Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Dmugħ li ma jintesiex!

Dmugħ li ma jintesiex!


Aktar mal-Mulej qed itini l-grazzja nikber fis-snin, u nittama fil-grazzja tiegħu, (imma din hija xi ħaġa li mhux jien għandi nitħaddet fuqha iżda Hu li ħa jiġġudikani), aktar qed nintebaħ kemm il-ħajja hija ktieb sabiħ mimli tagħlim.

Emmnuni ħbieb! Meta nara l-ġid kbir li l-Mulej wettaq permezz ta’ ħuti Kapuċċini, kemm f’Malta u anki lil hinn minnha, tul is-sekli, mal-morda u mal-ifqar fost il-fqar, aktar nimtela’ b’kuraġġ biex nibqa’ għaddej, b’saħħti u qalbi kollha, f’ħidmieti mal-morda. Illum ngħid mal-Papa Franġisku, għalina s-saċerdoti, il-ħidma mal-morda u l-batuti m’għandhiex żmien determinat. Ma ġġorrx fuqha expiry date. Tibqa’ dejjem għaddejja. Mela pensjoni, f’dan il-qasam, almenu għalija bħala Patri Kapuċċin, żgur li m’għandix. Kristu fil-marid jehmiżni. Ipespisli. Jgħajjatli bil-mod. U anki b’ħanġra daqshiex. L-għaliex iridni, akkost ta’ kollox, ngħinu. Mela, hawn jien Mulej għax sejjaħtli!

L-istorja bqajt niftakarha qisu l-bieraħ. Għalkemm iż-żmien issa għadda minn fuqha. Minn dejjem tal-familja riduni niltaqa’ magħha. L-Isptar kont inżurha ta’ spiss kull darba li kienet tidħol. Kien dejjem ferħ kbir għalija li mmur inżurha. Daqskemm kienet mara ta’ fidi. U, hekk kif kont nispiċċa nitlaq minn ħdejha, dejjem kont inħoss ġo fija li kienet hi li għamlitli ħemel ġid. U żgur li mhux jien.

“Meta ġej s’għandna ħa tiekol magħna Patri?” kienu jgħiduli wliedha. Insomma, biex ma ntawwalx, fl-aħħar l-affarijiet sabu posthom waħedhom. Fil-fatt, jum minnhom, sewwasew meta għalqet żmienha, uliedha stednuni nagħtiha sorpriża kif imiss. Dan hu li jien għamilt. Ġew għalija. L-għaliex jien karozza m’għandix u għalhekk dejjem nuża’ tal-linja inkella xi lift. U, ġentilment, ħaduni r-restorant. “Iġġib xejn miegħek Patri!”, qaltli bintha ż-żgħira. “Il-preżenza tiegħek hija biżżejjed”.

Biex ma ntawwalx ġiet għalija u ħaditni r-restorant. Il-mara, imdaħħla fiż-żmien, li tant kemm kienet issemmini, għax kienet titlob ħafna għalija u għas-sejħa tiegħi, ma kinitx taf li kont se nżurha propju f’dak il-jum. F’jum għeluq sninha. Għalhekk, meta wasalna, u bintha ż-żgħira ħaditni ħdejha, qaltilha: “Mà! Ara min hawn!” Wiċċ din l-omm twajba, li tgħidx kemm rat ma’ wiċċha f’ħajjitha, xegħel bil-ferħ! M’hemm xejn isbaħ meta tara wiċċ li qed ibati tbatija mill-eħrex jinxtegħel bil-ferħ!

“Poġġi hawn Patri!” issuktat bintha l-oħra. Kemm ħassejtni ixxurtjat li nkun ħdejn mara li, għalkemm fuq is-siġġu tar-roti, seħħilha tegħleb kull ostakolu basta tiġi tiċċelebra jum għeluq sninha fir-restorant. Waqt l-ikel iggustajta tiekol minn qalbha l-platt ikel li tant tħobb. “Taf li lanqas qed inħossni li kiltu”, qatli hekk kif kielet il-platt imdaqqas li kellha quddiemha. Fraħt għaliha li seħħilha tagħmel dan. X’kisba dik hux!

Wasalna għad-deżerta u ordnajna. Ma lħaqniex ordnajna d-deżerta meta, mar-restorant imdaqqas, instegħmet il-kanzunetta ta’ Cliff Richard Congratulations. U, hawn hi l-kamriera li ġabitilha, fuq platt, biċċa qassatella tal-irkotta bin-nar jaqbad fuqha. Wiċċ il-mara reġa’ xegħel mill-ġdid! Anki jekk, għall-bidu, ħassitha ftit maħsuda. Iżda d-dehra ta’ dan il-ġest sabiħ ta’ mħabba minn naħa tal-familjari tagħha aqta’ kemm taha ferħ. Kos hux!

Imma l-kbir kien għadu ġej! Fettilli nħares maġenbi u hemmhekk ilmaħt lil bintha tibki quddiem din ix-xena. “Ikkommovietni”, qatli. U kellha biex tikkommovi ruħha. Hekk kif morna nbusuha ma stajtx ninsa l-bewsiet kbar u ġenwini li tatha bintha. Kemm beda nieżel dmugħ minn għajnejha! Għax dak id-dmugħ ma kienx wieħed tal-okkażjoni. Dak kien dmugħ ta’ persuna li kienet letteralment qed tissallab. Basta tibqa’ taqdi lil ommha sal-aħħar. Dak kien dmugħ ta’ fedeltà ta’ bint li baqgħet tapprezza bil-bosta dak li ommha, b’tant imħabba, kienet wettqet magħha tul is-snin.

Kien dan id-dmugħ li lili, bħala Patri Kapuċċin, mela lil qalbi. “Kemm għandhom bżonni l-morda! Kemm għandhom bżonni persuni li qiegħdin ibatu! Kemm għandhom bżonn tal-kumpanija Franġiskana Kapuċċina tiegħi! Kemm għandhom bżonn li jiena nifraħ u nibki magħhom!” għedt f’dak il-waqt.

Huwa dan id-dmugħ ta’ din il-bint rikonoxxenti lejn ommha li hu wieħed mis-sinjali li lili jżommni sod fil-mixja tiegħi ta’ Kapuċċin. Jiġifieri li nagħti ħajti għal Ġesù fil-marid.

Dan hu dmugħ li ma jintesiex!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: