Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-bniedem aktar iħossu komdu jfarraġ lil ħaddieħor milli jħalli lil Alla jfarrġu


It-Tnejn 11 ta’ Diċembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-quddiesa fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li minħabba l-ġrieħi tad-dnub, il-bniedem spiss iħossha iebsa li jħalli lil Alla jfarrġu. L-Avvent hu żmien tajjeb biex aħna ndawru dir-rotta ħalli meta jiġi Ġesù jġibilna miegħu l-faraġ.

 

 

Il-ħsieb tal-Papa kien imnebbaħ mill-qari meħud mill-Ktieb ta’ Iżaija li fih il-Profeta jfarraġ lill-poplu għax wasal tmiem l-eżilju, fejn kien hemm in-niket u l-iskjavitù. Lill-poplu li ma seta’ jagħmel xejn aktar ħlief jibki, il-Mulej iwiegħdu l-faraġ.

Il-Mulej ġie biex iġibilna l-faraġ, issokta l-Papa. Fil-fatt, fir-rakkont tal-qawmien skont San Luqa, meta Ġesù deher lill-Appostli, dawn imtlew bil-ferħ, ferħ tant kbir li lanqas riedu jemmnu. Bl-istess mod, bosta drabi tant nistagħġbu bil-faraġ li jtina l-Mulej li nqisuh xi ħaġa mhux reali.

Imma mhux faċli nħallu lill-Mulej ifarraġna, kompla jgħid Franġisku. Huwa aktar faċli tfarraġ lil ħaddieħor milli tħalli lil ħaddieħor ifarrġek. Aħna marbutin ma’ dak li hu negattiv, marbutin mal-ġrieħi tad-dnub li hemm fina u spiss nagħżlu li nibqgħu f’dak l-istat, waħedna, l-istess bħall-paralitiku tal-Vanġelu mixħut fuq soddtu.
Imma l-kelma ta’ Ġesù hi dejjem waħda: ‘Qum!’ Madankollu aħna nibżgħu. Aħna padruni ta’ dak li hu negattiv għax fil-pożittiv insiru tallaba u dan ma jogħġobniex, ma nħobbux nittallbu l-faraġ.

Nippreferu nżommu l-morr fina u minnu nagħmlu teżor bħall-għama ta’ Silwam li dam tmienja u tletin sena jirraġuna fin-negattiv u jeqred għax ħadd ma kien jgħinu biex jinżel fl-ilma ħa jfiq.

Hemm imbagħad atteġġjament negattiv ieħor: it-tgergir. Hemm min, minflok ifaħħar u jiżżi ħajr lill-Mulej, iqatta’ ħajtu jgerger. Eżempju ta’ dan insibuh fil-Bibbja fl-istorja ta’ Ġona, li l-Papa ddeskrivieh bħala l-‘Premju Nobel tat-tgergir’, għax lanqas wara li wettaq il-missjoni li kien bagħtu jagħmel Alla ma waqaf jilmenta.

Il-bniedem tal-lum mhux differenti, kompla jgħid il-Papa. Aħna għandna tendenza li ngergru dejjem. Imma quddiem dawn is-sentimenti negattivi, il-kelma li tgħidilna l-Knisja hi: Kuraġġ. Kelma mtennija mill-Profeta Iżaija. Messaġġ għal kull min jemmen: Kuraġġ, Hu se jfarrġek. Ikollok fiduċja fiH. Kuraġġ.

Hi kelma li jtenniha wkoll Ġesù. Jgħidha lill-irġiel li niżżlulu l-mifluġ mis-saqaf, dawk li ma qatgħux qalbhom, u minflok qagħdu jgergru għax ma setgħux jidħlu minħabba l-folla, ħadu l-inizjattiva għax riedu l-fejqan, riedu li l-Mulej ifarraġ lil ħabibhom.

Il-liturġija tal-ġurnata hi messaġġ sabiħ ħafna u pożittiv, qal il-Papa.  Minkejja li mhux faċli tħalli lill-Mulej ifarrġek, xorta waħda għandna nfittxu li ninżgħu mill-aspetti negattivi tagħna, mit-teżori tagħna, biex inħallu lill-Mulej ifarraġna.

Jagħmlilna tajjeb, temm jgħid Franġisku, jekk nagħmlu ftit eżami tal-kuxjenza, naraw fiex tinsab qalbna, jekk hix mimlija morr jew tifħir lil Alla, u nitolbu lill-Mulej itina l-grazzja tal-kuraġġ, għax meta nkunu kuraġġużi jiġi Hu biex ifarraġna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s