Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani għandu jkun umli. Ikun umli min jaċċetta l-umiljazzjoni bħalma għamel Ġesù

In-Nisrani għandu jkun umli. Ikun umli min jaċċetta l-umiljazzjoni bħalma għamel Ġesù


It-Tlieta 5 ta’ Diċembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-umiltà tfisser li tiċċekken, bħar-rimja żgħira li tikber ftit kuljum, tħossok tant ċkejken li biex tibqa’ miexi ‘l quddiem, biex tilħaq il-milja tal-ħajja personali, tħoss il-ħtieġa tal-Ispirtu s-Santu. Dan kien kliem il-Papa Franġisku dalgħodu fir-riflessjoni li għamel waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Naċċettaw l-umiljazzjonijiet kif għamel Ġesù, qal Franġisku, dan jurik li inti umli, kwalità indispensabbli għall-ħajja tan-Nisrani. Il-Papa kien qed jikkummenta l-pass meħud mill-Profeta Iżaija fejn jgħid: Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse. Għad tinbet rimja minn għeruqu.

Franġisku afferma li n-Nisrani wkoll jixbaħ ir-rimja li fuqha jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej, spirtu ta’ għerf u intellett, spirtu ta’ kunsill u qawwa, spirtu ta’ għarfien u biża’ t’Alla. Dawn huma d-doni tal-Ispirtu s-Santu. Miċ-ċokon tar-rimja sal-milja tal-Ispirtu.

Din hi l-wegħda, din hi s-Saltna t’Alla. Din hi l-ħajja tan-Nisrani: li jkun konxju li kull wieħed u waħda minna aħna rimja ta’ dak l-għerq li jrid jikber, jikber bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fina. U x’inhu x-xogħol tan-Nisrani?, staqsa l-Papa. Sempliċiment li jindokra r-rimja li qed tikber fih, jindokra t-tkabbir, jindokra l-Ispirtu.

L-istil tal-ħajja tan-Nisrani, issokta l-Papa, huwa l-istil tal-ħajja ta’ Ġesù: l-umiltà. Hemm bżonn tal-fidi u tal-umiltà biex nemmnu li din ir-rimja, dan id-don tassew ċkejken, jasal għall-milja tad-doni tal-Ispirtu s-Santu.

Neħtieġu l-umiltà biex nemmnu li l-Missier, Sid is-sema u l-art, kif jgħid il-Vanġelu tal-lum, ħeba dawn il-ħwejjeġ lil min hu għaref u wriehom liċ-ċkejknin.

L-umiltà tfisser li tiċċekken, issir bħar-rimja, żgħira li tikber kuljum, li teħtieġ l-Ispirtu s-Santu biex timxi ‘l quddiem lejn il-milja tal-ħajja personali.

Hemm min jemmen, kompla jgħid il-Papa Franġisku, li biex tkun umli trid tkun edukat, ikollok manjieri tajba, tagħlaq għajnejk waqt it-talb. Le, l-umiltà mhux dan.

Allura kif nista’ nagħraf li jien umli?, reġa’ staqsa l-Papa. Hemm sinjal wieħed: taċċetta l-umiljazzjonijiet. L-umiltà mingħajr umiljazzjoni mhi umiltà xejn. Umli hu dak ir-raġel, dik il-mara li għandhom ħila jissaportu l-umiljazzjonijiet kif issaportihom Ġesù, l-umiljat, l-umiljat il-kbir.

U għandna l-eżempju ta’ tant qaddisin li mhux biss aċċettaw l-umiljazzjonijiet imma talbuhom, biex ikunu jixbħu lil Ġesù.

Jalla l-Mulej, temm jgħid il-Papa Franġisku, itina dil-grazzja li nindukraw dan iċ-ċokon biex nimxu lejn il-milja tal-Ispirtu, biex ma ninsewx l-għeruq tagħna u biex naċċettaw l-umiljazzjonijiet.

Hajr lill-kamra tal-ahbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: