Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Tabib tar-ruħ

Tabib tar-ruħ


Dan huwa t-titlu tal-ktieb li l-Mulej tani l-grazzja nikteb dan l-aħħar. Iva. Tabib tar-Ruħ huwa ktieb dwar it-tabib qaddis Naplitan San Giuseppe Moscati.

Dottor Moscati jibqa’ mfakkar għax-xogħol li wettaq fil-qasam tal-bijokemistrija u anki għall-qalb kbira li kellu lejn il-batut. Moscati ġie ikkanonizzat 30 sena ilu mill-Papa San Gwann Pawlu II. Iżda min kien sewwa dan ir-riċerkatur prim u Nisrani fil-veru sens tal-kelma?

L-istorja tiegħu tgħidilna li kien is-seba’ wild minn disat itfal imwielda lill-familja nobbli Beneventina u li kienet ġejja mill-villaġġ ta’ Santa Lucia in Serino, biswit Avellino. Missieru, Francesco, kien avukat u maġistrat magħruf sewwa f’dawk in-naħiet. Filwaqt li ommu, Mamma Rosa De Luca dei Marchesi di Roseto, ukoll kienet ġejja minn familja nobbli.

Moscati twieled f’Benevento fl-1880. Fil-fatt, biex tibqa’ mfakkra r-rabta tiegħu ma’ din il-belt tqiegħdet statwa tal-irħam fil-Kappella tas-Sagrament Imqaddes fil-Kattidral ta’ Benevento. Giuseppe ġie mgħammed sitt ijiem wara li twieled. Ta’ tmin snin għamel l-ewwel tqarbina. Imbagħad, fl-1884, Moscati mar mal-familja tiegħu f’Napli fejn hemm, nistgħu ngħidu, li qatta’ il-bqija ta’ ħajtu. Matul dan iż-żmien il-familja tiegħu kienet tqatta’ is-sjuf tagħha f’Avellino. U Giuseppe, meta kienu jattendu għall-Ewkaristija bħala familja flimkien, kien jinnota lil missieru Francesco, jgħin lis-saċerdot waqt li kien iqaddes il-quddiesa fil-kappella lokali tal-Klarissi.

Meta kellu għaxar snin Giuseppe irċieva s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni. Kien f’dan iż-żmien li l-familja tiegħu kienet iltaqgħet mal-magħruf Beatu Bartolo Longo u kienet qattgħet ukoll xi żmien fid-dar ta’ Caterina Volpicelli. Aktar tard Caterina kellha tkun waħda mill-aktar gwidi spiritwali impotanti f’ħajjet Giuseppe.

Wara li temm l-iskola primarja fl-1880 Moscati daħal fil-Liceo Vittorio Emanuele II ta’ Napli. Fost l-għalliema tiegħu kien hemm il-magħruf vulkanologu Giuseppe Mercalli. Kien fl-1992 meta ħuħ, Alberto, laqqat trawma inkurabbli meta waqa’ minn fuq iż-żiemel matul is-servizz militari tiegħu. Waqt li Alberto kien qed jiġi ikkurat id-dar Giuseppe ħass is-sejħa li jingħata, b’ruħu u b’ġismu, għall-qasam tal-mediċina. Fil-fatt, wara li temm b’suċċess l-istudji tiegħu fil-Liceo fl-1897 Giuseppe daħal fil-kors tal-mediċina. Kien fl-istess sena meta missieru ħalla dan il-wied tad-dmugħ. Fl-1903 Moscati rċieva d-dottorat tiegħu mill-Fakultà tal-Mediċina fi ħdan l-Università ta’ Napli. Is-suġġett tat-teżi tiegħu kien hepatic urogenesis.

Hekk kif irċieva d-dottorat tiegħu Moscati sieħeb lill-istaff tal-Ospedale degli Incurabili fejn, eventwalment, sar l-amministratur ta’ dan l-isptar. Matul dan iż-żmien, meta ma kienx ikun qed jaqdi dmiru fl-isptar, Moscati kien jistudja u jwettaq ir-riċerka medika tiegħu. F’ħajtu d-dinja medika kienet diġà bdiet tirrikonoxxi l-impenn impressjonanti tiegħu bħala tabib. Tant hu hekk li Moscati spiċċa rikonoxxut bil-bosta wara l-azzjonijiet li kien ħa hekk kif il-vulkan Vessuvju kien żbroffa nhar it-8 ta’ April 1906. Wieħed mill-isptarijiet li għalih Moscati kien responsabbli, jiġifieri dak f’Torre del Greco, kien qiegħed biss ftit kilometri ‘l bogħod mill-bokka tal-vulkan. Ħafna mill-pazzjenti li kien hemm f’dan l-isptar kienu xjuħ u paralitiċi. Moscati ħa ħsieb l-evakwazzjoni tal-bini b’tant reqqa li, appena l-aħħar persuna ħarġet minn dan il-bini, is-saqaf ċeda u sar irmied. Aktar tard Giuseppe bagħat ittra lid-direttur ġenerali tal-isptarijiet ta’ Napli fejn fiha insista li kellhom jiġu irringrazzjati dawk kollha li kienu taw sehemhom fl-evakwazzjoni. Madankollu Moscati ma xtaq bl-ebda mod li jsemmu ismu fir-ringrazzjamenti.

Meta fl-1911 faqqgħet il-kolera f’Napli Moscati ingħata l-inkarigu mill-gvern ċivili li jwettaq ispezzjonijiet pubbliċi u anki li jirriċerka għall-oriġini tal-marda u kif ukoll biex isib l-aħjar modi ta’ kif jeqridha. Dan huwa wettqu f’ħakka t’għajn billi ppreżenta s-suġġerimenti tiegħu lill-uffiċċjali tal-belt. Għall-akbar sodisfazzjon tiegħu bosta mill-idejat li kien ippropona ġew impoġġija fil-prattika sakemm wasal biex miet. Barra minhekk fl-1911 it-tabib Moscati sar membru tal-Akkademja Rejali tal-Mediċina Kirurġika. Kien hawn li rċieva d-dottorat fil-kemistrija fiżjoloġika.

Minbarra x-xogħol tiegħu ta’ riċerkatur u tabib Moscati kien ukoll responsabbli li jmexxi x-xogħlijiet tal-Istitut lokali tal-Patoloġija Anatomika. Fl-kamra tal-awtopsja tal-istitut huwa poġġa kurċifiss li taħtu kellu kitba meħuda mill-ktieb tal-Profeta Ħosegħa Kapitlu 13 vers 14 li bl-Ilsien Latin tgħid hekk: Ero mors tua, o mors (O mewt, jiena se nkun il-mewt tiegħek). Fl-1914 ommu Rosa mietet minħabba d-dijabete. Minħabba f’hekk Moscati sar wieħed mill-ewlenin tobba Naplitani li esperimenta bl-insulina fit-trattament tiegħu tal-marda.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija Moscati ipprova jinkiteb fil-forzi armati. Madankollu ma kienx aċċettat. L-awtoritajiet militari ħassu li seta’ jservi lill-pajjiż billi jittratta lill-midruba. L-isptar fejn kien jaħdem ġie meħud mill-militar. U Moscati nnifsu ikkura madwar 3,000 suldat. Fl-1919 huwa ġie magħmul direttur ta’ waħda mill-iskejjel lokali. Moscati issokta anki jgħallem. Fl-1922 ġie mogħti l-libera docenza li biha seta’ jgħallem il-mediċina klinika. Il-libera docenza ippermettietlu jgħallem fl-istituzzjonijiet għoljin ta’ edukazzjoni.

It-tabib Moscati ħalla dan il-Wied tad-Dmugħ nhar it-12 t’April 1927. Huwa attenda bħas-soltu għall-quddiesa f’dik l-għodwa, tqarben bħalma soltu kien jagħmel u qatta’ l-bqija ta’ dik l-għodwa fl-isptar. Meta irritorna lura d-dar issokta jieħu ħsieb il-pazzjenti sat-3.00 pm. Meta ntasab bilqiegħda fuq il-pultruna, fl-uffiċċju tiegħu, beda’ jħossu għajjien u miet ħesrem.

Għall-ewwel il-ġisem tiegħu ġie midfun fiċ-ċimiterju ta’ Poggio Reale. Madanakollu, tliet snin wara, ġismu kien eżumat u midfun fil-Knisja ta’ Ġesù Nuovo. Illum ħaġra tal-irħam turi l-qabar tiegħu. Moscati baqa’ sod fil-fidi tiegħu matul ħajtu kollha. Huwa żamm il-vot tal-kastità li kien wiegħed lill-Mulej u ipprattika l-virtù mill-isbaħ tal-karità matul ix-xogħol tiegħu ta’ kuljum. Moscati kien iqis il-prattika tax-xjenza tal-mediċina bħala mod ta’ kif itaffi t-tbatija u mhux bħala mod irħis ta’ kif jagħmel profitti eżaġerati minn fuq dahar il-morda. Ta’ spiss Moscati kien isib ħin biex jitlob. Kien jattendi għall-quddiesa ta’ kuljum u kien anki jagħmel użu mill-fidi tal-pazzjenti u anki mis-sagramenti waqt li kien ikun qed jikkura l-morda. Moscati kien jirrifjuta li jitlob il-flus għas-servizz li kien jagħti lill-foqra meta kien jikkurahom. Mhux l-ewwel darba li kien jibgħat lill-pazzjenti f’darhom bi preskrizzjoni u b’karta ta’ 50 Lira Taljana fl-envelop.

Jingħad li anki qabel mewtu Moscati, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fih, kien iwettaq il-mirakli. Uħud qalu li kien jagħmel dijanjożi preċiża u jippreskrivi lill-pazzjenti tiegħu sempliċiment billi kien jisma’ lista ta’ sintomi li dawn kienu jgħidulu bihom. Moscati kien ukoll responsabbli għall-fejqan xjentifikament impossibbli. Aħbarijiet tal-għemejjel tajba tiegħu issuktaw jikbru u joktru anki wara mewtu. Instab li ċerti mirakli li seħħew ma’ xi wħud kienu attribwiti għat-
talb qawwi tiegħu.

Giuseppe Moscati kien ibbejatifikat mill-Beatu Pawlu VI nhar is-16 ta’ Novembru 1975. U kien ikkanonizzat nhar il-25 t’Ottubru 1987 minn San Ġwann Pawlu II. Il-miraklu tal-kanonizzazzjoni tiegħu kien każ ta’ ħaddiem żgħażugħ li kien qed imut permezz tal-lewkimja. Omm dan il-ħaddiem żgħażugħ ħolmot b’tabib libes ġagaga bajda u li, aktar tard, hija identifikat li kien Moscati wara li kienet rat ritratt tiegħu. Ftit wara dan il-fatt binha daħal f’konvalixxenza, fieq u seta’ jissokta jaħdem mill-ġdid.

Giuseppe Moscati kien l-ewwel tabib modern li kien ikkanonizat. Il-festa tiegħu saret nhar il-Ħamis 16 ta’ Novembru. Il-ktieb Tabib tar-ruħ huwa ktieb eċċellenti li int tista tagħti lit-tabib jew lit-tabiba li jikkurak u tikkurak. Tista’ tagħtih b’rigal anki lil xi ħadd mill-familja tiegħek jew lil persuni li taf u li daħlu għall-kors tal-mediċina. Jinxtara mill-ħanut tas-SAY IT MALTA, 32, Tarxien Road, Raħal Gdid. Wieħed jista’ jċempel fuq 27131060.

X’hemm isbaħ milli jkollhom l-eżempju ta’ Giuseppe Moscati biex ikunu huma wkoll tobba tar-ruħ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: