Il-pjaga tal-vjolenza domestika


Is-Sibt, 25 ta’ Novbembru, 2017. Ittra Pastorali tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika fuq in-Nisa.

Għal ħafna mill-familji tagħna d-dar hija post ta’ mistrieħ u għożża fejn wieħed iħossu mkennen mill-istorbju u l-perikli tal-ħajja; imma għal oħrajn l-esperjenza tad-dar taf tkun ħolma kerha minħabba l-abbuż li jġarrbu fil-familja stess. In-nisa miżżewġa huma l-akbar kategorija li tbati minħabba din il-vjolenza domestika; imma magħhom hemm ukoll l-ulied, u f’sens wiesa’ nistgħu ninkludu wkoll lill-anzjani u lill-persuni vulnerabbli, bħalma huma l-morda jew persuni b’diżabbiltà.

Il-vjolenza fid-dar tista’ tkun ta’ għamliet diversi: fiżika, sesswali, psikoloġika, verbali, emozzjonali, finanzjarja, kif ukoll morali u spiritwali. Ħafna drabi l-aggressur juża l-vjolenza biex mingħalih juri kemm huwa b’saħħtu u jikseb ħakma fuq il-vittma. Biex jieħu dak li jrid, l-aggressur jagħmel minn kollox biex iġib taħt idejh lill-vittma u għalhekk jgħajjat, jumilja, jgħajjar, jhedded, ibaxxi, isawwat, ibeżża’, ixewwex, jigdeb, u l-bqija. Fi kliem ieħor, jipprova jneżża’ mid-dinjità umana tagħha lill-persuna li suppost ikun iħobb.

Jekk il-vittma għandha tingħata l-għajnuna biex toħroġ minn din ix-xorta ta’ jasar, daqstant ieħor l-aggressuri għandhom bżonn tal-għajnuna, għax kliem u atteġġjamenti abbużivi jikxfu li għandhom problema serja fil-personalità tagħhom.

Il-fatt li ma tantx nisimgħu b’inċidenti bħal dawn ma jfissirx li fostna ma hawnx min huwa kkalzrat f’daru stess. Fil-fatt, il-vjolenza fid-djar qisha epidemija siekta li qiegħda tmarrad fiżikament u mentalment lill-vittmi, therri l-għaqda fil-familja u tifrex aktar vjolenza fis-soċjetà.

Il-familja fejn il-preżenza tar-raġel hija kollha dnewwa tiftaqar fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-membri, u għalhekk it-tifsira taż-żwieġ tiġi fix-xejn, kemm fuq livell uman u kemm, fil-każ tal-Insara, fuq livell ta’ sagrament. L-imġiba mqanqla tal-missier fil-familja tħarbat il-missjoni tal-familja, kemm bħala dik li teduka lit-tfal, u kemm bħala dik li tittrasmetti l-fidi f’Ġesù Kristu lill-membri tal-istess familja. Issir ħsara enormi lill-ulied meta jaraw jew jisimgħu din l-imġiba vjolenti bejn il-ġenituri. Anki jekk ma jkunux imsawta direttament, meta jkunu xhieda ta’ dan it-trattament xejn uman bejn il-ġenituri tagħhom, l-ulied ikunu qed jiġu msawta indirettament. Jitqarraq dak il-ġenitur li jaħseb li l-ulied ma jintebħux li fil-familja hemm il-vjolenza. Inħoss għal dawk it-tfal li fis-satra ta’ kamarthom jibku waħidhom għax jisimgħu bil-vjolenza bejn il-ġenituri tagħhom.

B’xorti ħażina, il-kultura tagħna għadha tostor dan l-abbuż. Mhux minnu li meta mara tiddenunzja lil żewġha, hi tkun qed tittradixxi l-imħabba jew tkun qed tikser xi wegħda taż-żwieġ. Lanqas mhuwa korrett min jirraġuna li l-mara għandha tissaporti l-abbuż fid-dar biex ma tkunx kawża ta’ tifrik tal-familja. Anzi, il-vjolenza domestika tista’ tkun raġuni biex żwieġ ikun iddikjarat null kemm fil-Qrati Ċivili u kemm fit-Tribunali tal-Knisja.

Ikun tassew qed jabbuża mit-twemmin Nisrani min jipprova juża l-Bibbja biex jiġġustifika din il-vjolenza, bħal fil-każ ta’ min jirreferi għal dak li jikteb San Pawl fl-Ittra lill-Efesin: “Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel huwa ras ilmara” (5:22). Hawnhekk San Pawl bl-ebda mod ma qiegħed jgħid li r-raġel huwa dominanti fuq il-mara; għall-kuntrarju, l-Appostlu jeżorta lill-irġiel miżżewġa biex iħobbu lil marthom bħalma Kristu jħobb lill-Knisja.

Min-naħa l-oħra, tiżbalja wkoll dik il-vittma li taħseb li, jekk tipprova toħroġ minn din ilqagħda, hija tkun qed tonqos spiritwalment, jew agħar minn hekk taħseb li deċiżjoni bħal din iġġorr magħha xi ħtija morali.

Il-vjolenza domestika ddiskutejnieha wkoll waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja. Il-Papa Franġisku jfisser tajjeb il-ħsieb tas-Sinodu, meta jgħid li “l-vjolenza tal-mistħija li xi drabi tintuża fuq in-nisa, il-vjolenza fil-familja u xejriet oħra ta’ jasar mhux vera huma wirja tas-saħħa maskili, imma ta’ ġifa. Il-vjolenza verbali, fiżika u sesswali kontra n-nisa f’xi koppji miżżewġa tmur kontra l-istess natura tal-għaqda taż-żwieġ” (Amoris lætitia, 54). Kontra min jgħid li ħafna problemi ta’ żmienna nibtu minħabba fl-emanċipazzjoni tal-mara, il-Papa Franġisku mhux biss jgħid li dan l-argument mhux validu, imma jsejjaħ dan ir-raġunament “għamla ta’ maskiliżmu” (Amoris lætitia, 54).

Quddiem din il-qagħda tassew kerha, nagħmel stedina lill-vittmi tal-vjolenza domestika,
partikularment lin-nisa maħqura f’darhom stess, biex iqumu fuq saqajhom u jsibu l-kuraġġ u joħorġu minn taħt l-għarqub ta’ min qed jirfes id-dinjità u d-drittijiet tagħhom. Ma hemm xejn li jiġġustifika l-vjolenza domestika. Il-vjolenti qatt ma għandu raġun. Il-vjolenza domestika hija dnub u reat kriminali.

Nagħmel appell ukoll lis-saċerdoti, lil-lajċi impenjati fil-pastorali u lill-edukaturi biex jgħinu ħalli tkompli tinħoloq kuxjenza kontra din ix-xorta ta’ moħqrija fil-familji tagħna, billi jitkellmu mal-kategoriji kollha dwar dan is-suġġett fl-omeliji u fil-laqgħat ta’ formazzjoni. Aktar ma jkun hemm għarfien dwar din il-pjaga familjari u soċjali, aktar hemm probabbiltà li jitkisser iċ-ċiklu tal-vjolenza li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Inħeġġiġhom ukoll biex meta jiltaqgħu kemm ma’ dawn il-vittmi u kemm mal-aggressuri, jisimgħuhom b’ħafna sabar u mħabba, u jirreferuhom lil persuni mħarrġa fil-counselling u l-psikoterapija biex ikunu jistgħu jgħinuhom fil-proċess tal-fejqan.

Meta llum is-soċjetà qiegħda tfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika fuq in-Nisa, nistieden lill-komunità Nisranija biex, imsaħħa bit-talb u misjuqa mit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, tingħaqad mal-imsieħba soċjali f’din il-kawża biex tiġi megħluba din it-tebgħa soċjali. Hekk, mhux biss jiġi evitat ħafna wġigħ fiżiku u tal-qalb, imma l-familja terġa’ tikseb in-natura tagħha ta’ bejta tal-imħabba.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum is-Sibt 25 ta’ Novembru 2017.

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: