Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Qatt m’hu tard li niftakru fihom!

Qatt m’hu tard li niftakru fihom!


Ix-xahar li għadda, jiġifieri x-xahar ta’ Novembru, kien ix-xahar iddedikat lil ħutna l-mejtin. Ħafna kienu dawk li żaru ċ-ċimiterju u poġġew fjuri u xemgħat fuq l-oqbra tal-għeżież mejtin tagħhom. Dan il-ġest huwa magħmul biex tiġi onorata l-memorja tagħhom.

Forsi wkoll anki huwa mod ta’ kif wieħed joffri talb għalihom. Aħna ilkoll nixtiequ mod ta’ kif infakkru lil dawk li ħallewna. Madankollu, u b’qasma ta’ qalb, uħud qiegħdin isaqsu l-għaliex qed nitolbu għall-mejtin. Dan l-għaliex qiegħdin jaħsbu li, ġaladarba, xi ħadd imut, m’hemm xejn aktar xi jsir għalih u għaliha. Dawn it-talin jaħsbu li hija aktar importanti li wieħed jitlob għal dawk li qiegħdin isofru t-telfa ta’ xi ħadd għażiż milli għal dawk li ħallewna.

Ejjew ma ninsewx li teżiżti tradizzjoni twila fil-Knisja Kattolika li tinkoraġixxi li wieħed jitlob għall-erwieħ ta’ dawk li ħallewna. Il-mistoqsija hi: Kif din it-tradizzjoni ġiet? U l-għaliex għadha daqshekk importanti illum?

Id-drawwa li wieħed jitlob għall-mejtin għandha għeruqha fin-natura vera tas-sema. Il-Bibbja turina li fis-sema ma jidħol xejn imperfett. Fil-fatt, meta l-Ktieb tal-Apokalissi jiddeskrivi l-viżjoni ta’ Ġerusalemm il-Ġdida, is-Saltna eterna tal-Mulej, dan il-ktieb apokalittiku jgħidilna: “Ma tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa” (Apk 21:27). Sfortunatament ħafna nies li jmutu ma jkunux tabilħaqq għexu, b’mod perfett, il-ħajja umana tagħhom. U allura ma jmutux fl-istat ta’ perfezzjoni. Dawn in-nies m’humiex imħejjija biex jidħlu fis-Saltna tas-Sema u jaraw il-wiċċ tal-Mulej. Fl-istess ħin dawn in-nies ma għamlux dak il-ħażen li bih jinqatgħu totalment mill-Mulej. Jistgħu juru ndiema għal dnubiethom u ġew anki maħfura. Biss, imħabbithom għall-Mulej, fil-pont ta’ mewthom, ma kinitx daqshekk profonda u perfetta bħalma kellha tkun.

Huwa f’dan id-dawl li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: “Dawk li jmutu fil-grazzja u l-ħbiberija ta’ Alla, iżda mhux safja għal kollox, minkejja li żguri mis-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom, wara mewthom iġarrbu purifikazzjoni, biex jiksbu l-qdusija meħtieġa ħa jidħlu fl-hena tas-sema” (nru. 1030).

L-erwieħ ta’ dawn l-individwi m’humiex kompletament imsoffija minn dnubiethom. Jinħtieġ li jgħaddu minn tisfija wara mewthom. Dan il-fatt juri li l-ħniena tal-Mulej ma tieqafx fil-mument tal-mewt. Minflok, il-ħniena tal-Mulej tissokta tiġi murija anki wara dak il-mument biex tħejji lir-ruħ ħa tirċievi t-tħaddina tal-Mulej fis-sema.

Kif nistgħu niddeskrivu l-Purgatorju? Deskrizzjoni komuni mit-tradizzjoni tal-Knisja titħaddet dwar in-nar li jsaffi. Ta’ min hawnekk jiftakar, b’mod partikulari, dak li jgħidilna San Pawl:

“Jibni x’jibni dak li jkun fuq dan il-pedament – deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben – ix-xogħol ta’ kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed. Jekk il-bini li wieħed ikun bena jżomm sħiħ, min jagħmlu jieħu ħlasu; jekk il-bini jinħaraq, ħlasu jitilfu; iżda huwa jsalva, imma jkun għadda minn ġon-nar” (1 Kor 3:12-15).

Ix-xbieha li San Pawl juża hija dik ta’ metall irfinut. In-nar huwa użat biex wieħed jittestja u jsaffi l-metalli prezzjużi billi jġibhom sal-punt tad-tidwib tagħhom. F’din it-temperatura għolja kull ħaġa li hija mniġġsa u li ma tkunx dabet tispiċċa mneħħija. Bl-istess mod, fil-Purgatorju, kull ħaġa li m’hijiex awtentika fir-ruħ ta’ persuna hija mneħħija. L-uġiegħ hu ikkawżat bil-firda mill-Mulej. Aħna nistgħu nimmaġinaw dan bħala n-nar tal-imħabba divina li jirfina u issaffi r-ruħ ħalli jħejjiejha biex tidħol fis-sema.
Il-Knisja illum tirreferi għall-erwieħ fil-Purgatorju bħala “ħutna li, … wara mewthom, qegħdin jissaffew minn dnubiethom” (Lumen Gentium 51). Huma jissuktaw jkunu membri importanti tal-Knisja, tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, skont it-twemmin fil-komunjoni tal-qaddisin. Aħna nistgħu ngħinuhom bit-talb. Bl-istess mod kif huma jistgħu jgħinuna bit-talb tagħhom. Hekk jgħidilna l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “It-talb tagħna għalihom mhux biss jgħinhom, imma jagħmel effikaċi l-interċessjoni tagħhom għalina” (nru. 958).
It-talb għall-mejtin ilu jitwettaq għal sekli sħaħ. L-ewwel referenza fil-Bibbja hija misjuba fit-Tieni Ktieb tal-Makkabin. Ġuda l-Makkabew kien general importanti Lhudi tat-tieni seklu qabel Kristu. Huwa mexxa l-armata tiegħu lejn is-suċċess f’battalja missielta sewwa. Il-jum ta’ wara Ġuda, flimkien mas-suldati tiegħu, reġa’ lura lejn il-kamp tal-battalja bil-għan li jiġbor l-iġsma tas-suldati li ġew maqtula fil-battalja. Huma xtaqu jagħmlulhom funeral kif imiss. Għas-sorpriża tagħhom sabu li s-suldati kienu lebsin amuletti pagani u kienu ħbewhom taħt it-tuniċi tagħhom. Dawn ġew meħuda mis-suldati tal-għadu li kienu mietu fil-battalja ta’ Ġamnija (ara 1 Mak 5:58). Skont il-ktieb tad-Dewtoronomju 7:25-26 dawn l-oġġetti kellhom jinħarqu. Minflok, dawn is-suldati ħbewhom. U dan il-fatt għamluh imqanqlin mix-xeħħa.
Ġuda l-Makkabi flimkien mas-suldati li baqgħu ħajjin, kienu jafu li dawn is-suldati kienu wettqu dnub serju. Dan kien għemil ipprojbit mill-Liġi. Iżda, taqta’ dan l-għemil, kienu jafu wkoll li dawn l-irġiel kienu twajba. Dan l-għaliex mietu b’mod virtuż minħabba li b’kuraġġ baqgħu jiddefendu l-liġi tal-Mulej sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom. Għalhekk huma offrew talb u sagrifiċċji għal dawn is-suldati Lhud li mietu bl-amuleti pagani fuqhom. It-Tieni Ktieb tal-Makkabin jgħidilna hekk:
“U marru jitolbu; u talbu li d-dnub li għamlu jkun maħfur għalkollox. U Ġuda, ta’ qalb nobbli, widdeb lis-suldati li jżommu ruħhom ħielsa mid-dnub għax kienu raw b’għajnejhom x’kien ġara minħabba d-dnub ta’ dawk li kienu baqgħu mejta. Ġuda l-Makkabi għamel ġabra minn fost in-nies tiegħu u bagħat Ġerusalemm is-somma ta’ elfejn drakma tal-fidda biex isir sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; għamel ħaġa sabiħa u sewwa billi ħaseb fil-qawmien mill-imwiet… Għalhekk offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom” (2 Mak 12:42-43, 46).
Ġuda u sħabu talbu li l-Mulej jeħles lil dawn is-suldati minn dnubhom u jgħinnhom fil-mixja tagħhom lejn id-dawl ta’ dejjem. Din hija l-ewwel indikazzjoni li għandna fil-Bibbja li t-talb tal-ħajjin jista’ jgħin biex jeħles lill-mejtin minn kull dnub li jista’ jifridhom mill-preżenza tal-Mulej u jwaqqafhom milli jsibu l-paċi u l-ħajja ta’ bla tmiem.
Missirijiet il-Konċilju Vatikan it-Tieni semmew li l-Knisja tat ġieħ lit-tifkira tal-mejtin mill-bidu nett (ara Lumen Gentium 50). Il-komunità Nisranija f’Ruma nġabret fil-katakombi taħt il-belt biex titlob għal dawk l-Insara, segwaċi ta’ Kristu, li kienu midfuna hemm. Kienu jemmnu li t-talb tagħhom kien iservi biex jgħin lil dawk li mietu. Bħalma t-talb tal-mejtin seta’ jgħin ukoll lill-membri ħajja tal-komunità. Papa San Girgor il-Kbir (540-604) kien joffri ta’ spiss Quddies għall-erwieħ tal-Purgatorju. Huwa jirrakkonta l-istorja ta’ monaku li nidem minn dnubietu waqt li kien qiegħed fuq is-sodda ta’ mewtu. San Girgor, li kien l-abbati, għallem li l-Quddies għandhom jiġu offruti għalih. Wara 30 jum ruħu dehret lil wieħed mill-aħwa u ħabbritlu li issa hu kien ħieles mill-Purgatorju u daħal fis-sema.
Għal ħafna sekli l-Knisja Kattolika għallmet li t-talb tagħna huwa ta’ għajnuna lil dawk li mietu. Aħna noffru ruħhom lill-ħniena tal-Mulej u nitolbu għalihom. Nistgħu ngħinuhom mhux biss billi noffrulhom Quddies f’isimhom imma wkoll billi nagħmlu karità, bl-indulġenzi jew xogħlijiet oħra ta’ penitenza għall-benefiċċju tagħhom.
Ejjew nibqgħu niftakru f’dawn ħutna li qiegħdin fil-Purgatorju permezz ta’ talba li joħroġ b’imħabba għalihom minna. Ejjew niftakru li t-talb jista’ jkun b’saħħtu ħafna biex jgħinhom fil-mixja tagħhom ħalli jiksbu l-ħajja u l-paċi eterna. M’hemmx bżonn nistenna Novembru biex lil ħutna l-mejtin nagħmlilhom il-quddies għas-serħan ta’ dejjem ta’ ruħhom. Ix-xahar li fih il-Mulej tana dan l-artiklu hu xhieda biżżejjed li qatt m’hu tard li niftakru fihom!

  1. Charles Mifsud
    December 15, 2017 at 12:22 am

    Grazzi Father.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: