  (S. Pawl), u b’hekk fil-fatt tkun tista’ titma’ lil min hu bil-ġuħ, tisqi, eċċ.  Minn ħajja bħal din ikun ħareġ l-istess dawl li idda mill-Ħaruf t’Alla, li qiegħed fuq it-tron, ċioe’ s-salib, minn fejn ta xhieda tal-massimu tal-imħabba Tiegħu.
  3. “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna.” Wieħed kien jistenna li dawn li qegħdin fil-lemin se jaqbżu u jiżfnu bil-ferħ. Minn flok, jagħmlu oġġezzjoni stramba:  “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek?”  Dan hu pjan litterarju ta’ Ġesu biex jerġa’ jirrepeti l-opri tal-ħniena, biex aħna nistampawhom f’moħħna u f’qalbna.  Dawn huma tant importanti li jekk nosservawhom inkunu bnedmin tassew umani. Jekk le, ma nkunux.  Illum Ġesu qed jgħidilna li, fil-prattika tar-reliġjon, tajjeb li mmorru l-Quddies, nitolbu u nieħdu sehem f’devozzjonijiet oħra.  Basta ma nittraskurawx dawn l-opri tal-ħniena.  Għax, fl-aħħar mill-aħħar, dawn se jgħoddu l-aktar.  Dawn l-opri nsibuhom fl-antik fil-Lvant Nofsani (e.g. fil-ktieb tal-Mejtin tal-Eġittu) u fil-Bibbja.  “Alla ma jridx l-uġigħ li int tħoss f’żaqqek meta ssum.  Jippreferi li ttaffi l-uġigħ ta’ min m’għandux x’jiekol billi titimgħu.” (Isaija 58).  Alla ma jrid l-ebda uġigħ, la tiegħi u l-anqas tal-ieħor.  Minni jrid li nitma, nisqi, nlibbes, eċċ.  Mela l-iskop tal-qari tal-lum mhuwiex biex naraw kif se nispiċċaw, imma biex ifakkarna kif għandna ngħixu dil-ħajja ta’ bnedmin umani.  Altrimenti inkunu ħlejna ħajjitna fix-xejn.
  4. “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem.” Ir-Rabbini spiss kienu jużaw dal-metodu (paralleliżmu antitetiku): l-ewwel, forma pożittiva u mbagħad waħda negttiva. Ġesu wkoll kien jagħmel hekk: (a) dar mibnija fuq il-blat/ramel (b) imberkin il-fqar/gwaj għas-sinjuri. F’dil-parti tas-silta, insibu l-kelma ‘misħutin”. Bil-Lhudi misħut (għargħur) kien wieħed li ntih biċċa minn djuli biex ma jkollix x’naqsam miegħu.  Mela, Ġesu b’dis-sentenza mhux qed jirreferi għall-infern imma qed jgħid: “Jekk ma tosservax l-opri tal-ħniena, illum, f’dil-ħajja, qed turi li ma tridx tixbaħni u trid li ma jkollokx x’taqsam miegħi.” “Imma, Mulej,  jien raġel/mara sewwa, rużarju u Quddies kuljum.”  “Tajjeb, imma mhux biżżejjed. Trid issarraf dan it-talb billi tgħin konkretament lill-proxxmu: titma’, tisqi, eċċ.  Jekk ma tagħmilx hekk f’dil-ħajja ikun tard wisq biex tagħmlu fl-oħra.  Mela, taħlix żmien.  Ibda mil-lum.”
  5. “Morru….fin-nar ta’ dejjem.” Dan kien diskors tal-predikaturi ta’ dak iż-żmien, tat-Talmud u r-Rabbini.  Ġesu biddel l-idea ta’ “Alla li jikkastiga” f’waħda ta’ “Alla, Missier ħanin mimli mħabba.”  Meta r-rabbini kienu jitkellmu fuq in-nar ta’ dejjem kellhom f’moħħhom il-miżbla li kienet qrib Ġerusalemm , li kienet il-ħin kollu taqbad.  Ġesu jieħu spunt minn din l-idea popalari biex ifisser  li min ma josservax l-opri tal-ħniena ikun ħela ħajtu u bħal qisu waddab ħajtu fil-miżbla u kkonsmaha fix-xejn.  Meta Ġesu jgħid “fin-nar ta’ dejjem” ma jfissirx l-eternita. Qed jgħid għal dawk li, jum wara l-ieħor ma jħobbux il-proxxmu, u qisu qatt ma jista’ jasal il-jum fejn jgħidu: “Illum se nibda nħobb!”. B’moħħna aħna nirraġunaw li min għamel it-tajjeb ħaqqu l-premju, u min għamel il-ħażin ħaqqu l-kastig.  Nagħmlu ħażin jekk naħsbu Li Alla jimxi  b’dix-xorta ta’ ġustizzja tal-qrati tagħna. Inkunu qed ngħidu li bniedem li ħela ħajtu, il-Missier Etern kollu ħniena u mħabba se jżidlu aktar ħsara u jikkastigah għal dejjem. Anki fil-Bibbja nsibu  li l-ġustizzja t’Alla hi dik tal-ġenerożita u mħabba Tiegħu  (“Il-ġustizzja t’Alla ħanina; il-ħniena t’Alla hi ġusta” Papa Franġisku) li tirkupra dawk li ħlew ħajjithom.  Alla ma jaħlaqx l-infern.  L-infern noħolquh aħna meta ma nħobbux u nitfgħu lil ħajjitna fil-miżbla biex tinħaraq fix-xejn.  Minn dan in-nar, il-Missier se jiġborna għall-ħajja. Irridu niftakru li meta ngħidu “it-tajbin” m’aħniex ngħidu “il-perfetti”. Ħadd mhu perfett ħlief Alla.  Kulħadd midneb u għandu d-difetti tiegħu.  L-istess meta ngħidu “il-ħżiena”. Ħadd mhu ħażin għal kollox.  Żgur li se ssiblu ħafna tajjeb fih.  Allura fl-aħħar tad-dinja il-Missier se jilqa’ bi mħabba kbira u jħaddan ‘l uliedu kollha, u bit-tgħannieqa Tiegħu se jippurifika d-difetti kemm tan-ngħaġ u kemm tal-gidien, għax dawn id-difett se jiġu maħsula fid-demm tal-Ħaruf tassew bla tebgħa.
  6. Mela Ġesu llum mhux qed jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja, imma għal erba’ darbiet jirrepeti l-opri tal-ħniena biex jurina kemm hu essenzjali għalina li nipprattikawhom issa, illum, f’din il-ħajja, biex b’hekk ngħixu ħajja ferħana.

 

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: