Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Jum fil-ħarifa

Jum fil-ħarifa


Il-magħruf filosfu eżiżtenzjalista Franċiż, Albert Camus, kiteb hekk: “Il-ħarifa hija t-tieni rebbiegħa fejn kull werqa hija fjura”.

Meta qrajt din il-frażi ta’ Camus f’għajnejja leħħet demgħa. Kien jum fil-ħarifa. Wara jum mingħajr waqfien ta’ xogħol, f’dak il-jum kelli bżonn immur jien għar-repair. Jew aħjar għat-tiswija. Mela, minn Mater Dei, ridt naqsam il-famuż pont. Dak il-pont li wassallni fis-SAMOC. Jew aħjar Sir Anthony Mamo. Iva ħbieb! Dakinnhar kelli bżonn il-maintenance jien. Nerġa’ inserħilkom raskom, xejn ta’ barra minn hawn. Il-manutenzjoni hija tajba għal kollox! Mela kemm hija aktar ta’ importanza għal Patri li jgħix u jaħdem mal-morda! Naqra demm kollox kulma kien. Kampjun ħa jaraw li t-turbini għadhom iduru. Ħalli, f’każ li m’humiex iduru kif suppost, inkella qegħdin iżarżru …. isirilhom ix-xogħol li għandu jsirilhom!

Intant! Qsamt għan-naħa l-oħra. F’dan il-jum tal-ħarifa. Ġo fija kelli xi ħadd li aqta’ kemm kien qed igerger miskin! Mhux l-għaliex iħobb igerger tafux! L-għaliex, meta nagħtih il-gażaża, jew aħjar xi naqra ikel, kull tliet sigħat, taf kemm joqgħod kwiet! Anqas ħossu ma tisma’ miskin! Dak minn tagħna! Imma dakinnhar kien qed igerger. L-għaliex kien ilu mill-jum ta’ qabel ma jiekol! U, taf int, għalih kien iżżejjed! Nerġa’ ngħidlu: MISKIN!

Mela qsamt għan-naħa l-oħra tal-pont u mort dritt lejn il-kamra fejn kollhom joħduli d-demm. Jiena u miexi fuq il-pont ħassejt il-frisk. Issa fil-ħarifa qiegħdin sieħbi! Tistennix aħjar! U meta ħarist lejn is-sema lanqas tant ħajjarni biex inħares. Għalkemm, kuntrarju għax-xemx qawwija tas-sajf li ma kinitx tħallini nerfa’ għajnejja ‘l fuq ħa niffissa ħarsti lejn ix-xemx ir-raġġi qawwija tagħha lanqas biss kienu jagħtuni ċans inħares lejhom. Le! Issa stajt kienu irrid nħares lejn is-sema. Dawl tar-raġġi qawwija tax-xemx ma kienx hemm. Imma le ħbieb! Lanqas kelli moħħ. U meta ippruvajt nagħmel hekk bdejt inħoss l-istonku tiela’.

Insomma! Wasalt biex joħduli d-demm. U sibt servizz taz-zokkor. Ħadt kuraġġ! L-għaliex, meta tkun f’dawn l-ibħra mqallba tal-mard, tkun trid min il-ħajja jagħmilhielek aktar faċli. Veru? Imbagħad, biex inkun għedt kollox, il-flomatobista (dik li tieħu d-demm) li ħaditli d-demm kienet taz-zokkor taz-zokkor. Magħha stajt nitaħddet. Anzi! Waqt li kienet qed tagħtini dan is-servizz sabiħ minn qalbha bdejt nintebaħ kemm l-attiduni fix-xogħol tal-isptar hija importantissima. L-għaliex, wara dik l-attitudni, hemm jistaħba l-ispirtu tal-persuna. Mela ħalliena minn ħafna rabja! Le ħi! Ir-rabja, jogħġobha jew ma togħġobiex, toqgħod barra l-isptar. Fl-isptar, mal-pazzjenti, ejjew nissuktaw ninżlu aktar fl-oċejan tal-ħlewwa, tas-sabar u tal-impenn.

U wara li ħaditli d-demm u irringrazzjajtha minn qalbi ma stajtx ma ngħaddix nara żewġ pazzjenti partikulari. Wieħed u waħda. Raġel u mara. It-tnejn li huma kienu fl-istess sular. Imma s-swali tagħhom kienu faċċata ta’ xulxin. It-tnejn li huma żgħażagħ fiż-żmien. U t-tnejn li huma bl-istorja partikulari tagħhom. Wieħed għażeb u l-oħra miżżewġa. Wieħed intiż sewwa fid-dinja akkademika u l-oħra aktar fuq ix-xjenzi. Wieħed fil-fażi preparatorja qabel jitvara għall-ħajja. Filwaqt li l-oħra ilha taħdem mhux ħażin b’risq dawk li huma batuti.

It-tnejn li huma kellhom l-imħabba mdawra madwarhom. Wieħed il-familja tiegħu baqgħet tissapportjah kemm tiflaħ. Filwaqt li l-oħra, minbarra l-familjari tagħha kellha wkoll lil sħabha ta’ fuq ix-xogħol li ġew jarawha fi grupp żgħir. Arahom! Baqgħu jħobbuha! Baqgħu japprezzaw kemm għamlet għalihom! Bħalma baqgħu jsostnu lilu. Għalkemm kien għadu ma varax ruħu għall-ħajja biex jagħti sehmu fis-soċjetà tagħna fil-mija fil-mija tiegħu.

Wara li rajt lil dawn iż-żewġ persuni għeżież irħejtilha lura għall-Mater Dei. U, meta għaddejt minn fuq il-pont, f’dan il-jum tal-ħarifa, ma stajtx ma nħarisx ‘il barra mill-ġdid ħa nara! U x’rajt din id-darba? Xejn ġdid ma deher quddiemi. Mad-daqqa t’għajn kollox deher l-istess. Bit-temp jiffriska għalkemm reġa’ tellgħali ftit l-istonku. Iżda xi ħaġa kien hemm differenti. Xi ħaġa nħasset mhux tas-soltu. U din il-ħaġa fakkrithieli s-sentenza ta’ Camus! Iva! Ta’ dak il-filosfu li l-ħin kollu jilmenta mid-dinja tagħna. Li kważi jġibha fit-tarf!

L-għaliex, bdejt ngħid lili nnifsi, veru li l-mard huwa kiefer. Veru li tara nies żgħar morda titkisser minn ġewwa. U veru wkoll li, meta l-ħaġa tkun fuqek, tista’ tkun min tkun, tibża’. Imma, meta tara dak is-sapport kollu, meta tara s-servizz li qiegħed jingħata biex dak li jkun jiġġieled il-mard, meta tara persuni li, bis-sempliċità tagħhom qiegħdin jippruvaw ikunu ta’ wens għal min qed ibati allura xejn ma jibqa’ jbeżża’ aktar. La jibqa’ jbeżża’ il-qtugħ tan-nifs u li għalih jkollna nilbsu l-maska tal-ossiġnu. La jibqa’ jbezza’ illejl li fih wieħed ma jkunx jista’ jorqod. La tibqa’ tbeżża’ il-morfina li ttieħed biex jitnaqqas l-uġiegħ. U lanqas iva ma tibqa’ tbeżża’ dik l-għejja li teħel bħall-kolla mall-jiem twal fis-sodda tal-mard.

L-għaliex, kull werqa tibda’ issir fjura meta, dak li jkun, iseħħlu jibqa’ jitbissem anki jekk muġugħ. Il-werqa tibda’ issir fjura meta l-persuna, minn fuq is-sodda tal-mard, tkun tista’ tinżel, imqar għal ftit sigħat, fuq il-pultruna. Il-werqa tibda’ issir fjura meta dak li jkun, minkejja l-prova qalila tal-mard, jinġabar fih innifsu u jagħmel dik it-talba ta’ qawwa lill-Mulej meta jgħidlu: Mulej, jekk jogħġob fejjaqni. Iżda, jekk dan mhux se jseħħ aħjar tiġborni miegħek.

O kemm, f’talba bħal din, il-werqa tabilħaqq tkun saret fjura! Oh kemm il-ħajja, fil-ħarifa tal-ħajja, issir iva r-rebbiegħa eterna! L-għaliex anki fit-temp ikrah tal-mard b’talb ta’ din ix-xorta x-xemx ħanina tixref mill-ġdid fuq l-orizzont ħa ddawwal u ssaħħan. L-istess bħal dak il-kumment li għamlitli hi: “Li kieku nista’ nagħmillek xi ħaġa x’tiekol”. Kif nista’ ma napprezzax ir-rebbiegħa li hemm tgħix fiha anki jekk għaddejja minn wied daqshekk mudlam!

Dan il-jum tal-ħarifa għallimni li fil-ħajja nibqa’ nara l-fjura. Anki meta tkun werqa. Li nara l-possibbiltà li hemm midfuna fil-qalb ta’ kull persuna. Li nibqa’ nara l-kuraġġ u x-xewqa għall-ħajja li hemm tgħix f’kull pazzjent. Inkluż dawk li ħajjithom mhedda b’marda terminali. Ah kemm hu għaqli l-Mulej Ġesù meta, il-profezzija tal-profeta Iżaija tgħidilna għalih: “Qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx” (Is 42:3). Hemm hu! Jibqa’ jgħarrex għall-possibiltà tal-fejqan! Għax, wara kollox, u kif qal tajjeb l-Isqof Mario Grech fl-Ittra Pastorali li kiteb dan l-aħħar, Biex twarrad it-Tama, “Fuq l-eżempju ta’ Kristu, li ‘qasba mġelġla ma jiksirhiex u musbieħ inemnem ma jitfihx, sa ma jkun ġab ir-rebħa tal-ġustizzja u f’ismu jittamaw il-ġnus’ (Mt 12:20-21), il-Knisja hija u teżisti biex toffri tama vera lill-umanità”.

Anki jiena u int nistgħu noffru din it-tama għan-nies li l-Mulej ilaqqagħna magħhom. Anki aħna, fil-limitazzjonijiet tagħna, nistgħu noffru dik il-kelma, dik it-tbissima, dik it-tgħanniqa, dik il-preżenza li, f’ħajjet dawn in-nies, iġġib it-tama!

Oh x’jum sabiħ kien għalija dak il-jum tal-ħarifa!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: