Katekeżi Quddiesa, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Rit tal-bidu


5. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 20 ta’ Diċembru 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq nidħol fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Il-Quddiesa hi magħmula minn żewġ partijiet, li huma l-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija tal-Ewkaristija, li huma hekk marbuta ma’ xulxin li jsawru att wieħed tal-kult (ara Sacrosanctum concilium, 56; Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 28).

 

Għalhekk iċ-ċelebrazzjoni, li tiftaħ b’xi riti ta’ tħejjija u tagħlaq b’oħrajn, hija ġisem wieħed u ma tistax tifridha, imma biex nistgħu nifhmuha aħjar sa nipprova nfisser id-diversi mumenti tagħha, li kull wieħed minnhom kapaċi jmiss u jinvolvi dimensjoni tal-umanità tagħna. Hemm bżonn nagħrfu dawn is-sinjali mqaddsa biex ngħixu b’mod sħiħ il-Quddiesa u nduqu l-ġmiel kollu tagħha.

Meta l-poplu jkun inġabar, iċ-ċelebrazzjoni tiftaħ bir-riti tal-bidu, jiġifieri d-dħul taċ-ċelebranti jew taċ-ċelebrant, it-tislima – “Il-Mulej magħkom”, “Il-paċi magħkom” –, l-att penitenzjali – “Nistqarr ’l Alla”, fejn aħna nitolbu maħfra ta’ dnubietna –, il-Kyrie eleison, l-innu tal-Glorja u t-talba tal-kolletta: tissejjaħ “talba tal-kolletta” mhux għax hemm issir xi ġabra tal-offerti: hi l-ġabra tal-fehmiet ta’ talb tal-popli kollha; u dik il-ġabra ta’ intenzjonijiet tal-popli titla’ fis-Smewwiet bħala talba. L-għan tagħhom – ta’ dawn ir-riti tal-bidu – hu li jgħinu “biex il-fidili, miġbura flimkien, isawru komunità, u jagħtu widen bil-fidi għall-kelma ta’ Alla u jiċċelebraw kif jixraq l-Ewkaristija” (Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 46). Mhix drawwa tajba li noqogħdu nħarsu lejn l-arloġġ u ngħidu: “Qiegħed fil-ħin, biżżejjed nasal sa wara l-prietka u nkun osservajt il-preċett”. Il-Quddiesa tibda bis-sinjal tas-Salib, b’dawn ir-riti tal-bidu, għax hemm nibdew bil-qima tagħna lil Alla bħala komunità. U għalhekk importanti naraw minn qabel li ma naslux tard, anzi xi ftit qabel, biex inħejju qalbna għal dan ir-rit, għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-komunità.

Waqt li normalment isir il-kant tad-dħul, is-saċerdot mal-ministri l-oħra jasal proċessjonalment sal-presbiterju, u hawn isellem lill-altar b’inkin u, b’sinjal ta’ qima, ibusu u, meta jkun hemm l-inċens, jinċensah. Għaliex? Għax l-altar hu Kristu: hu l-figura ta’ Kristu. Meta aħna nħarsu lejn l-altar, inkunu nħarsu proprju lejn fejn jinsab Kristu. L-altar hu Kristu. Dawn il-ġesti, li aktarx ħadd ma jagħti kashom, għandhom tifsira qawwija, għax jesprimu sa mill-bidu li l-Quddiesa hi laqgħa ta’ mħabba ma’ Kristu, li “bl-offerta tal-ġisem tiegħu fis-sagrifiċċju veru tas-salib […] sar għalina l-qassis, l-altar u l-ħaruf” (il-V Prefazju tal-Għid). Fil-fatt, l-altar, bħala sinjal ta’ Kristu, “hu ċ-ċentru tal-azzjoni ta’ radd il-ħajr imwettqa bl-Ewkaristija” (Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 296), u tal-komunità kollha madwar l-altar, li hu Kristu; mhux biex noqogħdu nħarsu lejn xulxin, imma biex inħarsu lejn Kristu, għax Kristu hu fiċ-ċentru tal-komunità, mhuwiex imbiegħed minnha.

Imbagħad hemm is-sinjal tas-salib. Is-saċerdot li jkun jippresiedi jagħmlu hu fuqu nnifsu u l-istess jagħmlu l-membri kollha tal-miġemgħa, għax jafu li l-att liturġiku jitwettaq “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. U hawn ngħaddi għal argument ieħor ċkejken ħafna. Intom rajtu kif jagħmluh it-tfal is-sinjal tas-salib? Ma jafux xi jkunu jagħmlu: xi drabi jagħmlu disinn, li mhuwiex is-sinjal tas-salib. Nitlobkom: ommijiet u missirijiet, nanniet, għallmu lit-tfal, mill-bidu nett – mindu jkunu ċkejknin ħafna – biex iroddu s-salib sewwa. U fissrulhom li dan nagħmluh biex ikollna s-salib ta’ Ġesù jħarisna. U l-Quddiesa tibda bis-sinjal tas-salib. It-talba kollha titħarrek, biex ngħidu hekk, fl-ispazju tat-Trinità Qaddisa – “Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu” –, li hu spazju ta’ komunjoni bla tarf; għandu bħala bidu u bħala fini l-imħabba ta’ Alla Wieħed u Tlieta, li jidher u hu mogħti għalina fis-Salib ta’ Kristu. Fil-fatt, il-misteru tal-Għid tiegħu hu don tat-Trinità, u l-Ewkaristija toħroġ dejjem mill-qalb minfuda tiegħu. Għalhekk, meta nagħmlu s-sinjal tas-salib, mhux biss niftakru fil-Magħmudija tagħna, imma naffermaw li t-talba liturġika hi l-laqgħa tagħna ma’ Alla fi Kristu Ġesù, li għalina sar bniedem, miet fuq is-salib u qam glorjuż.

Mela s-saċerdot jagħtina t-tislima liturġika, bl-espressjoni: “Il-Mulej magħkom” jew oħra tixxiebah – hemm bosta –; u l-miġemgħa twieġeb: “U miegħek ukoll”. Qegħdin fi djalogu; qegħdin fil-bidu tal-Quddiesa u rridu naħsbu fit-tifsira ta’ dawn il-ġesti u kliem kollha. Deħlin f’“sinfonija”, li fiha jidwu bosta tonalitajiet ta’ ilħna, fosthom waqtiet ta’ silenzju, biex jinħoloq il-“ftehim” bejn dawk kollha li qed jieħdu sehem, jiġifieri nagħrfu li hu l-istess Spirtu wieħed li jmexxina lejn l-istess għan. Fil-fatt, “it-tislima tas-saċerdot u t-tweġiba tal-poplu juru l-misteru tal-Knisja miġbura” (Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 50). Hekk nesprimu l-fidi komuni u x-xewqa reċiproka li noqogħdu mal-Mulej u li ngħixu fl-għaqda mal-komunità kollha.

U din hi sinfonija ta’ talb, li qed tinħoloq u dritt tippreżenta mument qawwi ħafna, għax min jippresiedi jistieden lil kulħadd jagħraf dnubietu. Ilkoll aħna midinba. Ma nafx, forsi xi ħadd minnkom mhuwiex midneb… Jekk xi ħadd mhux midneb, jgħolli idu, jekk jogħġbu, hekk narawh ilkoll. Imma m’iniex nara jdejna mgħollija, tajjeb: il-fidi tagħkom qiegħda fit-triq it-tajba! Ilkoll aħna midinbin; u għalhekk fil-bidu tal-Quddiesa nitolbu maħfra. Hu l-att penitenzjali. Dan mhux biex naħsbu biss fid-dnubiet li għamilna, imma ħafna iżjed minn hekk: hi l-istedina biex nistqarru li aħna midinba quddiem Alla u quddiem il-komunità, quddiem ħutna, b’umiltà u sinċerità, bħall-pubblikan fit-Tempju. Jekk tassew l-Ewkaristija tagħmel preżenti l-Misteru tal-Għid, jiġifieri l-passaġġ ta’ Kristu mill-mewt għall-ħajja, allura l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hu li nagħrfu liema huma s-sitwazzjonijiet tagħna ta’ mewt biex nistgħu nqumu mill-ġdid miegħu għal ħajja ġdida. Dan jurina kemm hu importanti l-att penitenzjali. U għalhekk nerġgħu naqbdu dan l-argument fil-katekeżi li jmiss.

Nibqgħu mexjin pass wara l-ieħor fit-tifsira tal-Quddiesa. Imma nitlobkom: lit-tfal għallmuhom iroddu s-salib sew, jekk jogħġobkom!

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s