Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 21 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 21 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 12:46-50

Illum fit-tifkira tal-preżentazzjoni ta’ Marija, il-Knisja tagħtina rakkont ta’ ġrajja qasira fil-forma iktar ħanina tagħha għax filwaqt li San Mattew jgħidilna x’ġara, ma jgħidilniex ir-raġuni għalfejn. San Mark f’kapitlu 3 vers 21 jgħidilna wkoll l-isfond ta’ dak li ġara.

Meta l-familja ta’ Ġesù semgħu b’dak li kien qed jgħid u jagħmel, meta semgħu li lanqas ħin biex jiekol ma kien qed ikollu, ħasbuh tilef moħħu. Ħadd ma jkun f’sensih u jagħmel u jgħid dak li kien qed jagħmel u jgħid hu. Probabbli ħafna li dan kien għalihom disunur u għalhekk ikkonvinċew lil ommu bie xtmur magħhom ħalli għallinqas ikellmuh u jippruvaw jikkonvinċuh jerġa’ lura għan-normal, ovvjament in-normal skont kif kienu jaħsbu huma u skont in-normi tas-soċjetà li kienu jgħixu fiha.

San Mattew jurina lil Ġesù mdawwar b’żewġ kategoriji ta’ nies.

Fuq ġewwa bħal f’ċirku hemm id-dixxipli, dawk li riedu jisimgħu u jitgħallmu, dawk li riedu jimxu warajh għax ħassewhom imqanqlin minn kliemu, dawk li riedhom ikunu miegħu biex jibgħathom jippriedkaw. Kien hemm ukoll dawk li l-ikel b’xejn u s-servizz tal-fejqan bla ħlas għoġobhom u dawk li riedu jagħrblu x’kien qed jgħid u jagħmel u meta jgħidu u jagħmlu biex ikunu jistgħu jakkużawh u kien hemm dawk li kienu għadhom imkexkxa meta semgħuh jitkellem dwar il-qawwa tal-Ħażin; folla mħallta b’nies li kellhom għanijiet differenti.

Fuq barra hemm ommu u l-familja tiegħu. San Mattew jagħtina żewġ dettalji dwarhom. ‘Ġew biex ikellmuh’ u ‘baqgħu barra’. Wieħed jista’ jaħseb li ġralhom bħal dawk l-erba’ rġiel li ġabu li l seħibhom mifluġ biex Ġesù jkun jista’ jfejqu, u meta raw li ma setgħux minħabba l-folla, telgħu fuq il-bejt u ħaffru toqba fis-saqaf biex żgur iniżżlu li ħabibhom qrib tiegħu, sewwa sew quddiemu, jew bħal Żakkew, li kien qasir, u, minħabba n-nies, ma setax jarah. Iżda kienet x’kienet ir-raġuni dawn baqgħu fuq barra.

Ġesù huwa l-għalliem, ir-rabbi, il-Kelma u jieħu l-okkażjoni biex mis-sitwazzjoni juri x’għandu jkun l-għan ta’ kulħadd: li tagħmel dak li jrid Alla, mhux dak li taħseb li jaqbillek jew dak li hu tajjeb, iżda dak li jrid Alla. Min jagħmel hekk jikkwalifika biex ikun ħuh jew oħtu jew ommu, ikun ta’ ġewwa, familja. U biex tagħmel ir-rida ta’ Alla trid l-ewwel tkun taf x’irid u biex tkun taf x’irid trid tisimgħu. Għalina dan il-kliem jgħodd ħafna, li iktar kemm imur, iktar qed insoddu widnejna għal dakli hu veru biex nibnu ħajjitna fuq il-ġid tal-wegħdiet fiergħa li, misjuqa mill-moda tal-ħsieb ta’ żmienna, nixtiequ li nisimgħu. Meta ma tismax dak li Alla jrid minnek u ssodd widnejk għal dak li jrid hu, leħen wieħed jifdal, dak li mdorri bih u li taħseb li jtellek tarġa wara tarġa fuq il-pedestall tal-iżolament tiegħek minn Alla u minn dawk li qegħdin hemm biex tħobbhom u biex iħobbuk.

Tentazzjoni ikbar milli ma tismax, hija li tkellem, tordna lil Alla x’għandu jagħmel. Ġejt inkellmek Mulej. Oqgħod bilqiegħda u ismagħni; isma’ sew x’se ngħidlek u fittex aqdini mill-koxxa. Fassaltlek pjan u imxi miegħu. Insomma fi kliem ieħor lil Alla ngħidulu biex jinżel minn postu biex noqgħodu aħna minfloku. Ġejt inkellemk Mulej. Hemm arroganza meta nqiegħed kliem f’ħalq Alla, meta ngħidlu li dak li agħmel mhux sew, u f’isem xi dritt immaġinarju jew libertà vvintatta, jew xi kapriċċ tiegħi jew ta’ oħrajn, ngħidlu li kif naf jien aħjar milli jaf hu. Kemm int żbaljat Mulej. Mhux ta’ b’xejn li fit-talba li għallimna, Ġesù jdaħħal il-frażi ‘ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art’. Hu li kien bniedem bħalna, anke quddiem l-ikbar tbatija jtenni, anke b’eżempju għalina, ‘ikun li trid int’ u fuq is-salib l-aħħar kelma tiegħu hija ‘kollox mitmum.’

It-talb tagħna irid ikun fuq kollox komunikazzjoni ma’ Alla; komunikazzjoni li tfisser, l-ewwel
u qabel kollox li tisma’ u mabgħad titkellem, mhux ‘tkellem lil’ imma ‘titkellem ma’’.

Marija hija ommu għax ġabitu fid-dinja u għax għamlet eżatt dan. Hija hienja għax ‘emmnet dak li qalilha l-Mulej’ u malli semgħetu ‘qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet’ u bagħqet hemm kemm kien hemm bżonn u sakemm kien hemm bżonn, anke sa taħt is-salib. Meta ħasset il-ħtieġa kellmitu u b’għafsa ta’ qalb staqsietu għalfejn lilha u lil Ġueżeppi kien għamlilhom bawxata bħal dik.

Imma l-ikbar xhieda ta’ kemm kienet ommu iktar għax semgħet milli għax welldet tathielna meta fl-aħħar kliem tagħha fl-Evanġelju tagħtina l-parir ta’ omm li tfittex il-ġid ta’ wliedha: ‘Agħmlu dak li jgħidilkom hu’ B’dak il-kliem saret tixbah il-leħen li nstema dakinhar tat-trasfigurazzjoni tiegħu: ‘Dan hu ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu.’

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: