Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Pit stop bomba!

Pit stop bomba!


Naħseb li mhux l-ewwel darba li rajtu bħali tiġrija tal-Formula wieħed. Kif jibdew għaddejjin il-karozzi maċ-ċirkwit? Veru? Altru meta jgħaddu fil-kurvi u altru meta jgħaddu mid-dritt. Kemm ivenvnu meta jgħaddu mid-dritta! Kemm-il karozza tibda’ tiġri! U anki twerżaq! Mhux l-ewwel darba li ħsibtha li se tinqata’ mill-art ħa ttir fil-beraħ tas-smewwiet!

Issa, waqt il-kompetizzjoni tal-Formula wieħed, hemm il-pit stop. Jiġifieri dik il-waqfa tal-karozza fil-box tal-iskuderija tagħha bil-għan li l-karozza tingħatalha s-servizz li għandha bżonn u hekk iseħħilha tasal sal-podju! L-anqas pit stops possibbli u fl-iqsar ħin jawguraw tajjeb u jkabbru ċ-ċansijiet għar-rebħ tat-tiġrija. U allura jippermettu kemm lit-team tal-box tal-iskuderija u lis-sewwieq li jkun, ħa jitilgħu fuq dak l-imbierek podju! U dak is-sewwieq jerfa’ t-trofew u jiftaħ ix-xampanja!

U int min qallek li ħajjitna ma saritx tiġrija tal-Formula wieħed? Almenu għalija dan nista’ ngħidu. Biżżejjed nieħu xogħli fl-Isptar Mater Dei. Kemm l-għaliex hemmhekk iċ-ċirkwit hu Alla jbierek! Ngħidu aħna daqs żewġ koros f’daqqa. U kemm minħabba l-ħeffa li jkolli naħdem biha. X’aktarx meta jċempluli għall-emerġenzi li jinqalgħu. Insomma! Formula wieħed!

Dan l-aħħar jiena wkoll kelli bżonn nidħol daħla sal-box tal-iskuderija tiegħi li jisimha saħħa umana. Iva! Kelli nidħol, fi ħdan l-istess ċirkwit, fil-box ħalli jagħtuni s-servizz u anki jimlewni bil-fuel. Fi kliem ieħor kelli nagħmel pit stop! Issa l-pit stop tiegħi kienet biss ta’ 33 siegħa! Mela kemm għex Sidna Ġesù Kristu fostna!

Kienet waqfa li ħallitli ħafna frott! Dan l-għaliex l-istess valuri li hemm preżenti f’Ġesù Kristu rajthom jiġu mwettqa miegħi mill-istaff eċċezzjonali tal-Isptar Mater Dei. Ibda’ biex, meta mort b’dak li kont qed inħoss, lil min kellimt ħadni bis-serjetà. Mela, mhux talli injorani talli tani l-attenzjoni meħtieġa li kelli bżonn. Daħħalni mill-ewwel fi cubicle apposta tal-emerġenza u segwieni mill-bidu sal-aħħar fl-anqas ħin possibbli! Kemm apprezzajt li dan it-tabib bravu u qalbu f’idu ħa ħsiebi b’tant professjonalità, iżda, u fuq kollox, b’ħafna tjubija.

Imbagħad, x’ħin kont ipparkjat fil-cubicle, ġejt mgħejjun ukoll mill-viżti li għamluli diversi membri tal-istaff u ħaddiema li jaħdmu lejl u nhar f’Mater Dei. Ibda’ minn xi tobba li naf. U spiċċa minn ħafna infermieri u carers u anki security guards, li hemm f’dan l-Isptar ta’ eċċellenza, bil-għan li jżommu l-ordni meħtieġa.

Ħassejtni tabilħaqq mbierek meta ġiet il-porter u, b’ħafna delikatezza, wasslittni fis-sala iddiżinjata għalija. Tul it-triq ukoll sibt ħaddiema oħra li awgurawli għall-fejqan ta’ malajr. Xi ħaġa li żiditli l-kuraġġ u tagħtni t-tama li kollox kien, fl-aħħar mill-aħħar, se jiġi ward u żahar. Għall-grazzja t’Alla!

Meta dħalt fis-sala aqta’ kemm ġejt milqugħ mill-membri tal-Istaff li daru miegħi u offrewli s-sodda. In-numru sittax. F’każ li hawn min irid jilgħabu Super five bħala wieħed mill-ħames numri li bihom abbli jirbaħ xi kemxa! Inkella għal min irid jilgħabu prima għal nhar is-Sibt li ġej! Tafu li dan in-numru ifakkarni wkoll fi programm li snin twal ilu kien jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir f’pajjiżna: Mas-sittax? Kos hux! Kemm jgħaddi ż-żmien!

X’ħin ġejt sistemat fil-kamra bdejt nara ftit lil min kelli madwari. U hawn bdejn ħerġin l-istejjer tal-pazzjenti. Min kien qiegħed l-isptar l-għaliex weġġa’ bil-mutur. U, jiżżi ħajr lill-Mulej li llum baqa’ ħaj. Persuna oħra kellha riħ fil-pulmun. U oħra ma nafx x’kellha imma, l-għaliex anzjana, bdiet tibża ħafna tmur id-dar. Avolja għamlulha l-ilma jiżfen bis-servizzi li bbukkajwha għalihom! U mbagħad, żgħażugħ, kiser idu u, miskin, kien qed jistenna li jiġi operat. Iebes is-sawm ta’ qabel l-operazzjoni!

Quddiem dawn il-ġrajjiet kollha jiena wkoll kont imsejjaħ biex, bħala Patri, ma nibqax imkaħħal mas-sinjura soddti. Anzi! Qomt indur naqra ma’ dawn in-nies! Xejn xejn biex infarraġghom bħalma l-Mulej ifarraġ lili. Minn din is-sala bqajt imbellaħ bis-servizz eċċellenti li jagħtu l-infermieri, it-tobba, il-konsulenti, l-carers u anki dawk li jnaddfu! Kemm iħalli fejqan servizz magħmul bil-qalb! U hawn lanqas ma rrid ninsa’ lil ħuti l-Patrijiet Kapuċċini li żaruni fl-emerġenza u f’din is-sala. U anki dawk li ċempluli daqskemm ħadu ħsiebi! Flimkien, sintendi, ma’ dawk li ġew jarawni meta kont rikoverat għal dawn it-tlieta u tletin siegħa f’din is-sala.

Kos sieħbi! M’aħna xejn u aħna ħafna! Jieħu ħsiebna! Bħalma ħa ħsiebi hu f’din il-pit stop! U ħa ngħidlek ħabib: bis-servizz li ħadt minn din il-pit stop ġejt mimli bil-ġdid bil-fuel tal-imħabba lejn il-marid u l-batut! Insomma, … pit stop bomba!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: