Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd, 26 ta’ Novembru 2017 – Festa ta’ Kristu Sultan

L-Evanġelju tal-Ħadd, 26 ta’ Novembru 2017 – Festa ta’ Kristu Sultan


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 25, 31-46
Ara l-qari kollu: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php

Normalment il-bnedmin għandhom it-tendenza jinfirdu, f’żewġ blokki jew iktar u, biex jingħarfu minn xulxin, jiddefinixxu lilhom infushom bħala ‘aħna’ u ‘intom’. Il-bnedmin kollha jagħmlu hekk. Anke fil-familji. Aħna, f’Malta, nafu sewwa x’jiġifieri. Ġieli tkun esperjenza li tagħtina gost imma fil-biċċa l-kbira, l-iktar meta l-qasma tkun esaġerata, hija biċċa wġiegħ ta’ ras u tikkawża qsim ta’ qalb.

F’dan ir-rakkont, fl-aħħar silta li qed naqraw matul din is-Sena Liturġika mill-Evanġelju ta’ San Mattew, il-ġnus kollha jinġabru flimkien quddiem Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu, u hu jifridhom minn xulxin bħalma ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż. Kienu merħla waħda u ragħaj wieħed, imma issa wasal iż-żmien li jinfirdu biex issir distinzjoni bejniethom. Għalfejn? U għalfejn nagħaġ u mogħoż?

In-nagħaġ u l-mogħoż jixxiebħu ħafna u mhux l-ewwel darba li jitrabbew flimkien. Għal min mhux espert, bħali, mhux faċli tagħraf liema hi n-nagħaġa u liema hi l-mogħża. Imma l-espert, ir-ragħaj għandu l-ħila jagħarfhom, anke mill-bogħod, mhux biss għax jidhru differenti imma għax l-imġieba tagħhom hija differenti.
In-nagħaġ għandhom il-fama ħażina li huma stupidi, mhux kapaċi jaħsbu għal rashom, għandhom bżonn ir-ragħaj biex imexxihom. Il-mogħoż indipendenti, arroganti u kapaċi jħarbtu fejn ikunu; lir-ragħaj imexxuh huma. B’dan it-tagħrif, it-tixbiha li jagħmel Ġesù u li mal-ewwel daqqa’ ta’ għajn tidher bla għan, f’daqqa waħda tagħmel ħafna sens. Il-fatt li jqiegħed lin-nagħaġ fuq il-lemin u l-mogħoż fuq ix-xellug ukoll jagħtina indikazzjoni ta’ x’ġej. Il-lemin huwa, kulturalment, marbut mat-tajjeb u x-xellug mal-ħażin.

Hu x’inhu l-kas, l-istint tal-merħla, li qatt m’hu tajjeb, f’dan il-waqt wasal fi tmiemu. Huwa ż-żmien li fih kulħadd jieħu li ħaqqu, mhux skont kif imxiet il-merħla imma skont ma għamel meta kien mal-merħla. Ħadd m’hu se jieħu li ħaqqu fuq dak li għamel kulħadd imma fuq dak li għamel hu.

Ġesù jgħid li Bin il-bniedem, li darba stieden lid-dixxipli tiegħu biex, jekk iridu jkunu tassew dixxipli jimxu warajh mgħobbijin bis-salib, issa jgħidilhom: Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Ejjew u ħudu. Mhux iktar ejjew u agħtu jew ejjew u ġorru; ejjew u ħudu dak li tħejja għalikom sa mill-bidu. Intom ġejtu u tajtu u ġarrejtu, issa ejjew u ħudu u jġorrukom. L-istedina tiegħu mhux biss laqgħuha imma għexuha. Qdewh tajjeb kull meta kellu bżonn, kien x’kien il-bżonn tiegħu.

Ġesù jsemmi uħud mill-ħtiġijiet l-iktar fundamentali tal-bniedem. Isemmi żewġ eżempji ta’ bżonnijiet tal-ġisem il-għatx u l-ġuħ; mingħajr ikel u xorb il-bniedem ma jgħix. Huma ħtiġijiet biex il-bniedem jikber u jkollu l-enerġija biex jaħdem u jieħu ħsieb tiegħu innifsu u ta’ dawk li jiddependu minnu. Isemmi wkoll żewġ eżempji ta’ bżonnijiet biex il-bnedem jgħid f’sigurtà u b’dinjità, saqaf fuq rasu meta jkun mitluf ’il bogħod minn daru, l-ospitalità li kull bniedem għandu bżonn biex iħossu milqugħ; billejl għandu fejn imidd rasu mingħajr ma jkun fil-periklu; u ħwejjeġ x’jilbes, biex jgħix bid-dnijità u mingħajr mistħija; ikun bħal kulħadd ma’ kulħadd. Fl-aħħar isemmi wkoll żewġ ħtiġjiet li jgħinu biex il-bniedem jibqa’ parti mill-familja jew mis-soċjetà. Il-marid mitfugħ f’qiegħ ta’ sodda ma jistax jgħix iktar flimkien mal-oħrajn, huwa limitat fil-movimenti, f’kemm jista’ joħroġ u jieħu sehem fil-ħajja tal-komunità. Il-ħabsi għandu l-libertà tiegħu imrażżna jekk mhux imxejna għal kollox u għalhekk ukoll huwa waħdu bil-piż tal-ħlas għall-ħtijiet tiegħu. Żgur li ma’ dawn hemm ħtiġijiet oħra.

Huma l-ħtiġijiet tal-bnedmin mhux il-ħtiġijiet ta’ Alla u la huma l-ħtiġijiet tal-bnedmin huma l-ħtiġijiet tagħna lkoll. Għalkemm jista’ jidher li Ġesù qed jgħidilna xi premju jieħdu fl-aħħar dawk li jaqdu dawn il-ħtiġijiet, qed jgħidilna wkoll kemm, kull bniedem jaqbillu jaqdi lil kull bniedem ieħor, hu min hu, jemmen x’jemmen, jgħix kif jgħix, fil-ħtiġijiet tiegħu kollha. Ma ninsewx, aħna bnedmin ukoll u llum jew għada il-bżonn jiġi fuq kulħadd.

Dawk li qdew lill-bnedmin fil-ħtiġijiet tagħhom jidħlu fil-hena tas-Saltna, dawk li li ġabu ruħhom ta’ mogħoż jibqggħu barra u l-bieb jingħalaq f’wiċċhom. Is-Saltna li thejjiet għall-imberkin li tbierku b’għemilhom kien għalihom sa minn dejjem, imma n-nar ta’ dejjem kien thejja għal dawk li ma riedux jafu, li ħasbu li huma aqwa minn Alla stess, tkun ix-xorti ta’ dawk li seħtu lilhom infushom għax qatt ma taw kas ħadd.

Hija ħaġa tassew stramba kif il-bniedem jinsa li hu bħall-bnedmin l-oħra meta ma jkunx fil-bżonnu jintrikeb mill-ħsieb li qatt ma jista’ jkun bħalhom u bħall-mogħoż, jipprova jmexxi kollox hu billi jkun arroganti u jħarbat kull fejn ikun. Hija ħaġa tassew stramba imma mhux daqshekk rari.

Il-Kelma ta’ Alla, bħal dejjem mhix twiddibna biex twerwirna, imma biex timlilna qalbna bit-tama li għadna fil-ħin biex nistgħu nitbierku, biex inħennu għal min hu fil-bżonn (anke għax nagħrfu li aħna f’xi bżonn jew ieħor ukoll) mhux iżjed biss għax nixtiequ li ħaddieħor iġib ruġu magħna bl-istess mod, iżda għax nafu kullma qed nagħmlu ma’ ħaddieħor u kullma ħaddieħor qed jagħmel magħna, qed isir ma’ Ġesù stess.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: