Il-Knejjes tagħna jkunu dar ta’ servizz, mhux ‘supermarket’


Il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Knejjes ta’ servizz, knejjes mingħajr pedaġġi, l-istess bħalma kienet gratwita s-salvazzjoni, u mhux knejjes supermarket: ma qagħadx jomgħod il-kliem il-Papa Franġisku meta tkellem dwar kemm hu attwali l-ġest ta’ Ġesù x’ħin keċċa lill-bejjiegħa mit-tempju.

 

Sahra, servizz u gratwità, huma t-tliet kelmiet li tenna l-Papa llum, waqt il-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Iż-żewġ siltiet tal-qari tal-lum – spjega l-Papa – ikellmuna dwar it-tempju, anzi dwar it-tisfija tat-tempju. Imnebbaħ minn pass meħud mill-ewwel ktieb tal-Makkabin (4, 36-37.52-59), il-Papa nnota li wara li għeleb lin-nies, Antijoku Epifanu ried jagħmel lill-poplu pagan. Ġuda Makkabew u ħutu riedu jsaffu t-tempju, dak it-tempju li fih kienu saru sagrifiċċji pagani, u riedu jroddu lura s-sbuħija spiritwali lit-tempju, il-qdusija tat-tempju. Il-poplu għalhekk kien ferħan. Infatti, fit-test Bibliku naqraw li ‘kbir kien il-ferħ tal-poplu għax kienet tneħħiet it-tebgħa tal-pagani.’ Għalhekk, żied jgħid il-Papa, il-poplu jsib mill-ġdid il-liġi tiegħu, isib ruħu jgħix skont twemminu; it-tempju jsir mill-ġdid l-imkien tal-laqgħa ma’ Alla.

L-istess jagħmel Ġesù meta jkeċċi lill-bejjiegħa mit-tempju, afferma Franġisku b’riferiment għall-pass tal-Vanġelu skont Luqa (19, 45-48). B’dan l-att il-Mulej jerġa’ jagħmel it-tempju kif għandu jkun: safi, għal Alla biss, u għall-poplu li jmur jitlob. Imma min-naħa tagħna kif se nsaffu t-tempju t’Alla? It-tweġiba, qal il-Papa, tinsab fi tliet kelmiet li jistgħu jgħinuna nifhmu: l-ewwel: sahra; it-tieni: servizz; it-tielet: gratwità.

‘Sahra’ għalhekk hija l-ewwel kelma li ssuġġerixxa l-Papa: Mhux biss it-tempju fiżiku, il-palazzi, huma tempji ta’ Alla: it-tempju t’Alla l-aktar importanti huwa qalbna, ir-ruħ tagħna. Tant illi, kompla Franġisku, San Pawl jgħidilna: ‘Intom tempju tal-Ispirtu s-Santu.’ Dan ifisser għalhekk li l-Ispirtu s-Santu jgħammar fina.

Hu proprju minħabba din ir-raġuni li l-ewwel kelma li ppropona l-Papa kienet ‘sahra’. Minnha joħorġu xi mistoqsijiet għall-eżami tal-kuxjenza: X’qed jiġri f’qalbi? X’qed jiġri ġewwa fija? Kif inġib ruħi mal-Ispirtu s-Santu? L-Ispirtu s-Santu hu wieħed ieħor mill-ħafna idoli li għandi ġewwa fija, u jien nindokrah lill-Ispirtu s-Santu? Tgħallimt nishar fija nnifsi sabiex it-tempju li hemm ġo fija jagħti kenn biss lill-Ispirtu s-Santu?

Allura minn dan toħroġ l-importanza li nsaffu t-tempju, it-tempju interjuri, u nishru, afferma l-Papa, li wissa: Oqgħod attent, attenta: x’qed jiġri f’qalbek? Min ġej…min sejjer… Liema huma s-sentimenti tiegħek, l-ideat tiegħek? Int titkellem mal-Ispirtu s-Santu? Tisimgħu? Ifisser li tishar, li noqogħdu attenti għal dak li jkun qed jiġri fit-tempju tagħna, ġewwa fina.

It-tieni kelma hi ‘servizz’, kompla l-Papa Franġisku. Ġesù, fakkar il-Papa, jurina li Hu preżenti b’mod speċjali fit-tempju ta’ min hu fil-bżonn. Dan jgħidu ċar u tond: Hu preżenti fil-morda, f’min ibati, f’min hu bil-ġuħ, fil-ħabsin. Hu preżenti hemmhekk. Il-kelma ‘servizz’ tissuġġerilna ftit mistoqsijiet li għandna nagħmlu lilna nfusna, issokta Franġisku: Naf inħares dan it-tempju? Nieħu ħsieb dat-tempju bis-servizz li nagħti? Nersaq qrib biex ngħin, biex inlibbes, biex infarraġ lil min għandu bżonn?

San Ġwann Kriżostmu, innota l-Papa, iċanfar lil min kien jagħti ħafna għat-tiżjin, biex jissebbaħ it-tempju fiżiku, u mbagħad ma jiħux ħsieb lil min ikun fil-bżonn; kien iċanfar u jgħid: ‘Le, dan mhux sew, l-ewwel is-servizz, u t-tiżjin, wara.’ Biex dan nagħmluh sew jeħtiġilna nistaqsu: Jien kif ngħin biex insaffi t-tempju tiegħi? It-tweġiba hi sempliċi: Bis-servizz lejn min hu fil-bżonn. Ġesù nnifsu jgħid li Huwa preżenti hemmhekk. Hu preżenti u meta aħna nersqu biex nagħtu servizz, biex ngħinu, inkunu nixbhu lil Ġesù li jinsab hemm ġew.

Franġisku stqarr li ra ikona sabiħa taċ-Ċirinew qed jgħin lil Ġesù jġorr is-salib: ħarsa mill-qrib lejn dik l-ikona, turi li ċ-Ċirinew għandu l-istess wiċċ ta’ Ġesù. Għalhekk, jekk inti tħares dak it-tempju, jiġifieri l-marid, il-ħabsi, l-imġewwaħ, u min hu fil-bżonn, qalbek ukoll tkun tixbah aktar lil dik ta’ Ġesù. Hu proprju għalhekk li l-ħarsien tat-tempju jfisser servizz.

Mela, l-ewwel kelma hi ‘sahra’: x’qed jiġri ġewwa fija?, filwaqt li t-tieni kelma tressaqna lejn is-servizz ta’ min hu fil-bżonn, it-tisfija tat-tempju. It-tielet kelma li tiġini f’moħħi jien u naqra l-Vanġelu hi: ‘gratwità’. Fis-silta tal-Vanġelu Ġesù jgħid: ‘Id-dar tiegħi hi dar tat-talb. Intom għamiltuha għar tal-ħallelin.’ Proprju meta nżommu f’qalbna dan il-kliem tal-Mulej, afferma l-Papa, kemm-il darba dħalna fit-tempju bil-geddum u lanqas inkunu nafu aħniex fid-Dar t’Alla jew f’xi supermarket: hemmhekk naraw il-kummerċ, insibu wkoll il-lista tal-prezzijiet, u b’hekk il-gratwità tkun nieqsa.

Imma Alla b’xejn salvana, ma talabna nħallsu xejn, insista l-Papa, li kompla jitlobna biex il-knejjes tagħna, il-parroċċi tagħna ma jkunux supermarket: għandhom ikunu dar tat-talb, m’għandhomx ikunu għar tal-ħallelin, imma jagħtu servizz gratwit. Żgur li xi ħadd jista’ joġġezzjona li neħtieġu l-flus biex inżommu l-istruttura fiżika tal-knisja fi stat tajjeb u neħtieġu l-flus biex nitimgħu lis-saċerdoti, lill-katekisti. It-tweġiba tal-Qdusija Tiegħu hi ċara: Inti agħti bil-gratwità u Alla jagħmel il-bqija, Alla jagħmel dak li jonqos.

Il-ħarsien tat-tempju – afferma mill-ġdid Franġisku – dan ifisser: sahra, servizz, gratwità. Qabel xejn sahra fit-tempju ta’ qlubna: x’jiġri hemm ġew, attenzjoni għax huwa t-tempju tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad, is-servizz lejn min hu fil-bżonn. Hawnhekk il-Papa għamel suġġeriment biex naqraw il-kapitlu 25 tal-Vanġelu skont San Mattew. Servizz ukoll lill-imġewħin, lill-morda, lill-ħabsin, lil kull min hu fil-bżonn, għax fihom hemm Kristu, dejjem biċ-ċertezza li min hu fil-bżonn hu tempju ta’ Kristu.

Fl-aħħar, temm il-Papa, it-tielet punt hu l-gratwità tas-servizz li jingħata fil-knejjes tagħna: knejjes ta’ servizz, knejjes gratwiti, bħalma kienet gratwita s-salvazzjoni, u mhux knejjes supermarkets.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.