Home > Lectio Divina > Lectio Divina tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena  B 

Lectio Divina tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena  B 


Vanġelu (Mark 13. 33-37): Fis-sena B se nsibu siltiet mill-Vanġelu ta’ S. Mark. “Avvent” tfisser ‘dak li għandu jiġi’.  Ġesu ġie elfejn sena ilu, imma għadu jiġi kuljum f’ħajjitna. Illum se naraw l-importanza tal-preparazzjoni għal dil-miġja.   Hu jrid jidħol f’ħajjitna biex iġibilna l-paċi u l-ferħ.  Jekk ma nħejjux ruħna sew, għandu mnejn inkunu qed nagħlqulu l-bieb f’wiċċu.

  1. “Kunu għajnejkom miftuħin, ishru.”  Ġesu kien għadu kif ħabbar il-waqgħa ta’ Ġerusalemm, wara li r-Rumani se jkunu pprofanaw it-Tempju.  Għal-Lhud, dan se jkun żmien ikrah ta’ deżolazzjoni u dlam.  Hawn tidħol it-tama tal-lum, li tħeġġiġna biex inħejju għall-miġja  ta’ dak li se jdawlilna l-fażijiet mudlama ta’ ħajjitna.  F’dan il-kuntest  insibu l-kelma ‘ishru’ b’insistenza.  Irridu nżommu għajnejna miftuħin beraħ, noqogħdu għassa u nishru ħalli meta jiġi l-Mulej nindunaw.  Is-silta tal-lum mhijiex parabbola imma allegorija, i.e. narrattiv li fih moħbi l-veru tifsir ta’ xi ħaġa simili.  Għalhekk irridu nintrepetawha sewwa.  Xi wħud jaħsbu b’mod żbaljat li llum qed nitkellmu fuq it-tieni miġja ta’ Ġesu, i.e. meta tiġi fuqna l-mewt, kull tant għal għarrieda, ma ssibniex lesti, u Ġesu jkollu jikkastigana.  Dan il-ħsieb iġib dwejjaq kbar u mhux mod tajjeb kif nibdew l-Avvent.  Niftakru li l-Evanġelju hu l-Aħbar Tajba u kull meta jiġi Ġesu jġibilna l-ferħ u l-paċi.  Is-silta tal-lum, mela, tfisser ħaġa oħra.
  2. “…bħal meta wieħed isiefer u jħalli kollox f’idejn il-qaddejja.” Ġesu telaq meta tela’ s-sema, imma għażel mod differenti biex jibqa’ magħna (“Jien magħkom dejjem sal-aħħar”).  Fid-dinja Ġesu kien limitat bl-ispazju u ż-żmien.  Issa, il-preżenza Tiegħu hi bla limiti f’kull żmien ta’ ħajjitna.  Il-qaddej hu dak li kellu post ta’unur fid-dar u li jieħu sehem fil-proġetti tas-sid biex imexxihom ‘il quddiem. “ Id-dar.”  Din id-dar hija l-komunita ta’ appostli li aċċettaw is-saltna u ħadu l-impenn biex imexxuha ‘l quddiem permezz tal-Beatitudni.  Is-sid qabel siefer ħalla dit-tmexxija f’idejhom u “ordna lil tal-bieb biex jibqa’ jishar.” Dal-purtinar hu il-kuxjenza tagħna li tgħinna nagħrfu lil min irid jidħol f’ħajjitna hux se jqawwina u jgħinna fil-bini tas-saltna jew hux se jfixkilna.  Hawn ħafna li jippużaw bħala sid id-dar, jwegħduna ħafna ferħ u ġid, u jibdew jordnaw x’għandna nagħmlu u ngħidu. In fatti, kif niftħu ħalqna fuq abort, ewtanasja, eċċ tarahom malajr jaqbżu fuqna, jagħlqulna ħalqna u jgistqarru li huma biss l-esperti fuq dawn is-suġġetti.  Mela dil-kuxjenza trid tkun għalija purtinar tajjeb biex ma tħallix jidħol f’ħajti xi brigant minn dawn.
  3. “Meta jerġa’ jiġi sid id-dar, filgħaxija, jew f’nofs il-lejl…..” dawn huma l-erba’ taqsimijiet tal-lejl Greco-Ruman. Is-sid se jiġi bil-lejl. Għaliex?  Fit-Targum, li hu parafrażi tal-Eżodu, insibu poeżija fuq l-erbat iljieli:  (a) Il-ħolqien tad-dinja, li beda bid-dawl li dawwal l-ewwel lejl (b) Is-sejħa ta’ Abram, meta, ta’ 100 sena, Alla wiegħdu li se jkollu tfal daqs il-kwiekeb tas-sema (ċ) Il-ħelsien mill-Eġittu – l-Għid tal-Lhud (d) Il-miġja tal-Messija, li kellha tkisser il-ktajjen kollha tad-dlamijiet, timla l-vojt ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ bla tama, u tibda is-Saltna Tiegħu.  Dawn l-erbat iljieli mudlama spiċċaw imdawlin.  Ir-raba’ wieħed hu l-lejl ta’ żmienna li qed jiġi mdawwal kuljum bil-miġja tas-sid f’ħajjitna.  Jeħtieġ nishru u noqgħodu attenti kuljum għal din il-miġja.  Dan hu messaġġ ta’ ferħ kbir.  Hu dawl ta’ konsolazzjoni f’din il-ħajja tal-lum mudlama bl-egoiżmu, inġustizzji, vjolenza, faqar, eċċ. u fejn il-formola tal-imħabba hi “Inħobbok   dment  li ttini pjaċir u taqdini” u mhux “Inħobbok bla kundizzjoni, bla dment, imma jew basta.” Għandna d-disperazzjoni ta’ popli sħaħ li jaħarbu minn pajjiżhom imħabba gwerer u faqar. Nistgħu nsemmgħu xi ministri fil-Knisja li qed jiżbaljaw u jiskandalizzaw lil ħafna, jew id-dlam ta’ tant żgħażagħ li ma jridux jafu aktar bi Knisja. Quddiem dan id-dlam kollu, jista’ jkollna t-tentazzjoni li, peress li ma nistgħu nagħmlu xejn, fil-fatt nibqgħu ma nagħmlu assolutament xejn.  Hawn jidħol il-messaġġ tal-lum: Id-Dawl irid jidħol biex  jeqred id-dlam. Iftħu għajnejkom beraħ biex tilqgħu dan id-dawl li se jurikom x’tistgħu tagħmlu billi jilluminakom ħalli taħtfu kull okkażżjoni li tiltaqgħu magħha u li tiġi għal għarrieda.  Għalhekk tridu tishru, dejjem ippreparati, ħalli ma titilfu l-ebda ċans li jiġi quddiemkom.  Hawn tidħol l-importanza tal-purtinar (il-kuxjenza), għax barra il-veru Messija, ħafna oħrajn jippużaw bħalu biex jippruvaw jidħlu f’ħajjitna biex iħawduna. Ma nistgħux naffordjaw li dawn jidħlulna meta nkunu reqdin, passivi  u nibilgħu dak kollu li jgħidu fis-soaps, talk shows, fil-gazzetti u fil-każini.  Jeħtieġ li nżommu l-kuxjenza mqajma u up-to-date billi ma nagħtux widen għal dawn l-ilpup lebsin ta’ ngħaġ, imma nagħtu każ dejjem ta’ x’għandhom x’jgħidulna  l-kelma  (a) t’Alla (b)   tar-Ragħaj Divin (ċ) tal-Papa,   l-Isqfijiet u s-Saċerdoti.  Tajjeb ukoll li ma nittraskurawx it-talb, mhux biss dak ta’ kuljum tas-soltu,  imma wkoll tal-quiet time fejn nieħdu ftit tal-ħin nirriflettu, u nissodaw ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej.  B’din is-sahra se nqawwu l-kuxjenza li se tipproteġina minn xi messija falz.
  4. “Min jagħti xhieda ta’ dawn il-ħwejjeġ jgħid: ‘Iva, dalwaqt ġej.’ Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesu”  (Għeluq il-Ktieb tal-Apokalissi).

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: