Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Erbgħa, 22 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Erbgħa, 22 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 19, 11-28

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura. Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: “Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi”. Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu: “Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna”.

Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. Resaq l-ewwel wieħed u qallu: “Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet”. Qallu: “Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet”.

Ġie t-tieni wieħed u qallu: “Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet”. Lil dan ukoll qallu: “U int ħu taħt idejk ħamest ibliet”.

U ġie ieħor u qallu: “Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx”. Qallu: “Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?”

Imbagħad qal lil ta’ madwaru: “Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet”. Qalulu: “Imma, sinjur, għandu għaxar miniet!”.“Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi””.

Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

Din il-parabbola nsibuha wkoll fl-Evanġelju ta’ San Mattew li l-Knisja offrietilna ftit jiem ilu fit-tlieta u tletin Ħadd ta’ matul is-Sena A. Il-qafas tal-isfond u tal-parabbola nnifisha huwa l-istess, iżda jinbidel f’ċertu dettalji.

San Luqa jagħtina l-għan doppju ta’ din il-parabbola; dan hu l-isfond. Ġesù kien sejjer Ġerusalemm u n-nies kienu qed jaħsbu li kienet se tiġri xi ħaġa kbira li taqleb kollox ta’ taħt fuq. Hawnhekk tidher l-illużjoni tan-nies li minflok ippruvaw jaħsbu kif kien qe djaħseb Ġesù, ippruvaw jikkonvinċu lilhom infushom li hu qed jaħseb bħalhom. Kienu mxebbgħin mill-ħakma tar-Rumani u riedu jeħilsu minnhom.

Dak li kien qed jagħmel u jgħid Ġesù deher li kien jagħmlu kandidat perfett biex iġib fis-seħħ din il-ħolma. Biex ikomplu jikkonvinċu lilhom infushom kemm kellhom raġun, Ġesù kien sejjer Ġerusalemm, u fejn wieħed jista’ jmur biex jagħmel kolp ta’ stat u jieħu r-riedni tal-pajiż f’idejh jekk mhux fil-belt ewlenija, li fiha kienu jgħixu l-awtoritajiet tal-pajjiż, Rumani u Lhud, u fejn hemm il-qalba tal-pajjiż: it-Tempju. Ovvjament fehmu kollox bil-maqlub.

(Aħna nafu li minkejja din il-parabbola, in-nies xorta ma fehmux u meta Ġesù daħal Ġerusalemm riekeb fuq felu ta’ ħmara, għandu mnejn li ħafa mill-għajjat u l-istorbju li tqanqal kien ġej minn dan il-ħsieb.)

San Luqa jgħidilna wkoll li ir-raġel nobbli kellu ħsieb jerġa’ jiġi lura u ta ordni ċara lill-qaddejja; ħuduhom, mhumiex tagħkom, ħaddmuhom sa ma nerġa’ niġi. San Luqa ma jħalli ebda dubju dwar dak li r-raġel nobbli ried.

In-numru tal-qaddejja u l-valur ta’ dak li jagħtihom huwa differenti wkoll minn dawk li jirrakonta Mattew. Il-mina kellha valur ta’ wieħed minn sittin ta’ talent. Interessanti li San Luqa jgħidilna li sejjaħ għaxar qaddejja u tahom għaxar miniet. Ma tax mina lil kull wieħed, imma għaxar miniet lilhom kollha f’daqqa. Meta wieħed jaħseb ftit jidher ċar li din il-parabbola tagħti mportanza lill-ħidma flimkien fl-iżvilupp tal-ġid li jiġi afdat f’idejna. Li kieku dawk l-għaxra ħadmu flimkien il-frott kien ikun tagħhom kollha għax kienu jagħmlu sforz flimkien, kulħadd skont il-ħila tiegħu, imma ppreferew, kif ħafna drabi nagħmlu aħna, jifthiemu li jinfirdu u kulħadd jaħdem għal rasu. Ħadu mina kull wieħed u ħaddmuha għal rashom. Min irrenda ħafna, min inqas u min xejn.

Meta r-raġel nobbli jiġi lura, kif kien mistenni, ir-rakkont hu kważi kelma’ b’kelma bħal ta’ San Mattew. Ma tissemmiex l-hena, imma tissemma s-setgħa fuq l-ibliet.

Jissemma il-kastig ta’ dawk li kienu jobgħoduh. Ġesù kien qed jipprevedi x’se jiġri f’Ġerusalemm, iżda kien jaf ukoll x’se jiġri wara. L-Evanġelista kien jaf għax meta kiteb kien diġa ġara. Dawk li jirrifjutawh bħala sultan tagħhom, xorti waħda tmisshom, u ma nixtieqha lil ħadd.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: