Ġużeppi hu eżempju tal-bniedem li ma jrid xejn għalih

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 18 ta’ Diċembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-Papa Franġisku fakkar li Ġużeppi ħa fuq spallejh paternità li ma kinitx tiegħu imma kienet ġejja mill-Missier, u rabba lit-tfajjel Ġesù sakemm dan wasal għall-maturità.

 

Fil-problemi, fid-dwejjaq, fid-dlam, nitgħallmu minn Ġużeppi li jaf kif jimxi fid-dlam, jaf jisma’ leħen Alla, jaf jibqa’ miexi fis-silenzju. Hekk qal il-Papa Franġisku hu u jikkummenta l-Vanġelu tal-lum meħud minn San Mattew.

Il-Papa fakkar fil-fixla ta’ Ġużeppi meta f’Marija bdew jidhru s-sinjali tal-maternità hekk kif reġgħet lura mid-dar ta’ Eliżabetta. Ġużeppi, osserva l-Papa, imtela bid-dubji, bin-niket, bit-tbatija, filwaqt li madwaru beda t-tqassis.

Hu ma fehemx imma kien jaf li Marija kienet bniedma ta’ Alla, u għalhekk qatagħha li jibgħatha bil-moħbi, li ma jakkużahiex pubblikament. Dan ħasbu sakemm f’ħajtu daħal il-Mulej li permezz ta’ anġlu nebbħu li t-tarbija kienet imnissla mill-Ispirtu s-Santu. U hekk Ġużeppi emmen u obda.

Ġewwa fih Ġużeppi kellu taqbida u f’dik it-taqbida leħen Alla qallu: ‘Qum!’ Kemm-il darba ttenni ruħha dil-kelma fil-bidu ta’ xi missjoni fil-Bibbja, osserva Franġisku. ‘Qum, u ħu lil Marija f’darek.’ Erfa’ kollox fuq spallejk u ibqa’ miexi.

Ġużeppi ma marx jieħu parir mingħand il-ħbieb, jew mingħand xi psikjatra, jew mingħand xi saħħar biex jinterpretalu l-ħolma. Xejn minn dan. Emmen. Ħa s-sitwazzjoni f’idejh u baqa’ miexi.

Imma x’sitwazzjoni kienet? X’kien l-inkarigu li kellu jieħu? Żewġ affarijiet: il-paternità u l-misteru. Hu ħa f’idejh paternità li ma kinitx tiegħu – kienet ġejja mill-Missier – imma qeda dmiru mhux biss billi ħa ħsieb Marija u lil Binha, imma wkoll billi rawwem lil Ġesù sa ma dan wasal għall-maturità ta’ raġel. U dan għamlu fis-silenzju, bla ma lissen kelma:  ubbidjenza siekta.

Ġużeppi hu l-bniedem li ħa f’idejh il-misteru, kif hemm fl-ewwel qari. Huwa l-misteru li jreġġa’ l-poplu lura lejn Alla; il-misteru tal-Ħolqien mill-ġdid li, kif tgħid il-liturġija, huwa isbaħ mill-ħolqien tal-bidu.

Ġużeppi jieħu f’idejh dal-misteru, u bis-skiet tiegħu, bil-ħidma sa minn mindu sejjaħlu Alla, ħa fuq spallejh il-paternità u l-misteru. Jingħad li hu kien id-dell tal-Missier, id-dell ta’ Alla l-Missier.

U jekk Ġesù bħala bniedem tgħallem jgħid ‘papà’, ‘missier’ lil Missieru li kien jafu bħala Alla, dan tgħallmu mix-xhieda ta’ Ġużeppi, il-bniedem li ħares, il-bniedem li kabbar, il-bniedem li baqa’ għaddej imexxi ‘l quddiem il-paternità u l-misteru mingħajr ma jieħu xejn għalih.

Dan hu l-kbir Ġużeppi, temm il-Papa, li Alla kellu bżonnu biex iseħħ il-misteru li l-poplu jerġa’ jitmexxa lejn il-Ħolqien il-ġdid.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: