Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ma neħilx fiha!

Ma neħilx fiha!


Niftakarni nqaddes il-quddiesa tat-8.30 am fil-Knisja Parrokjali tat-Trinità Qaddisa l-Marsa. Quddiesa li tant inħobb inqaddisha. Għalkemm ma kontx le għadni ġejt f’tiegħi wara jum ta’ xogħol bla waqfien fl-Isptar Mater Dei. U dan qed titkellem qalb li tafda u mhux biex iddoqq xi tromba, kif jaħsbu xi wħud.

Intant. Kont qed inqaddes. U, għodu għodu, tkun trid tiġi f’tiegħek xi ftit. L-aktar wara jumejn fejn kontroll tiegħek innifsek m’għandekx. L-għaliex, f’dawn il-jumejn, kollox huwa immexxi minn ħoss ta’ mobile li jibgħatek ma nafx fejn u f’liema naħa tkun f’dan l-isptar ġigantesk. Insomma … Wasal il-ħin tal-vanġelu. Halleluiah, Halleluiah… Tlajt fuq l-ambone. U bdejt naqrah. Għall-ewwel kollox deher kwiet u ħiemed. Sakemm, aktar ma bdejt naqra l-vanġelu, aktar l-Ispirtu s-Santu beda jsawwarli l-idea. Jew aħjar rejaltà kbira u siekta ta’ uġiegħ li ħafna minna, nemmnu jew ma nemmnux, qiegħdin ngħixu. Hawn hu l-vanġelu skont San Luqa!

Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, Ġesù b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor (Lq 9:51-56).

Xi problema kellhom id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni? L-istess dixxipli li telgħu miegħu fuq l-Għolja Mqaddsa tat-Tabor u rawh jinbidel? Jew aħjar, u biex inkun aktar eżatt, l-istess dixxipli li għażel Hu biex jitilgħu miegħu ħalli, flimkien ma’ Pietru, jaraw il-glorja tiegħu minn fuqha? Ħeqq! Ħakmithom ir-rabja sieħbi! Ħakmithom ir-rabja għan-nies tar-raħal tas-Samarija li, lil Ġesù, ma laqgħuhx! U ovvja li ma laqgħux! L-għaliex Ġesù, la kien Lhudi, qatt ma seta’ jirfes fit-territorju Samaritan. Ma ninsewx li s-Samaritani u l-Lhud ma jitħamlux!

Kif irrejaġixxew Ġakbu u Ġwanni quddiem din iċ-ċaħda ta’ dawn in-nies? Eżatt kif jirrejaġixxi l-awtur tas-Salmi għal dawk li hu jqis li huma l-għedewwa tal-Mulej. Jirrejaġixxi bil-kejl tiegħu! Mela, ifqagħlhom snienhom! Ifqagħlhom it-tanbur ta’ widnejhom! Fajrilhom daqqa tajba u ġibilhom snienhom jimmarċjaw! Balltilhom ja klieb! Hekk ħbieb dawn irraġunaw. Bħalu! Isimgħu x’jgħid is-salmista: “O Alla, farrkilhom snienhom f’ħalqhom, kisser dras il-frieħ ta’  l-iljun, Mulej” (Salm 58:7). “Qal Sidi l-Mulej: “Minn Basan inġibhom, lura nġibhom minn qiegħ il-baħar, biex tgħaddas riġlek f’demmhom, u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb” (Salm 68:23-24). X’diskors vjolenti hu dan hux! Mingħajr dubju li l-Mulej qatt m’hu se jgħid diskors ta’ din il-kwalità. Hija aktar ir-rabja tal-bniedem li qiegħdha tiġi attribwita lill-Mulej. Jiġifieri, fi kliem ieħor, il-bniedem qiegħed jipprova jifhem, kif jista’ jifhem hu, kif il-Mulej qed jirrabja.

Hu x’inhu l-każ quddiem ir-rabja ta’ Ġakbu u Ġwanni, li japparjtenu lil din it-tradizzjoni ta’ rabja, Ġesù ma joqgħodx idur mal-lewża. Sħun sħun itihom waħda tajba Hu! Iċanfarhom! U l-għaliex ċanfarhom?

L-għaliex Ġesù jaf tajjeb li r-rabja lili u lilek tipparalizzana. Ir-rabja ma tħalliniex inkunu aħna. Ir-rabja titfagħna ġo ħofra. Ir-rabja tagħmilna bħal dak il-magħtub tal-vanġelu li qatt ma seta’ iqum minn fejn kien. Kemm hawn nies, u fosthom nistgħu faċilment ikunu jien u int, li għadna iffriżati fir-rabja tagħna! Li għandna ilsiera ta’ x’għamluli! X’qalu fuqi! Kemm xewwxu kontrija! Kemm għamluli hekk! U kemm pinġewni hekk!

Ejja nkunu fil-verità: fil-ħajja għamlulna u għamilna. Mela ejja issa ma nesaġerawx! Anzi! Ejja nkunu saqajna mal-art! Ir-rabja ma tħallinix narak bħala ħija u oħti. Bniedem tad-demm u l-laħam li, l-għaliex int persuna, jiġu mumenti fejn żbaljajt ukoll. Ir-rabja lilek tpinġik quddiem għajnejja bħala mostru. Bħala annimal feroċi. Le! Din hija gidba faħxija!

Int, bħali, ġieli tinfetaħ għall-Ispirtu tal-Mulej u ġieli tinfetaħ għall-ispirtu tan-naħa l-oħra. Ta’ dak ta’ denbu twil u tal-qrun. Mela ejja ngħinu lil xulxin ħalli l-Mulej jgħinna nikxfu x-xibka tal-qerq li jonsbilna l-għadu ħajjen tagħna. Ħa nfiequ mir-rabja tagħna. Il-boycotts, il-gdiedem, ir-riżentimenti, l-attitudni mxajtna li nkun irħama nieħu n-nifs, dawn żgur li qatt ma bnew xejn. Anzi! Ħattew! Lanqas l-attitudni misħuta li noqtol il-fama ta’ ħaddieħor fuq Facebook b’kummenti li jiskandalizzaw lil ħaddieħor. Aktar u aktar meta jien suppost naf ħafna aħjar. Lanqas dawn qatt ma solvew xejn!

Veru li ġejt imweġġa’. Bħalma weġġajt ukoll. Imma issa ejja ħa nieħu l-għajnuna. Ħa nissokta nħalli lill-Mulej jaħdem fija. Allaħares il-Papa li għandna, wara l-weġgħat li ġarrab, u għadu jġarrab, joqgħod f’rokna jibki xortieh. U jagħmel il-boycotts u jġib ruħu ta’ tifel bil-gażaża. L-għaliex kieku fil-Knisja ma tissuktax isseħħ din l-apertura u dan it-taqlib li jkompli jagħmel il-Knisja ta’ Kristu aktar ħajja. Għalkemm xorta waħda fiha d-difetti tagħha!

Le ħbieb! Wasal iż-żmien li l-weġgħat tiegħi, filwaqt li nagħrafhom, nitħaddet magħhom u nismagħhom, inħalli lill-Mulej ifejjaqhomli. Wasal iż-żmien li naħfer lil min weġġagħni u, iva, il-weġgħat ngħidilhom: Bye! Bye! Il-ħajja qasira wisq biex noqgħod fuq siġġu nibki xortija. Inkella noqgħod b’wiċċi mqarras u ma nkellem lil ħadd.

Xammar! Aħdem! Stinka! Hawn ix-xogħol! Ejja ħa ngħixu bħala familja u hekk infejqu lilna nfusna mill-ġungla li hawn fostna!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: