Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’saħħa fih!

X’saħħa fih!


Il-jum ta’ qabel kien pessmu! Temp imsaħħab. Beraq. Ragħad. Sajjetti. Xita. Tħaxwix tal-karozzi fuq it-tarmak imxarrab. Li, il-ħoss qawwi tagħhom damdam is-skiet ta’ kamarti għażiża.

Imma l-għada ħi! L-għada! Id-diska nbidlet! Hekk hu! Temp mill-isbaħ! U għalhekk it-tmermir li ħassejt fija l-jum ta’ qabel, it-tqalliegħ tal-istonku mbandal li tant kemm ħabbattni fil-jum imqalla li kien għadu kemm għadda minn fuqi, għebu. Għall-erwieħ jaħasra! Għebu iva bħalma jgħib is-sħab ikraħ li jiġi fuq l-għażiża artna, minn żmien għal żmien, u li, għas-setgħa qaddisa tar-riħ imqaddes tal-bidla, jkollu, irid jew ma jridx, jgħib minn fuqna!

Xi ġmiel fik ja xemx! Sewwa għannewlek l-għannejja ta’ qabilna: Xemx wisq sabiħa. Lilek inħobb! Ġawhra ta’ qalbi. Lilek irrid! U mela xi rrid? Dik ix-xita tal-biża li tinżel u ma tieqafx? Kollox sew! Ebda warda bla xewka. Jekk irridu l-prodotti agrikoli f’artna, jekk irridu l-ilma għax-xorb u għal ħafna ħtiġijiet oħra, ix-xita għandha tagħmel. U Alla ħares jekk ma tagħmilx. L-għaliex gwaj ikollna! Biss il-ħajja, almenu kif tgħallem lili, hija anki antipasto. Għax fiha jrid ikun hemm minn kollox. Tiżwieqa. Jew, kif inħobbu ngħidu, bukkett imżewwaq!

Jum sabiħ, mimli xemx, bħalma taf tagħmel il-ħarifa għażiża Maltija, jagħtina ħafna kuraġġ. Mela, iċċelebra inti wkoll dan il-kuraġġ li hemm fik billi, jekk tista,’ taqbad il-karozza tiegħek inkella b’tal-Linja u itla’ naqra lejn il-Manikata. Lejn dik ix-xagħra tal-għaġeb. Tal-ħolm. Xagħra fejn jinfetħulek il-pulmuni tiegħek! Fejn ħarstek tissieħeb ma’ dik tal-Mulej, li tinfed l-abbissi. Ġmiel! Ġmiel! Ġmiel!

Imma, kif għallimni dan l-aħħar wieħed raġel Għarbi, fl-ilsien poetiku Għarbi hemm żewġ kelmiet għal xi ħaġa sabiħa. Il-kelma ġmiel nużawha għall-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. U anki għall-persuni li jgħixu magħna. Mela qiegħdin nitħaddtu dwar ħwejjeġ li jgħaddu. Hekk nistgħu ngħidu li l-ħajja għandha fiha ġmiel il-ħaxix. Mhux hekk jurina Salm 90 meta jgħidilna: Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab, u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!” Elf sena huma għalik bħal jum ta’ lbieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl. Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. Huma bħall-ħaxix li jinbet fil-għodu; fil-għodu jwarrad u jħaddar, fil-għaxija jidbiel u jinxef (Salm 90:3-6). Dan il-ħaxix, li jissimbolizza snin ħajjet il-bniedem, huwa ġmiel. L-għaliex għandu x’jaqsam mal-ħajja ta’ din id-dinja.

Imma ħej, meta nħares sewwa lejn dak is-sema sabiħ, ikħal nir, f’jum tal-ħolm tal-ħarifa, nara xi ħaġa oħra. Nara iva mhux il-ġmiel imma s-sbuħija tal-ħajja! X’jiġifieri? Nara lill-Mulej preżenti f’dak kollu li ħalaq! Narah! Inħossu! U jkolli ngħatti wiċċi bħall-Profeta Elija minħabba ħlewwietu! Is-sema ikħal nir, f’jum mimli ġmiel tal-ħarifa, iseħibni mal-profeta Danjel, fit-Testment il-Qadim, u miegħu nibda’ ngħanni:

Mbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek, ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. Mbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek, ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. Mbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi, ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. Mbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem (Dan 3:53-56).

U hawn il-jum ma jibqax ġmiel imma jsir sabiħ! L-għaliex isir il-jum ta’ dejjem! Il-jum li m’huwiex sempliċiment mimli bil-pożittività. Inkella bl-ottimiżmu. Le! Il-jum isir qdusija! Dik il-kelma li, int u jien, tant kemm inħobbu niġġudikaw biha lill-oħrajn biex imbagħad nintebħu, f’qalbna, kemm nibżgħu minnha u ma nkunux irriduha fuqna. Meta, fil-verità, lilha għandna bżonn! L-għaliex għaliha ġejna maħluqin!

Imma skużi ta xi qdusija qed nitħaddtu fuqha? Dik il-qdusija li tgħidilna biha l-Ittra lill-Kolossin: Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll (Kol 3:12-13). Dik il-qdusija li tiġi mit-tagħlim tal-għerf, mit-twiddib bil-Kelma ta’ Alla, mill-kant lill-Mulej u mill-intenzjoni retta.

Din hija s-sbuħija vera! Li tinsab f’qalbek, f’qalbi, kull darba li nħarsu lejn l-ikħal nir tas-sema. F’jum xemxi tal-ħarifa. X’saħħa fih!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: