Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Kun iċ-ċavetta tal-imħabba, tal-mogħdrija u tal-verità

Kun iċ-ċavetta tal-imħabba, tal-mogħdrija u tal-verità


Is‑Sibt, 25 ta’ Novembru: fis‑6:30 p.m. Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa li matulha jagħti il‑pussess lil Dun Robert Grech bħala l‑Kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa San Ġorġ Preca, is‑Swatar.

350859-740xNone

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali tas-Swatar

“Arawni hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerda tiegħu, hekk naħsebn jien fin-nagħaġ tiegħi u nsalvahom minn kull fejn xterrdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru” (Eżek 34, 11-12).

Dan il-kliem sabiħ tal-profeta Eżekjel għandu jkun għalik, għażiż Fr Robert, għażiż kappillan, kliem programmatiku; għandu jkun il-programm tal-ministeru tiegħek bħala kappillan f’din il-parroċċa żagħżugħa. Il-Mulej irid jieħu ħsieb dan il-poplu permezz tiegħek. Inti trid tkun f’nofs il-poplu tiegħek. Għandhom bżonn iħossu l-preżenza tiegħek. Għandhom bżonn jisimgħu leħnek, għandhom bżonn il-ħarsa ta’ għajnejk, l-għafsa ta’ jdejk, għandhom bżonn il-kelma ta’ faraġ, il-kelma ta’ twissija, għandhom bżonn il-qalb tiegħek li tħobbhom, li tagħti ħajtek għalihom.

“Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi u jiena nserraħhom […] Jiena nfittex il-mitlufa, inreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, inqawwi l-marida, inħares is-smina u l-qawwija, nirgħahom bil-ġustizzja” (vv. 15-16). Dan l-oraklu tal-Mulej huwa oraklu li jitwettaq fir-Ragħaj it-Tajjeb kull fejn il-Knisja jkollha l-grazzja li tafda lill-komunitajiet parrokkjali tagħha f’idejn saċerdoti li għandhom qalbhom f’idejhom, li qalbhom tixbah il-Qalb ta’ Ġesù, qalb li taħfer u tħenn, qalb li hija umli, ġwejda u li m’għandhiex ħinijiet li tħobb għax tħobb dejjem.

Santu Wistin, kif taf, għandu kummentarju sħih fuq din il-profezija ta’ Eżekjel li aħna s-saċerdoti naqraw kull sena għall-ħabta tax-xahar ta’ Settembru. Peress li dan l-oraklu, din il-profeżija qed tingħata lilek b’konsenja f’jum il-pussess tiegħek bħala kappillan, inħeġġek li terġa’ taqra l-kliem ta’ Santu Wistin li lilna s-saċerdoti jispjegalna x’ried ifisser il-Mulej meta jgħid “ifittex il-mitlufa, ireġġa’ lura l-imxerrda, jinfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, iqawwi l-marida, imma jħares ukoll lil dawk li huma b’saħħithom”.

Nistiednek tiskopri fl-istorja ta’ ħajtek u fl-esperjenza ta’ kuljum il-fedeltà tal-Mulej.

Fuq kollox juża’ din l-espressjoni l-profeta Eżekjel “nirgħahom bil-ġustizzja”. L-ewwel sentiment tal-ġustizzja trid tkun fil-qalb tiegħek, għażiż kappillan, għax il-ġustizzja hija l-fedeltà tal-Mulej għalina. Din hi l-ġustizzja: il-fedeltà tal-Mulej magħna, li l-kelma tiegħu ma jreġġa’ lura qatt u l-kelma tiegħu hija kelma ta’ mħabba u ta’ ħniena.

Għalhekk nistiednek biex tiskopri fl-istorja ta’ ħajtek u fl-esperjenza ta’ kuljum, il-fedeltà tal-Mulej miegħek li jafek, jaf il-preġji tiegħek, kif jaf ukoll id-difetti u l-waqgħat tiegħek. Imma huwa ġust miegħek għax miegħek huwa ħanin, miegħek huwa mogħdrija, miegħek huwa mħabba. U inti dak li tirċievi mill-Mulej għaddieh lill-merħla, għaddieh lil dan il-poplu għażiż.

Tibżax tgħid il-kelma tal-verità imma għidha dejjem b’imħabba.

Fuq kollox inti għandek eżempju sabiħ ta’ saċerdot Malti li għalih hija ddedikata din il-parroċċa u din il-knisja parrokkjali. Saċerdot li kien evanġelizzatur li, bil-ħajja tiegħu, bil-kelma tiegħu, wassal Leħen il-Maħbub, li għallem ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li wliedu spiritwali għadhom magħna jagħmlu xogħol kbir ta’ katekeżi. Ħares lejn San Ġorġ Preca bħala l-mudell tiegħek imma ifhem u għaraf li din hija responsabbiltà kbira ħafna. Kif jiena nafda wkoll lilek lill-membri ta’ din il-parroċċa, jafuk, drawk, inti drajthom ukoll u naħseb jiena drajtu tieħdu paċenzja b’xulxin.

Inti għandek bżonn mhux dak il-muftieħ imma ċ-ċavetta bħall-qarn tan-nies li l-Mulej qed jibagħtek fosthom bħala kappillan tagħhom. Trid tkun iċ-ċavetta tal-imħabba, tal-mogħdrija, tal-verità. Tibżax tgħid il-kelma tal-verità imma għidha dejjem b’imħabba. Tibżax twassal il-kelma ta’ Ġesù għax se jitolbok kont tal-kelma tiegħek.

Fuq kollox ejjew nifhmu x’jixtieq Ġesù meta fl-Evanġelju tal-lum jgħidilna: “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna naraw lil Ġesù f’xulxin. Kemm hi ħaġa qaddisa li meta nittrattaw lil xulxin u kif nittrattaw lil xulxin, inkunu qegħdin nittrattaw ma’ Ġesù. Kemm hi ħaġa qaddisa li kif nitkellmu fuq xulxin nifhmu li qed nitkellmu fuq Ġesù ma’ xulxin. Li kif aħna nħobbu lil xulxin, nifhmu li qegħdin nuru imħabba kbira lejn il-Mulej li jixtieq li jingħaraf f’kull wieħed u waħda minna.

Aħna nitolbuh li meta niltaqgħu wiċċ imb wiċċ miegħu, ir-Ragħaj it-Tajjeb u sabiħ, insibuh bħala ragħaj ħanin li jilqagħna fil-hena tiegħu. Imma mil-lum nagħżluh bħala s-Sultan veru tagħna, u inti, għażiż Fr Robert, li llum inti maħtur mill-Knisja permezz tal-Isqof tiegħek, ragħaj ta’ din il-parroċċa, itolbu lill-Mulej li jkun is-sultan ta’ qalbek, li inti tira’ lill-poplu tiegħu f’ismu, li jitolbok huwa dak li talab lil San Pietru: “tħobbni inti?” Imma San Pietru rrispondieh: “Mulej, inti taf li jiena nħobbok” u Ġesù jirrispondik “irgħa n-nagħaġ tiegħi” (ara Ġw 21, 17-18).

✠ Charles J.Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: