Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Mara sabiħa li tisraq il-qlub

Mara sabiħa li tisraq il-qlub


Il-Ħamis 7 ta’ Diċembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-Belt Victoria.

Ritratt - Carmel Saliba

Ritratt minn Carmel Saliba

Il-ġmiel mhux biss ipaxxi l-għajnejn u jserraħ il-qalb, imma huwa triq li twassal għand Alla, li huwa l-ġmiel mhux maħluq! Ħarsa fuq in-natura ta’ madwarna hija biżżejjed biex wieħed jerfa’ l-ħsieb tiegħu lejn Alla. Jekk illum it-triq tal-verità sfrondat, tant li ftit jimpurtana mill-verità oġġettiva, ma nistgħux ngħaddu minnha biex naslu għand Alla li huwa l-istess verità. Min-naħa l-oħra lanqas naslu għand Alla li huwa l-istess tjubija mit-triq tat-tajjeb, għax din ċediet ukoll – fil-fatt hemm min it-tajjeb isejjaħlu ħażin u l-ħażin jirrikonoxxih bħala tajjeb. Għalhekk il-ġmiel, li forsi huwa l-inqas ikkontestat, jiftħilna mogħdija li twassalna għand Alla. Fil-fatt, insib interessanti li l-ġmiel huwa msejjaħ bħala r-raba’ virtù teologali li jgħaqqad it-tliet virtujiet l-oħra: għax fejn hemm il-fidi, it-tama u l-imħabba, hemm il-ġmiel. Bir-raġun għalhekk Dostoevsky jikteb li l-ġmiel għad isalva lid-dinja, fis-sens li quddiem il-ġmiel, il-bniedem ma jistax ma jintebaħx li hemm Alla.

Imma l-esperjenza tixhdilna li l-ġmiel jaf ikun kawża tal-qerda tagħna, għax il-ġmiel huwa ambigwu. Fil-fatt, kif josserva Paul Evdokimow, “mhux Alla biss jilbes il-ġmiel, għax il-ħażin jaf jimitah u dan jirrendi l-ġmiel ambigwu”. Fis-sens li daqskemm il-ġmiel jaf ikun ftuħ għal Alla, daqshekk ieħor il-ġmiel jista’ jqarraqna. Għax jekk dak li hu veru u tajjeb ma jistax ma jkunx sabiħ, il-ġmiel mhux bilfors huwa veru u tajjeb! Nagħti ftit eżempji.

Fil-ħajja mhux kulma jleqq huwa deheb! Taf tixtri t-tuffieħ li jkun il-ġmiel tiegħu, imbagħad taqbad waħda u ssibha mħassra. Ġieli għajnejna jaqgħu fuq oġġett li naħsbu li huwa ta’ valur, imbagħad insibu li huwa magħmul mil-landa. Huma diversi dawk is-sitwazzjonijiet meta nsibu ruħna ingannati mill-apparenza.

Hemm imbagħad il-ġmiel tal-ġisem uman li huwa ta’ min japprezzah u jikkurah; imma faċli nsibu ruħna maħtufa mill-ġmiel tal-ġisem li jwassal għall-imħabba erotika li twassal għall-isfruttament tal-ġmiel! Dan huwa l-każ tas-seħer tal-pornografija, kemm dik tal-immaġni u kemm dik fattwali. Persuni sedotti minn dan il-ġmiel jilmentaw mhux biss li qalbhom hija vojta u mhix sodisfatta, imma wkoll minn nuqqas ta’ ħila li jibnu relazzjonijiet bis-sens ma’ persuni oħra. Mhux darba u tnejn tħarbtu r-relazzjonijiet bejn koppji miżżewġa minħabba l-effett tal-pornografija fuq parti jew oħra!

Huwa veru li skont l-istorja, il-Kristjaneżmu daħal fir-Russja għax darba kien hemm xi Russi pagani jassistu għall-ewwel darba fil-liturġija fil-Knisja ta’ Santa Sofija f’Kostantinopli u marru lura lejn pajjiżhom “ikkonvertiti mill-ġmiel”, għax meta raw dik is-sbuħija kkonvinċew ruħhom li “hemmhekk kien jgħammar Alla”! Imma l-istess liturġija taf tkun estetikament sabiħa imma xorta ma tgħinniex niltaqgħu ma’ Ġesù. Kliemna jista’ jpaxxi l-widnejn u jħeġġeġ l-entużjażmu, imma ma jixgħelx il-qalb bl-imħabba ta’ Alla. Għaliex l-ambone jew il-pulptu ma humiex katedra tal-letteratura jew tal-poeżija fejn isir eżerċizzju tal-orotorija, imma huma post minn fejn tiġi mfissra l-Kelma ta’ Alla. X’jiswa li jkollna animazzjoni liturġika artistikament impekkabbli li tpaxxi l-widna imma mhux ir-ruħ, għax ma tgħinniex nieħdu sehem attiv u mifhum fit-talb! Għandna nagħmlu differenza fejn “kunċert” ta’ mużika sagra u liturġija. Ftit ġimgħat ilu, ktibt lill-Arċipriet Nazju Borg, id-Delegat tiegħi għal-Liturġija, u tlabtu biex jorganizza Kungress Djoċesan dwar il-Liturġija.

Fir-rakkont tal-ħolqien li għandna fil-Ġenesi nsibu li l-bniedem maħluq sabiħ tilef il-ġmiel tiegħu minħabba “t-tuffieħa sabiħa” – “il-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn” (Ġen 3:6). Sedott mill-ġmiel tat-tuffieħa, il-bniedem neża’ l-ġmiel li bih libbsu Alla. Din l-istorja simbolika hija l-ġrajja ta’ kull bniedem. Daqshekk huwa ta’ valur il-ġmiel u daqshekk ieħor irridu naraw liema ġmiel qegħdin infittxu. Għax jekk il-ġmiel jista’ jserraħna, il-ġmiel ukoll jista’ jkun il-qabar tal-għażliet ħielsa tagħna.

Quddiem din is-sitwazzjoni, aħna għandna bxara tajba: għax dak il-ġmiel li sar waħx bil-waqgħa ta’ Adam u Eva, qed jerġa’ jiġi propost lill-umanità fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, l-isbaħ fost ulied il-bnedmin. Il-Mulej Ġesù huwa l-ġmiel li jidher tal-ġmiel li ma jidhirx. Ġesù huwa “mżejjen bil-glorja” (Lhud 2:9), jiġifieri bil-ġmiel. Fi kliem San Pawl, “il-glorja ta’ Alla tiddi f’wiċċ Kristu” (2 Kor 4:6). Ġesù huwa “d-dija tal-glorja ta’ Alla” (Lhud 1:3). Il-ġmiel tad-dinja ma jqarraqx bina jekk huwa rifless tal-ġmiel li deher fi Kristu Feddej.

Huwa għalhekk li nħoss li għandi ninsisti mal-komunità ekkleżjali li hemm bżonn insiru nafu lil Ġesù u hekk inħallu l-ġmiel tiegħu jisseduċina u jisirqilna qlubna. Nistgħu nitgħallmu minn dawk li ssaħħru wara dan il-ġmiel u ħallew ilibbishom bil-ġmiel tiegħu. Huwa għalhekk li l-missjoni tal-Knisja l-ewwel u qabel kollox hija li tgħinna nsibu lil Ġesù. Xi drabi nħoss li dak “Ġesù” li writna għandu bżonn urġenti ta’ tfarfira; dak Ġesù li aħna konvinti li ltqajna miegħu jrid reviżjoni, għax xi drabi jista’ jingħata l-każ li aħna mhux minnu li ltqajna ma’ Ġesù, imma ma’ xi ħadd li kellemna dwaru. U meta l-għarfien tagħna ta’ Ġesù jkun ta’ natura sekondarja u mhux diretta, ma jkollna xejn solidu! Nistgħu nkunu ħadna s-sagramenti kollha, inkluż is-saċerdozju, u l-għarfien tagħna ta’ Ġesù jkun biss tilqit – ma jkunx inbid tal-ewwel ġibda imma tat-tieni, jekk mhux tat-tielet ukoll! Kieku għandna l-ġmiel ta’ Kristu jistrieħ fuqna, kieku aħna ma nkunux daqshekk dgħajfa u lesti li ninġarru wara dak li huwa taparsi ġmiel, li qed jagħlqilna għajnejna. Għalhekk jien konvint li fi żminijietna neħtieġu dik li tissejjaħ “l-ewwel tħabbira”, jiġifieri li Ġesù bata, miet u qam mill-mewt għax iħobbna. Huwa biss meta niggranfaw ma’ Ġesù, “ir-Ragħaj is-sabiħ”, li nistgħu nserrħu rasna li nkunu għażilna l-veru, it-tajjeb u s-sabiħ.

It-tradizzjoni Nisranija ssellem lill-Immakulata Kunċizzjoni bħala Tota pulchra – kollha sabiħa u mingħajr ebda tebgħa jew tikmixa (sine macula). Meta nitkellmu fuq il-ġmiel ta’ Marija ma rridux nifhmu li din ix-xebba kellha fattizzi partikulari; il-ġmiel tagħha kien ir-rifless tal-ġmiel ta’ Ġesù. Marija gawdiet mill-merti ta’ Kristu. Marija hija dik li hi għax hija Omm Alla. Il-ġmiel ta’ Marija huwa l-ġmiel mifdi minn Kristu. F’diskors li għamel fil-Kungress Marjoloġiku f’Mejju 1975, il-Beatu Papa Pawlu VI qal hekk dwar Omm Ġesù: “Int, Marija, dhert fid-dinja mgħottija bid-demm tad-dnub, bħala l-isbaħ warda li qatt fetħet fil-ġnien imħarbat tal-umanità”. Meta fit-Tħabbira l-Anġlu jsellem lil Marija bħala dik li hija mimlija bil-grazzja, qed jafferma li Marija hija kollha sabiħa. Kif jikteb Leonardo Boff, “il-grazzja hija esperjenza tal-glorja fl-eżilju (fid-dinja), filwaqt li l-glorja hija l-esperjenza tal-grazzja fis-Sema”. Fi kliem Luteru, “ebda xbieha ta’ mara ma ġġib ħsibijiet safja daqs il-Verġni Marija”.

Marija hija mimlija bil-grazzja jew kollha sbuħija għax hija d-dixxiplu li tiftaħ qalbha għall-Kelma u tibqa’ miexja wara l-Kelma anki meta l-Kelma hija minxura fuq is-salib fejn il-ġmiel ta’ Alla jinħeba taħt il-kruha fiżika tal-Kurċifiss. Fuq il-Kalvarju l-ġmiel tal-imħabba tal-Ħaruf bla tebgħa (is-sabiħ) imsallab jilma fuq l-Addolorata, li Melitone s-Sardi jsejħilha “l-ħarufa s-sabiħa”. Abbati Ċisterċensi li kien jgħix fiż-Żminijiet tan-Nofs, Sant’Amadeo minn Lusanna, jistħajjel lil Kristu jgħid hekk dwar Ommu Marija: “Inti sabiħa. Sabiħa fil-ħsibijiet, sabiħa fil-kliem, sabiħa fl-azzjoni, sabiħa minn twelidek sa mewtek; sabiħa fit-tnissil verġinali, sabiħa fil-ħlas divin, sabiħa mlibbsa l-porpra tal-passjoni tiegħi, sabiħa b’mod partikulari fl-isplendur tal-qawmien tiegħi” (Huit homelies mariales: Hom. VII, 234-239).

B’din il-meditazzjoni nixtieq inqabbad fil-bniedem il-ħeġġa għal dak li huwa sabiħ f’Ġesù u Ommu Marija. (Għax jekk l-omeliji tagħna ma jkunux meditazzjoni, aħna nkunu abbużajna mill-Kelma ta’ Alla). Mhux biss dan il-ġmiel nipposseduh għalina, imma biex inkunu nistgħu nsebbħu madwarna. Għalhekk ħa tkun il-komunità Nisranija, maħtufa u sedotta mill-ġmiel tal-Immakulata, għodda li tifrex il-ġmiel f’dawk l-irqajja’ fejn hemm il-kruha, bħal f’dawk il-qagħdiet fejn hemm is-solitudni, il-faqar, il-mard, id-dgħufija umana, l-iskart, il-vjolenza, l-inġustizzja u l-firda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, att ta’ mħabba sinċiera għandu l-qawwa li jbiddel l-ikrah f’sabiħ. Hekk nagħtu raġun lill-Papa Franġisku li nhar il-Festa tal-Kunċizzjoni fl-2013 qal li d-dinja tiġi salvata mill-ġmiel ta’ Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: