X’nagħmel biex inkun sabiħ u sabiħa?


Għandi ħolma f’ħajti. U, għax tgħid, meta immur nittawwal naqra mill-mera, mhux l-ewwel darba li nieħu l-qatgħa ta’ ħajti!

Ma nafx! Imma nara dik iż-żaqq! Jew dak l-imnieħer li nistħajlu l-ponta ta’ Marsamxett. Jew dawk l-eye lashes li jwerwruni! Għax naħsibhom donnhom il-beraq u s-sajjetti li nieżlu fuq Sodoma u Gomorra u ġabuhom irmied. Jew dak il-ħalq li nistħajlu kanura żgħira. Inkella l-geddum li narah qisu mopp li jiknes kullimkien.

Uff! Kemm idejquni dawk il-ħaddejn qishom tuffieħa! Inkella dawk il-widnejn ippuntanti li jfakkruni fl-attur ta’ Spock ta’ Star Trek. U x’ħa nagħmel biex inqassar għonqi. Kemm qed narah twil. Uff! U issa dan ix-xahar li għandi x’kulur se niżbgħu! Donni, aktar ma niżbgħu, aktar jerġa’ jmur lura għal dak li hu, abjad! UFF! U, aktar mhu ħa noqgħod niffissa issa fuq ix-xoffa, imbagħad fuq l-imnieħer, imbagħad fuq ma nafx xiex, aktar inħossni qed nispisja! U ħa ngħidlek, mhux ta’ b’xejn li l-wajer ta’ moħħi ħabat jillikja!

Kemm preokupazzjonijiet bis-sbuħija hux! Illum hawn min jonfoq il-belli liri biex jiġi sabiħ. U sabiħa. Biex jiġi tal-qjies fil-piż. Inkella biex dejjem tibqa’ friska. Jaf jagħmillek masage kontra masage. U issa għalhekk, imbagħad għal hekk, u l-vit tal-flus m’hemmx li jagħlaq! L-ewwel beda jqattar imma issa ħej aqta’ kemm nieżel! U, minflok li jfawwar il-bramel qed ifawwar il-bwiet ta’ ħafna professjonisti tas-sbuħija!

M’hemm xejn ħażin li wieħed jirranġa dak li jista’ jirranġa. Għalkemm, u biex inkunu għedna kollox, ċertu affarijiet ma jistgħux jitranġaw. Ġaladarba jkunu ħarġu hekk mill-fabbrika. Imma, u wara din il-battikata kollha, hemm problema kbira. Għaliex wiċċi tant ġie sabiħ imma qatt ma nista’ nitbissem? U anki jekk inċarrat ħalqi u nitbissem għajnejja tibqa’ fihom kisra tal-ksur? Għaliex għajnejja dejjem miskura hux? Inkella għaliex irnexxieli nirranġa xufftejja u mbagħad, meta niftaħ ħalqi, dak li jkun ikollu jara fejn se jmur jistaħba? L-għaliex, minn dak ilsieni, aqta’ kemm joħroġ kliem li jweġġa’, xewwiexi, nassasi u, fuq kollox, kliem li jriegħed is-sema u l-art bid-dagħa u l-kliem ħażin?

Kos hux! Taf x’qed ngħid: bqajt bil-problema! Mort għand il-beautician u ikraħ kont u kerha bqajt! Inkella mort nagħmel id-dwiefer u nigref kont u nigref bqajt! Tgħid dak għaliex hu? Ikolli ngħid għandi bżonn naqra MRI (Magnetic Resonance Imaging) ħa nara ftit l-organi ta’ ruħi fejn qiegħdin. U x’insib f’dawn l-istrutturi ta’ ruħi? Ħeqq ara! Insib xquq kbar! Xquq ġejjin minn nuqqas ta’ mħabba! Mela, fil-ħajja tiegħi, għandi bżonn l-imħabba.

Imma x’tip ta’ mħabba? Mhux l-imħabba tal-bews, tat-tgħanniq, tas-soddod u tal-pużizzjonijiet. Din hija l-iskorċa, jekk tista’ issejħilha skorċa, ta’ l-imħabba vera. Għax, fil-verità, jiena għandi bżonn nibda’ nħobb bħalma jħobb Ġesù. Imma kif? Ħa nfakkrek ftit sieħbi u hekk, ħelu ħelu, inkun qed infakkar lili nnifsi wkoll. L-Ittra lill-Kolossin hija sett tal-kożmetika perfett!

“Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla. Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla. Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kol 3 :12-17).

Kemm nixtieq inkun sabiħ u sabiħa! Mela ħa nidlek għajnejja bil-ħniena! U nirranġa s-suf t’għajnejja bit-tjieba! Ma nagħmilx ħażin jekk nirranġa xufftejja bl-umiltà! U nġib tal-qjies ħaddejja bil-ħlewwa! U dak geddumi ħa nidilku bi ftit sabar! U, bilħaqq, dawk snieni ta’ min jagħmlilhom service bil-maħfra! Ejja nirqaq bl-għerf tal-Mulej u nirranġa widnejja bit-twiddib mimli ħlewwa! Iiii! Lil min kont se ninsa’! U lill-ilsieni nagħmel tajjeb jekk inħalli lill-Mulej ilaqqagħmuli bit-tifħir lil ismu! U lil qalbi niblagħlha l-pillola tal-innijiet lil Alla!

U x’inhu s-sigriet ta’ dan it-trattament? Li dak kollu li nagħmel u li ngħid nagħmlu għall-Mulej u mhux biex napprofitta ruħi minnu jien!

Trid tisbieħ ħi? Ħobb b’dan il-mod! U jirnexxielek!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.