Solidarjetà mal-Knisja fl-Afrika

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 27 ta’ Novembru 2017: Washington (Agenzia Fides) – “L-Afrika qed tiffaċċja l-ostakli ekonomiċi u soċjali miħabba djun enormi, faqar kbir u epidemiku, kif ukoll inkwiet politiku. Minkejja dawn l-isfidi, il-Knisja fl-Afrika kważi ttriplikat fid-daqs f’dawn l-aħħar 30 sena. Madankollu huwa diffiċli għall-Knisja li ssostni t-tkabbir tagħha u tlaħħaq mal-ħidma pastorali meħtieġa “, dan qed tistqarru l-Konferenza Episkopali tal-Istati Uniti hi u tippreżenta l-Fond ta’ Solidarjetà għall-Knisja fl-Afrika.

sfca-2017-social-media-tool-kit-webbannerDin hija inizjattiva “ibbażata fuq il-prinċipji bażiċi tas-sejħa li għamel San Ġwann Pawlu II għal azzjoni fl-Eżortazzjoni Apostolika Ecclesia in Africa u l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni “Sejħa għal Solidarjetà mal-Afrika “.

Il-Fond jipprovdi għotjiet biex jiffinanzja proġetti pastorali inklużi programmi ta’ ħidma pastorali, skejjel, evanġelizzazzjoni u edukazzjoni tal-kleru u ministri lajċi. Is-solidarjetà tagħna hija meħtieġa sabiex tgħin lill-Knisja “melħ tad-Dinja” fl-Afrika tirrealizza l-potenzjal tagħha bħala “dawl tad-dinja”, tgħid l-istqarrija mibgħuta lill-Agenzia Fides.

Permezz ta’ għotja mill-Fond ta’ Solidarjetà għall-Knisja fl-Afrika (SFCA), iċ-Ċentru Naomi f’Kisantu jista’ jipprovdi aktar taħriġ vokazzjonali u formazzjoni fil-fidi għal migranti żgħażagħ u ommijiet illitterati. Kisantu għandha għadd kbir ta’ migranti u refuġjati tal-gwerra li ġejjin minn pajjiżi li jmissu magħha u għaldaqstant iċ-ċentru qed jaħdem sabiex jinħolqu opportunitajiet għall ommijiet żgħażagħ, kif ukoll migranti vulnerabbli, ħalli jiżdied il-litteriżmu u jiżviluppa valuri umani li joffru tama ta’ ħajja dinjituża.

B’iktar fondi mogħtija mill-SFCA, iċ-Ċentru Naomi se joffri korsijiet fil-litteriżmu, ħjata u ħiliet tal-ħajja biex isaħħu l-istima personali u l-kompetenza professjonali għal 140 mara.
Minkejja l-għadd ma tgħoddux ta’ riżorsi naturali li l-valur tagħhom huwa tant kbir, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) hija waħda mill-ifqar pajjiżi fid-dinja. Ħafna huma dawk li m’għandhomx aċċess għal ilma tax-xorb nadif u sanità xierqa, jew għal servizzi soċjali bażiċi, bħalma huma l-edukazzjoni jew kura tas-saħħa. Ir-rata ta’ illitteriżmu fil-Pajjiż hija għolja u tolqot b’mod speċjali lin-nisa. Barra minn hekk, ħafna migranti u refuġjati tal-gwerra jimmigraw lejn ir-RDK, u dan qed jagħfas ħafna fuq riżorsi li huma diġà skarsi. (L.M.) (Agenzia Fides, 27/11/2017)

Traduzzjoni minn Louis Spiteri

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading