Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-kolonizzazzjoni tal-ideoloġija u tal-kultura

Il-kolonizzazzjoni tal-ideoloġija u tal-kultura


It-Tlieta 21 ta’ Novembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-qari tal-quddiesa li ċċelebra l-Papa Franġisku fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu kien differenti minn dak li qrajna hawn Malta aħna u niċċelebraw il-festa tal-preżentazzjoni ta’ Marija fit-Tempju.

 

L-ewwel qari tal-quddiesa tal-Papa kien meħud mill-Ktieb tal-Makkabej li fih hemm ir-rakkont tal-martirju ta’ Eleażar.

Fir-riflessjoni li għamel, il-Papa ħa spunt minn dal-qari biex jitkellem dwar il-koloniżżazzjoni tal-ideoloġiji u tal-kulturi. Dak li qed jiġri fid-dinja moderna hu verament dawgħa kontra Alla qal Franġisku għax il-kultura qed iddaħħal “novitajiet” orrendi bħal meta tgħid illi li toqtol tarbija hu normali, jew meta twettaq ġenoċidji, bħalma ġara aktar minn darba fis-seklu li għadda, għax trid li kulħadd ikun l-istess.

B’dal-mod il-kultura qed tipproponielna koloniżżazzjoni hi u xxerred l-idea li biex inkunu moderni għandna neliminaw lil Alla min-nofs.

Il-martirju ta’ Eleażar seħħ minħabba l-fidi tiegħu f’Alla. Il-persekuzzjoni, issokta
Franġisku, ssir għal ħafna raġunijiet iżda hemm tlieta partikolari: hemm il-persekuzzjoni esklussivament reliġjuża, il-persekuzzjoni b’għanijiet reliġjużi, kulturali, storiċi u politiċi meta l-politika tibda titħawwad mar-reliġjon, u hemm persekuzzjoni purament kulturali, kif jidher mill-ewwel qari mill-Ktieb tal-Makkabej.

Il-poplu l-magħżul beda jinġibed lejn il-kultura tan-nazzjonijiet ġirien u biex ikun “modern” beda josserva t-tradizzjonijiet tagħhom li kienu bla siwi. Talbu lir-re jtihom permess idaħħlu fosthom tradizzjonijiet pagani li ma kienux jaqblu ma’ dawk tagħhom. Daħħlu kultura differenti minn dik li kienu trabbew fiha u warrbu l-patt tagħhom ma’ Alla fil-ġenb.

Uħud aċċettaw dil-modernità iżda kien hemm min irrifjutaha. Dawn tal-aħħar riedu jiddefendu t-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom u bdew jagħmlu reżistenza, fosthom Eleażar li kien bniedem mimli dinjità u jġib ħafna rispett. Safa vittma tal-persekuzzjoni li nibtet mill-koloniżżazzjoni kulturali, li ma titollerax differenzi.

Kollox beda għax fosthom deher għerq ħażin, pervers, Antijoku Epifanu u l-poplu ta’ Iżrael iddakkar minn dan l-għerq ħażin li moħħu kien fil-poter, fid-drawwiet pagani. L-istorja tkompli bil-persekuzzjoni ta’ min ma jaqbilx, ta’ dawk li baqgħu jemmnu.

Fil-każ tagħna nsemmu l-eżempji tal-ġenoċidji li seħħew fis-seklu li għadda li kienu mnebbħin minn idea ta’ kultura ġdida li ma tipperemttix li jkun hemm differenzi. U fejn id-differenzi mhux tollerati m’hemmx post għal Alla.

Dan hu l-għerq pervers, osserva l-Papa, imma quddiem dal-ħażen Eleażar sar għerq għammiel u miet jaħseb fiż-żgħażagħ, fi kliem ieħor miet jaħseb fil-futur. Eleażar hu l-martri li ta l-ħajja għax ħalla eżempju lil ta’ warajh, ħalla għerq li minnu seta’ jikber il-futur.

Dan kollu seħħ minħabba n-novità ta’ Antjoku. Allura n-novitajiet kollha huma ħżiena?, staqsa l-Papa. It-tweġiba hi “le”. Imma hemm bżonn dixxerniment biex nagħrfu liema huma n-novitajiet ta’ Alla, li jnebbaħna bihom l-Ispirtu s-Santu u liema huma n-novitajiet perversi. Per eżempju, qabel il-qtil tat-tfal kien dnub, illum ngħidu li hu dritt. Din hi l-preverżjoni.

Qabel, id-differenzi kienu ċari, kif għamilhom Alla, kien hemm rispett lejn il-ħolqien, imma llum sirna moderni, nifhmu f’kollox u nħawdu kollox. Il-koloniżżazzjonijiet ideoloġiċi u kulturali jħarsu biss lejn il-preżent, jiċħdu l-passat u ma jimpurtahomx mill-futur, jgħixu l-waqt u ma jgħixux fiż-żmien, għaldaqstant ma jistgħu jwegħedu xejn.

Dan l-atteġġjament li kulħadd għandu jkun l-istess hu dawgħa kontra Alla, saħaq il-Papa, dawgħa kontra l-Ħallieq, għax irridu nbiddlu l-ħolqien minn kif għamlu Hu. It-tweġiba għal dan kolllu hi x-xhieda li aħna nagħtu. Il-mediċina hi l-martirju, mhux bilfors tad-demm bħal ta’ Eleażar. Nistgħu u għandna nitkellmu ma’ min ma jaqbilx magħna filwaqt li nibqgħu sodi fit-twemmin tagħna.

Għalhekk, temm Franġisku, l-eżempju ta’ Eleażar għandu jkun għajnuna għalina biex quddiem il-koloniżżazzjonijiet kulturali u spiritwali li qed toffrilna d-dinja aħna nibqgħu sodi u ma nħallux il-konfużjoni tirkibna.

Hajr lill-kamra tal-ahbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: