Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Meta iddifrostjajt!

Meta iddifrostjajt!


Kieku bħalissa hawn xi ħadd li jħobb l-Ilsien Malti, li tant kemm jħobbu li lest jagħti ħajtu għalih, aqta’ x’waħda ġo rasi jilgħabli! U forsi jagħtini ħarsa kerha u jiskumnikani wkoll! IDDIFROSTJAT! Din x’kelma hi x’kull waħda tnejn? U minfejn iġġibhom Sur Patri?

Imma, l-ilsien Malti, nammetti jew ma nammettix, irrid nemminha jew le, jikber, jiżviluppa u jimmatura. Bħalma nispera li jien u int, bit-tlajja’ u l-inżul tagħna f’ħajjitna, nikbru u nimmaturaw ukoll!

Mihlux persuna aqta’ kemm kienet imtaqqla’! Niftakarni li ltaqjna hekk. Bla ma ppjanajna xejn. Hi kellha biċċa xogħol. U jien kelli oħra. Fost ħafna u ħafna. Intant! Din il-persuna ġarrbet diżappunt mill-kbar nett fi ġrajjet ħajjitha. U diżappunt mill-ħorox nett. Għax jinfed minn naħa s’oħra! Kemm hi iebsa ħbieb li fl-aħħar, wara li tkun se tissetilja u kollox, proprju fl-aħħar qattra, meta l-kejk jkun għoddu ħa jinqasam u jitqassam kollu kemm hu, b’naqra xarba ħafifa u fina tgħidx kemm, tara kollox nieżel! Kemm iebsa meta tkun qed tara l-ħolma ta’ ħajtek tiġġarraf! Għax ma nafx x’inqala’ u kollox baqa’ sejjer mar-riħ! Eħħ dak l-intopp! Ja wiċċ …! U ma nkomplix! Għax ma rridx niskandalizza! Imma ħej hekk ikollok aptit tgħidlu dak il-mument tafux!

Kemm hi iebsa ħbieb meta l-qalb tistira ruħha! Meta tiddritta! Jiena, fl-Isptar, nara l-effetti ta’ qalb stirata. Int ħu meta n-nifs jispiċċa, l-għajnejn jitberrqu, il-ġisem jibjad u isir katavru? Ommi Mà! X’biża! Imma ejja issa ma mmorrux ‘il bogħod ħbieb! Hawn katavri u katavri! U mela persuna, jew l-għaliex għaddejja minn żmien ħażin inkella l-għaliex tant kemm ilhom jgħidu kontra tagħha bil-paroli fil-vojt u kollu botti, flimkien mal-ftehim fil-widnejn, seħħilhom fl-aħħar ikissrulha ħajjitha b’tali mod li ġabuha katavru! Li kull ħaġa li tgħid jew tagħmel iridu jinterpretawha ħażin. Iridu jwaddbulha l-ġebel fuq kollox. Iridu jċajpru l-fama tagħha. Issa dan sew? Iva ħalluha jaħasra! Ħalluha taħseb kif trid! U tgħid dak li tħoss li għandha tgħid! U tgħix skont il-valuri tagħha li ġejjin frott kuxjenza safja! Ġaladarba imma dak li qed tgħid u tagħmel ikun mibni fuq l-imħabba vera lejn il-Mulej u lejn il-proxxmu. Iva ħalluha! Iva irridu xi għerf ta’ Salamun biex dan ir-rispett bejnietna inpoġġuh fil-prattika?

Imma le! Jiena irrid nuri kemm jien qaddis u qaddisa! Irrid nuri li għandi poter fuq dik il-persuna. U irrid inwassal il-messaġġ li lili ħadd ma jagħmilli bżieq fuq imnieħri! U x’jiġri? Li lil din il-persuna nkun tfajtha fil-friża! Hemm! Sakemm inġibha ġebla! Imbagħad immur nippriedka hux hekk? U le ħi! Int ippriedka bħall-Missieri Franġisku billi ma tgħid kontra ħadd! U dan qed ngħidu għalija, l-ewwel wieħed! X’taħseb ħi?

Intant. U din il-persuna aqta’ kemm bkiet miskina miegħi! U, aktar kemm ħeġġiġtha ħa titħaddet aktar bdiet ittiha! Mhux bilfors! U mela l-qalb muġugħa mhux titħaddet għandha bżonn. F’dak il-ħin dmugħha sar dmugħi. Kliemha sar kliemi. L-uġiegħ kbir ta’ qalbha sar tiegħi wkoll. L-għaliex jien ukoll nibki. U nokrob meta jweġġegħuni. Madankollu, f’dak il-waqt sewwa, meta jiena wkoll kont inħoss l-uġiegħ tagħha u magħha, niftakarni li għedtilha kelma. “Nifhmek! L-għaliex jiena wkoll ngħaddi minn dak l-uġiegħ li semmejtli!”

Hawn il-folja nqallbet. Għax bdejt nifhem l-għaliex jien Patri. U Patri Franġiskan. L-għaliex fija hemm moħbija l-qalb ta’ Franġisku. Jew aħjar xrara minnha ħalli żgur ma niffranfrax! F’dak il-waqt ġiet quddiem għajnejja s-sentenza ta’ San Pawl lir-Rumani: Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli (Rum 12:15-16).
Iva ħbieb! Il-Mulej għinni nibki magħha. U nurieha li jien ukoll ngħaddi mill-uġiegħ bħalha. U x’ġarali? Il-Mulej fejjaqni magħha! L-għaliex it-tnejn fl-istess dgħajsa qiegħdin! F’baħar wieħed!

Sewwa tgħallimni Pawl: Tagħmluhiex ta’ għorrief! U din sieħbi mhix tingiża imma INJEZZJONI TA’ FEJQAN GĦALIJA!

Mela, meta ħaddieħor jaqsam qalbu miegħek, ISIMGĦU. URIEH LI INT TBATI BĦALU U ITLOB TALBA ŻGĦIRA MIEGĦU! U hekk, tiddifrostjah! Għax tneħħielu s-silġ tal-uġiegħ bi mħabbtek!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: