Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani għandu jkollu wiċċu dejjem daħqan u qatt wiċċ ta’ funeral

In-Nisrani għandu jkollu wiċċu dejjem daħqan u qatt wiċċ ta’ funeral


Il-Ħamis 21 ta’ Diċembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-omelija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kienet dwar il-ferħ tan-Nisrani li jitnissel meta nħossu dnubietna maħfura u mill-qrubija tagħna mal-Mulej.

 

Kemm l-ewwel qari kif ukoll il-Vanġelu jitkellmu dwar il-ferħ: il-ferħ ġewwieni, mhux il-ferħ ta’ xi festa. Il-liturġija kollha ttina dal-messaġġ: Kun ferħan.

Hemm tliet aspetti ta’ dal-ferħ, osserva l-Papa. L-ewwel hemm il-ferħ li jiġi mill-maħfra. Il-Mulej neħħielek il-kundanna. Allura l-Papa għamel stedina biex ħajjitna ma tkunx bierda, proprju għax nafu li aħna maħfura. Dan hu s-sies tal-ferħ nisrani, osserva Franġisku.

Biżżejjed niftakru fil-ferħ ta’ ħabsi meta jsir jaf li l-piena tnaqqsitlu, jew fil-morda, fil-paralitiċi tal-Vanġelu. Irridu nkunu konxji li Ġesù ġabilna l-fidwa.

Filosfu ateu kien jikkritika lill-Insara u jgħid: Dawk jgħidu li għandhom Feddej, u jien nibda nemmen fih meta nibda naqra dil-fidwa fil-bixra ta’ wiċċhom għax fih ikunu qed juru l-ferħ ta’ dil-fidwa.

Imma jekk għandek wiċċ ta’ funeral kif jista’ xi ħadd jemmen li int mifdi, li dnubietek huma maħfura? Dan hu l-ewwel messaġġ tal-liturġija tal-lum: int maħfur, kull wieħed u waħda minna maħfurin, qal Franġisku.

Alla huwa Alla tal-maħfra u aħna mħeġġin biex nirċievu dil-maħfra u nibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-ferħ għax imbagħad il-Mulej jaħfrilna anke l-affarijiet żgħar li lkoll nagħmlu minħabba d-dgħufija tagħna.

It-tieni stedina hi li nkunu ferħanin għax Alla jimxi magħna sa mill-waqt li hu kien sejjaħ lil Abraham. Jinsab f’nofsna, fost il-provi tagħna, id-diffikultajiet, il-ferħat, f’kollox. Għalhekk matul il-ġurnata, issokta Franġisku, għandna ndawru ftit ħsiebna u nitkellmu ma’ Alla li jinsab ħdejna, ħdejn ħajjitna.

It-tielet aspett hu li ma nħallux l-iżventuri tal-ħajja jaqtgħulna qalbna. Il-pessimiżmu fil-ħajja mhux kwalità tan-Nisrani. Il-pessimiżmu jinbet minn għerq li qatt ma ħass li hu maħfur, qatt ma ħass fuqu t-tmellisa ta’ Alla. U nistgħu ngħidu li l-Vanġelu jurina liema hu dal-ferħ: Marija ferħana, telqet tgħaġġel.

Il-ferħ idaħħal fina ċertu għaġla għax il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu ma tafx bi tnikkir. L-Ispirtu dejjem jgħaġġel, dejjem jimbuttana, imxi, imxi bħar-riħ fil-qlugħ.

Fi ftit kliem huwa l-ferħ li lil Ġwanni jġiegħlu jaqbeż fil-ġuf ta’ Eliżabetta meta ltaqgħet ma’ Marija.

Il-Knisja tgħidilna biex inkunu Nsara ferħanin. Nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu Nsara ferħanin u jekk niżolqu xi waħda Hu jaħfer għax hu Alla tal-maħfra. Hu jinsab magħna u ma jħalliniex naqtgħu qalbna.

Dan hu l-messaġġ tal-lum, temm Franġisku: Qum. Dik il-kelma ‘qum’ li Ġesù kien jgħid lill-morda. Qum, ibqa’ miexi, għajjat bil-ferħ, thenna, ċapċap, faħħar bil-qalb.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: