Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-ferħ veru!

Il-ferħ veru!


Qed ngħixu f’soċjetà fejn ħafna jixtiequ li jkunu ferħanin. U bir-raġun kollu! Għax, ngħid jien, min irid jgħix imdejjaq? Imtaqqal? U dejjem irid jara kif se jimla’ ħajtu?

Ħbieb, ejjew ma ngħixux fis-sħab! Ejjew inkunu saqajna mal-art! Xi minn daqqiet il-ħajja taf tkun iebsa. Fil-verità, u kif il-Mulej jgħallimni bikom, mhux l-għaliex il-ħajja, per se, jiġifieri fiha innifisha, fiha xi problema. Inkella iebsa. Il-ħajja kienet, għadha u tibqa’ sabiħa. Imma ħej aħna, forsi ħafna aktar milli naħsbu, aqta’ kemm ninfluwenzaw lil xulxin! Aqta’ kemm inkunu nistgħu nkunu għal xulxin barka jew, Alla ħares qatt, …..! Għax aħjar din il-kelma ma ngħidhiex li ma jmurx jinfaqalgħli l-mobile l-għaliex ħafna issa jibdew jasbuhom li huma hekk!

Ħbieb, f’mumenti iebsa ta’ ħajjitna, f’dawk il-mumenti fejn, irridu jew ma rridux, nibdew inħossuna ittentati li nidħlu fl-isqaq jew li nsiru subscribers tal-website xejnsew.com huwa, tabilħaqq, f’dan il-waqt li rridu nħarsu ‘l fuq! Li ħarsitna, bil-għajnuna tal-Mulej, trid tinfed is-sħab. U tibqa’ tiela’ mhux sal-kewkba maġġura, kif jaħsbu xi wħud. Imma trid tibqa’ dieħla dritt sat-Tron ta’ Alla l-ħaj! Imma jien, meta kollox jibda’ ġej ħażin, u meta nibda’ nara kollox doppju inkella ta’ taħt fuq, x’naqbad nagħmel? Fi ftit kliem, kif se nneħħi din in-negattività li nħalli tinġema’ madwari u fija?

Ħa nissuġġerilek xi ħaġa sieħbi li lili, u din mhux l-għaliex jien Franġiskan iżda, u fuq kollox, l-għaliex l-ewwel ma jien hu Nisrani, inħobb nagħmel. Inkanta! Le sieħbi! Biex tkantalu lill-Mulej ma jridx ikollok xi vuċi sabiħa bħal dawk tal-Eurovision! Lanqas ma jrid ikollok leħnek gwapp bħall-kontestanti li jidħlu għall-festival ta’ l-Għanja tal-Poplu. Il-Mulej mhux fabbrika tal-kożmetika. Li iffisat kif int tidher fil-mera. Il-Mulej huwa Tabib tat-tobba. Għax jara x’hemm fil-ġewwieni tiegħek. Jiġifieri jara x’hemm f’qalbek. Għalhekk tħabbilx rasek x’leħen għandek. Kantalu b’qalbek! U mbagħad kellimni! …

Innu mill-isbaħ li telgħali dan l-aħħar, waqt li kont qiegħed nfittex fuq YOU TUBE, kien l-innu sabiħ ta’ Marco Frisina La vera gioia. Bl-ilsien Malti hu l-ferħ veru. Bħalma ħafna jafu Marco Frisina huwa qassis u kompożitur Taljan. Bħalissa Frisina d-direttur tal-Kor tad-Djoċeżi ta’ Ruma. Dan l-innu sabiħ li ħarġu fl-1998 Frisina jfisser fih l-ingredjenti għall-veru ferħ. Jiena, għax ħabib tiegħek, ħa noffrihomlok minn qalbi! Issa f’idejk x’tagħmel bihom! Imma, naħseb, ta’ min jippruvahom. Xejn xejn tara ftit jekk dawn l-ingredjenti jogħġbukx! Mela issa ħa nagħtik naqra r-riċetta li, skont Dun Frisina, tagħmel ħajti u ħajtek ħajja ferħana u mimlija hena!

“Il-veru ferħ jitwieled mill-paċi, il-veru ferħ ma jikkunsmax il-qalb, u bħan-nar li bis-sħana tiegħu jagħti l-ħajja meta l-qalb tmut: il-ferħ veru jibni lid-dinja u jġib id-dawl fid-dlam. Il-veru ferħ jitwieled mid-dawl, li jiddi ħaj f’qalb safja, il-verità iżżomm il-fjamma tiegħu għalhekk ma jżommx fih la dlam u lanqas il-gidba. Il-ferħ veru jeħles lil qalbek u jagħmlek innu fil-libertà. Il-veru ferħ itir ‘il fuq mid-dinja u d-dnub qatt ma jista’ jwaqqfu. Ġwenħajh jleqqu bil-grazzja, don ta’ Kristu u tas-salvazzjoni tiegħu. U jgħaqqad lil kulħadd fi tħaddina u jħobb lil kulħadd fil-karità. U jgħaqqad lil kulħadd bħal fi tħaddina u jħobb lil kulħadd fil-karità.

Xi ġmiel ta’ kliem fih! Veru? Huwa l-Mulej jaf xi jgħid minn fomm il-qassis! Mons. Frisina! Jgħidilna mela li biex ikollna t-tisjira li jisimha ferħ veru l-ingredjenti għandhom ikunu l-paċi, in-nar li ma jikkunsmax, il-ferħ li jibni d-dinja, id-dawl fid-dlam, id-dija f’qalb safja, il-fjamma tal-verità li ma tintefiex, il-ferħ li jeħles il-qalb, il-ferħ li jagħmilna innu tal-libertà, il-ferħ li itir ‘il fuq mid-dinja, il-ferħ li ileqq bil-grazzja, il-ferħ li hu d-don u s-salvazzjoni ta’ Kristu, il-ferħ li jgħaqqad lil kulħadd. Għax, u din importantissima, l-għaliex fih ma jżommx dlam u gideb!

Xi kliem sabiħ! Dan mhux xi żinn jew tal-comics tafux! Din rejaltà! U, aktar ma nisma’ din il-mużika u dan il-kliem aktar jidħlu fija u … jfejjquni!

Mela, meta tkun bihom, tqum bir-riħ isfel, tkun down inkella n-numri tal-boxxla ta’ moħħok jibdew niżlin, meta kollox tarah il-kontra, meta tkun qtajt qalbek minn kollox u minn kulħadd, tant li tgħid: “Għalija d-dinja spiċċat!”, ikkalma! Idħol YOU TUBE. U ittajpjalu hekk: La vera gioia – Marco Frisina & Coro Della Diocesi Di Roma. Isma’ dan l-innu tal-ġenn u tara kif il-pressjoni tiġik għan-normal, il-viża tibda’ ġejja lura u, fuq kollox, il-ferħ f’qalbek jibda’ jikber u jżid, jżid, jżid …

Eh ħabib! Il-ferħ veru! …

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: