Fid-dalma tallejl


Illejl! Jiġifieri l-waqt fejn jum imut biex, jum ieħor, jara d-dawl mill-ġdid tax-xemx. Mill-mod ta’ kif inħossu f’ġisimna u fl-ispirtu tagħna kollox juri li illejl huwa waqt fejn fih jitwieldu u jinħadmu ħafna sorpriżi. Għalhekk illejl huwa tabilħaqq misterjuż.

Hemm hu ġisimna! La jasal filgħaxija u jibda’ jidlam ikun irid mill-ewwel imur jistrieħ. Ħalli jinġabar. Almenu hekk konna ngħidu! U naf min, wara li jsir ċertu ħin, għadu jgħidhielek b’konvinzjoni tassew kbira: Ħa nħalliekom ħbieb! Ħa ninġabar! Għaliex, ovvjament, ikun sar il-ħin. Ħeqq! Mela l-ħin ikun wasal biex jiena wkoll, wara jum ta’ xogħol u ħidma ta’ tbatija, immur nistrieħ. Norqod ir-raqda li tant ili nistenna fuq xwiek. L-għaliex, l-għada, għandi jum xogħol quddiemi. Li qed jistennieni!

Iżda għandi garanzija li f’dak illejl bilfors se norqod? Jew almenu se nistrieħ kif inkun fassalt f’moħħi li nistrieħ? Issa hawn dħalna fi storja oħra. Nista’ iva nintefa’ fis-sodda u norqod ċomba! U kemm nifraħ ħbieb meta dan tabilħaqq jgħaddi mingħalija! Xi rrid aktar ħuti! Raqda waħda! Imxaħxħa! Imxaħxħa! L-għaliex, u issa ngħiduha kif inhi, bl-istress tal-ħajja li qiegħdin ngħixu fih tassew huwa lussu li tidħol torqod u tistrieħ f’raqda waħda.

Madankollu, u dan ngħidu b’qasma ta’ qalb, mhux dejjem hu possibbli. L-ewwel nett l-għaliex, minkejja l-għejja tal-jum tax-xogħol, tant kemm inkun għajjien li l-istess għejja ma tħallinix norqod u nistrieħ kemm irrid. Mhux l-ewwel darba li qbadt lili nnifsi li wara li nkun ħdimt ta’ billejl u nipprova norqod illejl ta’ wara nispiċċa li ma jseħħlix norqdu sħiħ. Għalhekk, mhux l-ewwel darba li lejl ikolli naqsmu għal ma nafx kemm-il partijiet! U issa ħa nitħaddet minn qalbi u ta’ ħabib magħkom: min tassew għandu jlumni? U mela illejl il-Mulej ħalqu biex taħdem fih? Imma, bħalma tafu intom daqsi l-għaliex għandkom u tgħixu f’familja, bħalma għandi u ngħix fiha jien, il-familja trid. U veru li trid! Hawn min qed ibati! U għalhekk lil dan jew din irridu ngħinuhom! Anki billejl!

Issa hawn minn billejl ma jorqodx l-għaliex illejl isir għalih mument ta’ turment. Billejl ir-rejaltà tal-ħajja tibda’ tiela’ fi stampa wara l-oħra. F’diskors teknoloġiku illejl joffri pop-up wara l-oħra. L-aktar jekk, fin-nofs, ikun hemm l-inkwiet. Inkella r-rimors. Illejl jaf ikun waqt tassew iebes għal min ikun f’dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli. Sitwazzjonijiet fejn iħallu lil dak li jkun bla nifs. Kos hux! Aktar ma jrid u jixtieq li jorqod aktar ikollu jassisti għal dawk l-iljieli fejn fihom ikollu jara fuq il-palk ta’ moħħu ħwejjeġ li, b’kull mod possibbli, jkun irid jinsa’. Dan biex ma nsemmux ukoll b’persuni li, fil-qalba tas-sikta tallejl, iħossu t-tbatija tat-telfa, tat-tradiment jew tal-abbandun ta’ xi ħadd li jkunu ħalliehom hekk, lampa stampa. Kemm jaf ikun turmentuż il-mument li wieħed, anki jekk jaf jintefagħlek f’raqda profonda, xorta waħda joħlomlok dik il-ħolma li tibqa’ ittaqqlu. U tferilu lil moħħu u ‘l qalbu!

Sa minn meta kont għadni żgħir bqajt affaxxinat bil-kliem tal-għanja li nkantaw fil-quddiesa, l-aktar fil-jum tal-Ħadd u li għandha x’taqsam mal-lejl. Kull darba li tingħatali l-grazzja nidħol sewwa fil-kliem ta’ din l-għanja quddiemi jiċċaraw xi kwadri ta’ sitwazzjonijiet fejn fihom hemm esperjenza ta’ lejl mingħajr mistrieħ mixtieq. Lejl li jista’ jingħex anki fl-eqqel ħin tal-ġurnata.

Meta waħdi f’tiġrib nimxi t-triq tas-salib, meta ħbiebi ma jagħrfunix. Meta fit-triq għajjien, dawl ma nara imkien, dawl ta’ ħajti kun int Mulej. Min minna dawn ma jgħaddix minnhom?

Iżda anki f’dawn il-waqtiet iebsa għandna bżonn inħallu lill-Mulej joħodna fil-mergħat kollha ħdura u jqegħdna ħdejn l-ilma (ara Salm 23:2). Għandi bżonn li hu jrejjaqni, imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu (Salm 23:3). Għax anki jekk nimxi f’wied mudlam (S 23:4) hu se jkun miegħi. Se jwennissni!

Kuraġġ ħija! Oħti! Għax anki fillejl ta’ ħajtek hemm it-tama. Anzi! Fil-lejl ta’ ħajtek it-tama tinstab tiddi hemm! Nistiendek biss biex tagħmel tiegħek it-talba tad-dalma tallejl: Meta fl-hemm u fl-uġigħ, fuq spallejk nistrieħ, żommli jdejja Mulej, f’idejk.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.