Ħidmet il-Provinċja Kapuċċina f’Malta ma’ ħutna l-emigranti


Il-Provinċja Kapuċċina Maltija minn dejjem emmnet u ħaddnet kliem Ġesù “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Fi żminijietna, wieħed mill-modi ta’ kif il-Provinċja Kapuċċina Maltija qed tgħix il-Kelma ta’ Ġesù, hija l-għajnuna li qed tagħti lil ħutna l-emigranti.

Għal dan il-għan jiena iltaqjt ma’ Patri Philip Cutajar OFM Cap li huwa responsabbli minn din il-ħidma daqshekk importanti. Meta staqsejtu dwar jekk ir-refuġjati humiex parti mill-kariżma Franġiskan Kapuċċin Patri Philip weġibni hekk:

“L-identità tagħna bħala Franġiskani Minuri Kapuċċini hija dik li nkunu missjunarji. Dan jinstab mill-għeruq tal-Kariżma tagħna. San Franġisk t’Assisi, il-Fundatur ta’ Ordni Reliġjuż, kien dak li, għall-ewwel darba fl-istorja, fir-Regola tiegħu, iddedika kapitlu sħiħ mir-Regola li jitħaddet dwar il-Ħidma Missjunarja li Ħutu l-Patrijiet kellhom iwettqu. Il-kariżma missjunarja ssieħbet l-ordni Franġiskan matul l-istorja tiegħu. Anke meta nħarsu lejn l-istorja ta’ aktar minn 400 sena tal-preżenza tal-Kapuċċini f’Malta dejjem insibu missjunarji Kapuċċini Maltin li ħaddnu bħal l-istil tal-vokazzjoni tagħhom il-ħidma missjunarja.

Illum l-istorja tal-ħidma missjunarja qed tinbidel. Nitkellmu mill-Ordni Franġiskan Kapuċċin, li fil-preżent għandu l-missjoni tal-Kenja, fl-Afrika, fejn hemm żewġ isqfijiet Maltin. Jiġifieri l-Isqof ta’ Garissa, Mons. Joseph Alessandro OFM Cap u l-Isqof ta’ Malindi, Mons. Emanuel Barbara OFM Cap. Magħhom hemm jaħdmu tlett missjunarji Maltin oħra: Patri Ilarju Abela OFM Cap minn Ħaż-Żabbar, Patri George Bezzina OFM Cap minn San Ġwann u Patri Joe Galea OFM Cap minn Bormla. Issa hemm ħames missjunarji Maltin. Iżda, fil-passat, kien hemm żmien fejn fil-Kenja biss kien hemm mal-25 missjunarju. Jidher ċar li n-numru tal-missjunarji qed jonqos sewwa. Ma ninsewx li n-numru ta’ vokazzjonijiet ġodda qed jonqos.

Iżda l-Mulej qed jiftaħ bibien ġodda. Il-Kapuċċini Maltin (flimkien ma’ reliġjużi u saċerdoti djoċeżani oħra) m’għadhomx imorru bħala missjunarji fl-Afrika, fl-Indja u fl-Asja. Madankollu nies, speċjalment, mill-Afrika qed jiġu Malta bħala refuġjati. Issa qed jiġu huma. Mela, il-ħidma missjunarja qed tinbidel. Qabel il-missjunarju Kapuċċin Malti kien iħalli lil Malta, lill-familja tiegħu u jmur fl-Afrika. Illum jista’ jissokta bil-ħidma missjunarja tiegħu billi jibqa’ Malta u jaħdem mall-ħafna refuġjati li ġejjin mill-Afrika u minn pajjiżi oħra fejn qabel konna mmorru aħna.

Kien għalhekk li bħala Franġiskani Kapuċċini Maltin, sa mis-sena 2001, is-sena meta daħlu Malta l-ewwel grupp ta’ refuġjati, immedjatament bdejna noffru l-għajnuna tagħna lil dawn l-emigranti. Fil-bidu bdew jersqu lejn il-bieb tal-kunvent tagħna jitolbu kemm għajnuna materjali u kif ukoll spiritwali u pastorali. Dan il-fenomenu ġdid, li nibet f’pajjiżna bħala Kapuċċini, ħarisna lejh bħala sfida ġdida li s-sinjali taż-żminijiet qed ipoġġu quddiemna. Ħarisna lejh bħala estensjoni tal-ħidma missjunarja tagħna fejn minflok ma nivvjaġġaw lejn l-Afrika, kif għamlu fl-imgħoddi diversi Kapuċċini Maltin, nieħdu ħsiebhom hawn f’pajjiżna la darba qed jiġu hawn huma”.

Il-kariżma Franġiskana missjunarja tkompli tiġi konkretizzata u mgħixa anke llum, għalkemm b’mod differenti, b’mod ġdid mingħajr ma neskludu dak tradizzjonali.

Lil Patri Philip staqsejtu wkoll dwar ix-xogħol li l-Provinċja Kapuċċina Maltija qed tiżvolġi mar-refuġjati. Huwa weġibni hekk:

“Nistgħu ngħidu li matul dawn l-aħħar 17-il-sena ta’ ħidma pasorali u soċjali mall-emigranti, mill-Franġiskani Minuri Kapuċċini f’Malta, żviluppat bil-mod il-mod sakemm waslet li ħadet il-forma li tgawdi llum. Fl-ewwel snin kienet ħidma fejjieda għalkemm mhux organizzata. Il-Kapuċċini, l-aktar dawk tal-Furjana, permezz tal-Uffiċċju Missjoni, kienu jilqgħu u jgħinu kull emigrant li kien jiġi, speċjalment għall-għajnuna fuq livell soċjali. Iżjed u iżjed dik finanzjarja. Hawnhekk ta’ min isellem lill-mibki Patri Krispin Tabone OFM Cap li qatt ma naqas jagħti kull għajnuna mitluba mhux biss minn emigranti nsara u Kattoliċi imma anke dawk Musulmani.

Din il-ħidma mill-Franġiskani Kapuċċini ma’ l-emigranti f’Malta kompliet tiżviluppa u tieħu xejra aktar uffiċċjali u organizzata. Għalkemm fil-ħidma tagħhom il-Kapuċċini qatt ma warrbu lil ħadd imma ħadu deċiżjoni li jikkonċentraw il-ħidma tagħhom ma’ l-emigranti, ġejjin mill-Eritreja, u li huma Kristjani-Kattoliċi. Kienu huma li talbu l-għajnuna tal-Kapuċċini mhux daqstant materjali daqskemm spiritwali u pastorali. Daqs sena u nofs ilu twaqqfet Fundazzjoni mhux governattiva bl-isem ta’ PEACE AND GOOD FOUNDATION – “FUNDAZZJONI PAĊI U ĠID”. Għal dan il-għan sar statut kif titlob il-liġi f’Malta u ġie approvat bħala Organizzazzjoni mhux Governattiva b’identità proprja, jiġifieri dik li tgħin lill-emigranti f’Malta.

Twaqqfet uffiċjalment il-Komunità Eritreja f’Malta. Dawn bdew jiltaqgħu regolarment fil-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes li l-Kapuċċini għandhom fil-Furjana. F’Jum l-Emigranti ta’ sentejn ilu l-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles J. Scicluna, wara konsultazzjoni mall-Ministru Provinċjal u mall-Kummissjoni ta’ l-Emigranti f’Malta, waqqaf il-Parroċċa Straordinarja għall-Komunità Eritreja f’Malta bil-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Furjana bħala l-Parroċċa tagħhom.

Bħala Proġett speċifiku ma’ l-emigranti kollha fostna, speċjalment mall-membri tal-Komunità Eritreja, qegħdin nimmiraw biex nilħqu dawn il-ħames miri: l-ewwel, akkumpanjament spiritwali u pastorali; it-tieni, għajnuna kontinwa u f’waqtha fuq livell materjali u soċjali; it-tielet, noffrulhom kull għajnuna ta’ prevenzjoni mill-ħakma ta’ l-alkoħol; ir-raba’, noffrulhom kull għajnuna ta’ prevenzjoni minn kull tip ta’ droga; il-ħames, ngħinuhom jirbħu t-trawma li taħkimhom b’effett tal-vjaġġ u t-tibdil tal-kultura.

Bil-għan li nilħqu l-aħħar tlett skopijiet tal-ħidma tagħna għandna magħna, bħala impjegata full time, persuna professjonali fil-qasam tal-psikoloġija bi speċjalizzazzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ l-alkoħol u d-droga. Din il-persuna toħloq kuntatti ma’ kull tip ta’ emigrant li hawn f’Malta, toffrilhom servizz b’xejn ta’counselling u terapija meħtieġa bil-għan li jiġu mgħejjuna jgħixu ħajjithom bl-akbar dinjità, jevitaw li jkissru ħajjithom u ma joħolqux problemi la għalihom infushom, għall-familji tagħhom, għal sħabhom u lanqas għall-Malta, il-pajjiż li qed jaċċettahom”.

Għall-mistoqsija dwar il-prospettivi li Patri Philip jara għall-Provinċja Kapuċċina Maltija f’dan ix-xogħol mar-refuġjati huwa wieġeb:

“Il-prospetti huma kbar, ambizzjużi u mifruxa. Għal dan għandna l-appoġġ sħiħ kemm tal-Kurja Ġenerali tal-Ordni li huma ferm kuntenti bis-sehem tagħna ma’ l-emigranti kif ukoll minn diversi provinċji oħra fi ħdan l-Ordni Franġiskan Kapuċċin. Dan l-appoġġ deher fid-diversi għajnuniet finanzjarji li rċivejna bil-għan li nissuktaw nifirxu l-proġett tal-ħidma tagħna ma’ dawn ħutna. Kemm il-darba ġejna mfaħħra għall-ħidma tagħna.

Qegħdin noffru diversi għajnuniet pastorali li wieħed jistenna minn Parroċċa Straordinarja bħalma huwa l-quddies speċjalment ta’ kull nhar ta’ Ħadd, ċelebrazzjoni tas-Sagramenti speċjalment magħmudijiet, l-ewwel Tqarbina, il-Griżma ta’ l-Isqof u żwiġijiet bil-Knisja. Diversi drabi, speċjalment fil-festi liturġiċi ewlenin, inġibu saċerdot mill-Eritreja (hemm diversi Kapuċċini Eritrej li qed jaħdmu fl-Italja għalhekk dan hu aktar faċli).

Ngħinu sabiex jintegraw fil-kultura ta’ pajjiżna b’diversi laqgħat u nipprovdulhom ukoll klassijiet tal-Ingliż u tal-Malti b’xejn. Jekk l-emigrant jiddeċiedi li jmur jgħix f’xi pajjiż ieħor ngħinuh jilħaq dan l-iskop. Ngħinuhom ifittxu xogħol xieraq, ifittxu dar fejn joqgħodu u jillegalizzaw il-pożizzjoni tagħhom f’Malta.

Dan huwa ftit mill-ħafna xogħol li bħalissa qegħdin inwettqu ma’ dawn Ħutna Emigranti li jinsabu f’pajjiżna. Nixtiequ nkabbru aktar u nifirxu iżjed. Ix-xogħol ma’ dawn in-nies huwa vast u kbir… Tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed. Ħasra li mhux kulħadd japprezza u lest biex jgħin. Ħidma oħra li nisħqu fuqha hija dik ta’ edukazzjoni u formazzjoni, anke fost il-Poplu Malti, bil-għan li jinqered darba għal dejjem kull tip ta’ razziżmu minn fostna”.

Min jixtieq jgħin f’din il-ħidma li l-Provinċja Kapuċċina Maltija qed twettaq b’risq l-emigranti jista’ jagħmel dan billi jżur il-Fundazzjoni Paċi u Ġid, Kunvent tal-Kapuċċini, Floriana. Wieħed jista’ anki iċempel fuq 21233874.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.