Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > L-Arloġġ tal-Knisja f’postu

L-Arloġġ tal-Knisja f’postu


Il-Ħadd 26 ta’ Novembru 2017. Riflessjoni tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fis-Solennità ta’ Kristu Sultan. Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

24167211_803241663182246_745922449_oMhix l-ewwel darba li smajt li min jilmenta li llum fil-Knisja kollox mar il-baħar, għax kollox sar mhu xejn. Jien konxju li hemm “nies tal-Knisja” li huma mħassba mhux biss għax ċertu tibdil mgħaġġel li għaddejja minnu s-soċjetà huwa f’kuntrast qawwi mal-valuri tal-Vanġelu, imma wkoll għax il-Knisja (u l-Isqof) ma titkellimx. Barra minn hekk, huwa sentiment komuni f’dawk li huma ħerqana biex jgħaddu l-fidi lill-oħrajn (ġenituri, għalliema, katekisti, saċerdoti…) li ħafna drabi nsibu ruħna qed nitkellmu mat-torox, għax it-tagħlim Nisrani li nippruvaw nagħtuhom f’ħafna każi jaqa’ bħal ilma fuq dahar il-papri! Imbagħad hemm min jistaqsi għaliex l-evanġelizzazzjoni tagħna mhix qed tkun daqshekk effettiva. Bi preżenza daqshekk qawwija ta’ saċerdoti, persuni kkonsagrati, għaqdiet reliġjużi, kollaboraturi lajċi, wieħed ġustament jistenna li l-komunitajiet tagħna jkunu ftit imkennija u ma jittiħdux daqshekk malajr mill-mard spiritwali u morali ta’ żmienna; imma minkejja din il-forza numeruża, “is-swali tal-isptar” mhumiex battala! Allura x’hemm li mhux qed jaħdem sewwa fil-pastorali? L-għodda li għandna hija skaduta? Ma għandniex programm pastorali bis-sens?

Fl-Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu, il-Papa Franġisku jisħaq li għandna bżonn nibdlu l-mod kif is-soltu nitkellmu dwar l-evanġelizzazzjoni. Ħafna drabi hawn min għadu bil-mentalità ta’ meta fir-raħal kollox kien jimxi mal-arloġġ tal-knisja parrokkjali. Iddoqq l-Ave Marija u tarahom jerfgħu mix-xogħol biex imorru għar-rużarju u l-Barka Sagramentali! Imma l-arloġġ tal-Knisja issa ilu li ma għadux ikejjel ir-ritmu tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Dak li jissejjaħ “Kristjaneżmu soċjoloġiku” jew “katekumenat soċjoloġiku”, kulma jmur qed inin. Qed ngħixu f’soċjetà ta’ pluraliżmu kulturali u reliġjuż fejn in-nies iħossuhom ħielsa jagħmlu l-għażliet tagħhom.

Quddiem din ir-realtà, kontinwament jidwi f’qalbi l-kliem tal-Papa Franġisku: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli biex nikkonservaw dak li għandna” (27). Għandna bżonn insiru iżjed missjunarji fis-sens li l-azzjoni pastorali tagħna tpoġġina f’atteġġjament kontinwu ta’ ħruġ u hekk tiffavorixxi t-tweġiba pożittiva ta’ dawk kollha li lilhom Ġesù joffri l-ħbiberija tiegħu (ara 27).

It-tradizzjonijiet reliġjużi li għandna, il-fatt li ħafna jitolbu s-sagramenti għax għandhom seħer soċjali, kif ukoll id-drawwa li mmorru l-quddiesa tal-Ħadd, lilna ma jgħinuniex nirrealizzaw l-urġenza li nkunu “Knisja missjunarja”. Għaldaqstant, għadna napplikaw ħafna mill-enerġija tagħna biex inperrċu u nindukraw il-wirt reliġjuż li rċivejna. Jekk ser nibqgħu wieqfa f’dan l-istadju, qegħdin naraw sa mneħirna. Ser jasal jum fejn mhux biss nitilfu tal-bieraħ, imma nsibu ruħna bla ġejjieni. Għalhekk hemm bżonn li lkoll nieħdu parti konxja u attiva fl-evanġelizzazzjoni. Kif jafferma l-Papa, kull min hu mgħammed għandu jistqarr: “Jien missjoni fuq din l-art u għalhekk ninsab fid-dinja… Aħna mmarkati bin-nar minn din il-missjoni li ndawlu, inbierku, ngħajxu, inserrħu, infejqu, neħilsu” (273).

Imma x’inhi r-raġuni li l-missjoni hija parti minn ħajjitna? Din mhix mistoqsija retorika, imma personalment konvint li għandna bżonn niċċaraw il-motivazzjoni tagħna biex nevanġelizzaw fil-kuntest tal-lum.

Skont l-Evangelii gaudium hemm żewġ raġunijiet għaliex għandna nagħmlu t-tħabbira: (a) aħna nħabbru għax għandna qalbna mimlija bil-ferħ tal-Vanġelu u dan il-ferħ ma nistgħux inżommuh magħluq fina; (b) aħna nħabbru għax il-karità ssuqna biex naqsmu mal-oħrajn dan id-don li aħna rċivejna mingħajr ebda mertu. Għalhekk mhux il-ħażen jew id-diżordni ta’ madwarna għandu jixprunana biex nagħmlu xi ħaġa, imma l-ferħ li nġarrbu meta Kristu jsibna. “Amor est diffusivum sui” – aħbar tajba dejjem tinfirex! Fil-fatt, l-Evangelii gaudium tiftaħ billi l-Papa jitkellem dwar il-ferħ li jġarrab il-bniedem meta jsib u jiltaqa’ ma’ Ġesù, u tispiċċa b’kapitlu ddedikat lill-“Evanġelizzaturi bl-Ispirtu”, fejn il-Papa jgħidilna li l-evanġelizzazzjoni hija ħidma misterjuża tal-Ispirtu s-Santu u li l-ħidma tagħna bħala komunità ekkleżjali hija biss “djakonija” lill-Ispirtu. Għax il-Knisja ma tikkomunikax il-fidi imma tagħti xhieda tal-fidi; huwa l-Ispirtu s-Santu li jqabbad il-fjamma tal-fidi fil-bniedem. Mhux aħna ser insalvaw is-soċjetà, imma l-Ispirtu s-Santu. Dan kollu l-Papa jkompli jfissru meta jgħid li “l-ewwel motivazzjoni għall-evanġelizzazzjoni hi l-imħabba ta’ Ġesù li aħna rċivejna, l-esperjenza tal-fidwa li hu ġabilna u li ssuqna biex inħobbu dejjem iżjed”.

Għalhekk joħroġ ċar li biex l-azzjoni pastorali tkun effettiva, trid tkun frott ta’ ħajja interjuri. “L-ebda motivazzjoni mhi ħa tkun biżżejjed jekk fil-qlub m’hemmx jaqbad in-nar tal-Ispirtu” (261). Qabel kull programm jew strateġija pastorali, qabel kull analiżi soċjoloġika u qabel il-kwalità tal-għodda, neħtieġu ħajja spiritwali intensa. Kif tista’ tgħid li qed taħdem għal Kristu jekk ma tiqafx fit-talb u titolbu jerġa’ jiġi u jsaħħrek għal warajh (ara 264)? Ma nistgħux inkunu xandara jew missjunarji jekk ma nafux nieqfu quddiem il-Kurċifiss jew noqogħdu għarkupptejna f’riġlejn Ġesù Sagramentat u sempliċement noqogħdu taħt għajnejh. “L-aqwa motivazzjoni li twassalna biex inxandru l-Vanġelu hi li nkunu kkontemplajnieh bl-imħabba, hi li nkunu waqafna fuq il-paġni tiegħu u qrajnieh bil-qalb” (264). “Mhix l-istess ħaġa tikkontemplah, tadurah, tistrieħ fih, jew ma tagħmel xejn minn dan” (266). Mhux ser jirnexxilna mmissu ebda qalb jekk ma nħallux lil Ġesù jmiss lil qalbna. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nistinkaw biex inkunu “evanġelizzaturi bl-Ispirtu”, li jfisser li “nkunu evanġelizzaturi li jiftħu qalbhom bla biża’ ta’ xejn għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu” (259).

Kjarifika oħra li nħoss li huwa neċessarju li nagħmlu hija dwar il-kontenut tal-evanġelizzazzjoni “llum”. Il-Papa jibda biex jgħid li l-fundament tal-fidi mhix xi duttrina jew “obbligu morali” (165), imma l-ġrajja ppreżentata f’dik li tissejjaħ “l-ewwel tħabbira”. “Erġajna skoprejna li anki fil-katekeżi, l-ewwel tħabbira jew kerygma għandha rwol fundamentali, għandha tkun fil-qalba tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ kull ħsieb ta’ tiġdid fil-Knisja… Il-kerygma hija nar tal-Ispirtu li jingħatalna taħt l-għamla ta’ ilsna u jimliena bil-fidi f’Ġesù Kristu… Fuq fomm il-katekista dejjem jirritorna l-eku tal-ewwel tħabbira: ‘Ġesù Kristu jħobbok, ta ħajtu biex jifdik, u issa hu ħaj u qrib tiegħek kuljum biex idawlek, biex isaħħek, biex jeħilsek’” (164). Interessanti li din tissejjaħ “l-ewwel tħabbira” mhux għax nibdew biha, imbagħad ngħaddu għal kontenut ieħor, imma għax hija tħabbira ewlenija li rridu nibqgħu ntennuha.

24140188_803239383182474_1911153745_o

Huwa wara li l-bniedem ikun laqa’ “l-ewwel tħabbira” illi din “tkompli titlaħħam dejjem iżjed u aħjar” (165) maż-żmen biex tagħti tifsira reliġjuża lis-sitwazzjonijiet diversi tal-ħajja. Għalhekk nitkellmu fuq dik li tissejjaħ “it-tieni l-ewwel tħabbira”, immirata biex il-bniedem iqiegħed fil-prattika l-“iva” tiegħu għall-imħabba feddejja ta’ Alla bl-għażliet li jagħmel f’ħajtu. Imma ma nistgħux nippretendu li l-bniedem jagħmel dawn l-għażliet jekk qabel ma jkunx fetaħ qalbu għall-ewwel tħabbira!

U ma nkunux sejrin żmerċ jekk ngħidu li attwalment f’pajjiżna ħutna huma għatxana għall-ewwel tħabbira. Il-fatt li xi wħud jistennew b’insistenza li l-Knisja tagħti direzzjoni morali, ma jfissirx li huma diġà laqgħu l-ewwel tħabbira, għax jista’ jkun li huma aktar iħarsu lejn il-Knisja bħala gwardjan tal-morali milli djaknu tal-Ispirtu s-Santu li jrid ifawwar lil qlubna bl-imħabba divina li dehret fi Kristu Ġesù. Ma nistgħux nibnu l-binja jekk ma nqegħdux pedamenti solidi, u “ma hemm xejn iżjed solidu, profond, żgur, konsistenti u għaref minn din it-tħabbira” (165). It-tħabbira tal-imħabba li Ġesù Kristu għandu lejna, ħadd eskluż, tiġi qabel it-tħabbira tal-morali; il-ferħ li wieħed iġarrab għax jirċievi r-rigal tal-laqgħa ma’ Ġesù jiġi qabel l-impenn tat-tweġiba!

Nieħdu nota li f’dan il-kuntest il-Papa jitkellem fuq “ġerarkija ta’ veritajiet”, fis-sens li l-veritajiet kollha nemmnuhom bl-istess fidi, imma “xi wħud minnhom huma iżjed importanti biex bihom nistgħu nesprimu aktar dirett il-qalba tal-Vanġelu. F’din il-qalba fundamentali jilma l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta. Dan jgħodd kemm għad-dommi tal-fidi u kemm għall-ġabra tat-tagħlim tal-Knisja, fost l-oħrajn it-tagħlim morali tagħha” (36). Ispirat mit-tagħlim ta’ San Tumas ta’ Aquino, il-Papa jinnota li anki fil-veritajiet morali hemm ġerarkija fil-virtujiet u fl-għemejjel li joħorġu minnhom (ara 37).

Xi drabi nissuspetta li fost in-nies tagħna hemm min jaf il-morali, imma ma la jaf lil Alla u lanqas lil Ġesù Kristu – hemm min jidentifika l-morali ma’ Alla. Ma nistagħġibx għalhekk li jkun hemm min jasal li jitlef l-interess tiegħu f’Alla għax qabel ikun tilef it-tifsira tal-liġi morali! Alla huwa akbar mill-morali. Il-morali, anki dik bit-timbru “Kattoliku”, li hija mingħajr Alla, qisha siġra sabiħa imma mingħajr għeruq. Tiġi buffura u taqlibha!

Għalhekk Knisja missjunarja hija Knisja li lill-bniedem reliġjuż li ma jafx lil Ġesù tippreżentalu l-Vanġelu fis-sempliċità tiegħu. Għax “il-Vanġelu qabelxejn jistieden għal tweġiba lil Alla li jħobbna u jsalvana, biex nagħrfuh fl-oħrajn u noħorġu minna nfusna ħa nfittxu l-ġid ta’ kulħadd… Jekk din l-istedina ma tilmax bil-qawwa u b’mod li jiġbed, il-binja morali tal-Knisja tkun tirriskja li tispiċċa kastell tal-karti, u dan hu l-periklu li għandna [f’pajjiżna!]. Għax imbagħad ma jkunx eżattament il-Vanġelu li nkunu nħabbru, imma xi aċċenti duttrinali jew morali li joħorġu minn għażliet ideoloġiċi speċifiċi. Il-messaġġ ikun f’riskju li jitlef il-freskezza tiegħu u li ma jibqagħlux iżjed il-fwieħa tal-Vanġelu” (39).

Dan hija “l-konverżjoni pastorali” li nħoss li lkoll irridu nagħmlu biex is-Saltna ta’ Kristu tikber fil-qalb ta’ ġensna. Dan ix-xift nixtiequ jidher mhux biss fil-predikazzjoni u fil-katekeżi taż-żgħar u tal-kbar, imma wkoll fil-komunikazzjoni ordinarja tagħna. Illum li qed irrodd ħajr lil Alla għal dawn it-tnax-il sena li ilni Isqof ta’ din id-Djoċesi, nistqarr magħkom li jien dan ix-xift wettaqtu, u għalhekk hemm barra hemm min ma jistax jifhem kif ftit snin ilu kont nitkellem b’ton u llum nitkellem b’ton ieħor! Nemmen li l-Ispirtu s-Santu permezz tal-Papa Franġisku ħadem fija għall-ġid spiritwali tagħkom.

Nifhem li dak li qed nipproponu mhux f’kontinwità ma’ dak li tgħallimna sal-lum. Kif jgħid il-Papa, “pastorali bi stil missjunarju mhix ossessjonata li tipprova timponi b’insistenza t-trażmissjoni ta’ għadd ta’ duttrini mifruda minn xulxin. Meta jkollna mira pastorali ta’ stil missjunarju… it-tħabbira tikkonċentra fuq dak li hu essenzjali, fuq dak li huwa l-isbaħ, l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-aħtar meħtieġ. Il-proposta ssir b’mod sempliċi, bla ma titlef xejn mill-profondità u l-verità tagħha, u hekk issir iżjed konvinċenti u qawwija” (35).

Flimkien nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina d-dawl biex nifhmu aħjar kif nistgħu nxandru l-ferħ tal-Vanġelu lid-dinja ta’ żmienna. Hekk biss xi darba n-nies għad jerġgħu jibdew ifittxu l-arloġġ tal-kampnar tal-knisja parrokkjali biex jgħinhom jużaw tajjeb iż-żmien biex jidħlu fl-eternità.

 

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: