Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 28 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 28 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 21, 5-11

Il-ġens kontra ġens qam u għadu jqum, l-art kienet u għada titheżżeż bil-kbir, il-ġuħ kien u għadu hawn u mard li jittieħed ukoll, is-sinjali tal-biża’ fis-sema u fl-univers seħħew u llum sirna iktar konxji tagħhom, nistgħu nosservawhom aħjar.

Dan kollu tant seħħ u għadu magħna li drajnieh. Dak li kif iseħħ jissorprendina u forsi jbeżżana wkoll, malajr jintesa’ u, wara ftit minuti ta’ ħasda, nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna.

Ma nimmaġinawx dinja bla gwerer għax trabbejna magħġunin fihom, anzi llum qed nippjanaw li għada jkollna ‘green wars’ gwerer li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u minkejja li nidhru li rridu nwaqqfu l-gwerer biex isaltan is-sliem bejn il-popli, min għandu l-interess li jdawwar sold minnhom, jibqa’ jrewwaħ il-ġamar tal-gwerra biex butu ma jiżvujtax; għall-mard nibnu l-isptarijiet u nfittxu l-kuri, u għall-ġuħ spiss nagħmlu xi ġabra; għas-sinjali straordinarji nippruvaw insibu spejagzzjoni razzjonali, u fejn ma jirnexxilniex, nikkunslaw li għad insiru nafuha. U l-ħajja tkompli.

Ħafna jinnutaw u ħafna jaraw, iżda jew leħinhom jinfaga mill-għajta ta’ min jaqbillu jnessi, jew inkella huwa leħen imxekkel u għajien, tant li ma jirnexxilux jgħaddi minn bejn ix-xuftejn. Huwa leħen bla arja, imnissel iżda abortit qabel jitwieled. U l-ħajja tkompli.

Il-ħajja tkompli anke b’aljenazzjoni fina u sottili li trawwem il-bniedem biex jitfa’ l-attenzjoni fuqu nnifsu, fuq kemm hu sabiħ, kemm hu mportanti, kemm jista’ jibqa’ żgħażugħ, kemm jista jikkontrolla kullma jdawru, kemm jista’ jbiddel il-mixja tal-ħajja bit-tmun tal-arroganza. Il-ħajja tkompli bil-bini ta’ bnedmin, gżejjer żgħar, li jaħsbu li huma ċ-ċentru u l-fus tal-ħolqien kollu, imdawrin bil-baħar tas-solitudni, u l-imħabba u r-relazzjonijiet sbieħ u f’saħħithom jistgħu biss jitkissru fuq ix-xtut tagħhom. Negattiv? Jista’ jkun! Rejalistiku? Jista’ jkun iktar.

Araw li ma titqarrqux. Xejn ma jibqa’ għal dejjem, u l-bejjiegħa tal-idejaliżm u l-mentalitajiet li jqiegħdu lil kull bniedem fil-quċċata tal-ħolqien ma huma jagħmlu xejn ħlief ikabbru d-deżert fejn il-ħajja u l-imħabba jinxfu u jsiru rmied. Tmorrux warajhom.

Ġesù qed jitkellem fit-tempju. Kemm hu sabiħ it-tempju, xi ġmiel. Huwa sabiħ vera, imma sabiħ iktar għax huwa mimli bil-bnedmin li jgħixu fih, b’għajnejhom fis-sema imma saqajhom mal-art. Il-ġmiel ta’ dak li hu barra jista’ jtellifna milli nagħrfu l-ġmiel li hemm ġo fina u jagħmina għall-ġejjieni li jista’ jkollna. Ġesù jitkellem dwar l-illużjoni, il-ħolma li tibqa’ ħolma, ix-xewqa li ma tissarraf qatt. Ħarsetk fis-sema u saqajk mal-art.

Il-kuraġġ li jiġi mit-tama li ma nħallux l-illużjoni tpexpxilna għajnejna jiddi minn kliem Ġesù. Il-ġid materjali, jlellex kemm ilellex ma jibqax ġebla fuq oħra minnu, imma aħna nibqgħu. Iċ-ċpar tal-prosperità xi darba jdub fix-xejn imma x-xemx li d-dawl tagħha jurina dak li hu b’dak li hu titla’ fuq kulħadd, b’mod jew ieħor. M’għandniex għalfejn ninħasdu, m’għandniex għalfejn nitfixklu.

Il-‘jien hu’ huwa wieħed. Lilu biss għandna nisimgħu u warajh biss għandna nimxu. Iż-żmien veru jasal tassew għal kulħadd. Għalkemm għaġġla m’għandniex, j’Alla meta jasal, inkunu mħejjija għalih.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: