Kien jum mimli xita. Beraq. Sajjetti. Sewwasew eżatt kif spiċċajt ix-xogħol ta’ billejl ippruvajt nistrieħ ftit. Aktar ma ppruvajt nagħlaq għajn m’għajn aktar kien għal xejn. L-għejja lanqas tħallik tistrieħ.
Għalhekk inżilt isfel u ħadt ftit kafè. Ħalli, u forsi, niġi f’tiegħi. F’moħħi kelli jberren il-ħsieb: irrid immur Għawdex! L-għaliex kelli t-tridu ta’ San Franġisk. Ma lħaqtx spiċċajt il-kelma: fiss ragħda nstemgħet tkarwat tkarwat fuq l-isptar Mater Dei. X’x-ray ħaditlu madre natura lill-Isptar miskin! Issa sew! X’ħa nagħmel? Dħalt fir-riflessjoni. Bdejt naħsibha bis-serjetà x’ħa nagħmel. Tgħid immur s’Għawdex? Jew le? F’dak il-ħin il-biża’ fis inkesa miegħi. Bdejt nimmaġinani sejjer lejn il-kunvent imxarrab għasra!
It-toqol bdejt inħossu sewwa. Kollu santu ċajt! Jekk tkun tajt kelma li tkun ħa tagħmel xi ħaġa tagħmel minn kollox biex tagħmilha hux tassew! Inkella …? Imma x’ġara tabilħaqq? Ġara dak li qatt ma kont noħlom li se jiġri. Wieħed mill-ħbieb ta’ veru li għandi offrieli li jagħtini lift minn Mater Dei għaċ-Ċirkewwa. Għall-erwieħ jaħasra! Diġà l-istorja bdiet issa tieħu kulur ieħor!
Mhux hekk biss imma wkoll bdejt nitħaddet ftit mal-Gwardjan ħa nara kif ħa nibqgħu. Il-gwardjan, ta’ ġentlom li hu, ħeġġiġni biex nitla’. U, it-tħeġġiġa tiegħu, jiena ilqajtha b’qalb miftuħa! Anki jekk, fuq is-saqaf tas-sħab ta’ Mater Dei, ħlief griż u ilma nieżel ma bdejtx nara u nisma’!
Insomma. Il-ħin sar. U sar, eżattament, kif kont ftehimt mal-ħabib tiegħi. Ġie għalija fil-ħin stipulat u wasalt fil-ħin iċ-Ċirkewwa. Qbadt il-vapur u tlajt fuq. Kif intasabt bilqiegħda fuq bank niltaqa’ ma’ mara Għawdxija żgħażugħa. Qaltli li kienet LSA. Imbagħad, mat-taħdita ta’ bejnietna, stajt nagħmel il-kollegament. L-għaliex, f’dak il-ħin, il-vapur kien mimli għalliema u LSA’s telgħin lura lejn Għawdex. Kos hux! Mela kont imdawwar minn ħafna edukaturi! Tassew għandi l-għaliex inħossni ixxurtjat. U, f’dak il-ħin, fil-fond tal-fond ta’ qalbi, irringrazzjajt lill-Mulej!
Kelma iġġib lill-oħra u aqta’ kemm fraħt li tħadditt ma’ din il-persuna! Faħħrittli miegħi xi Patrijiet Franġiskani li tant kemm il-Mulej qed jużahom fix-xogħol tiegħu fil-gżira Għawdxija. Qaltli: “Meta jkun hemm dak it-tali Patri aqta’ kif timtela’ l-Knisja!” Kemm fraħt u irringrazzjajt lill-Mulej għalih meta smajt b’dan. Jiena nifraħ bil-ġid li jagħmel il-Mulej permezz ta’ ħaddieħor. U mela ngħir għal ħija Patri u nikkonġura minn taħt u bil-pulit kontrih biex nostakolalu xogħlu u nidher jien? U dan l-għaliex jien għajjur grass għall-kariżma li l-Mulej tah? Ejja inneħħu dawn l-iskandli li jagħmlu ħsara kbira u nħallu lil kulħadd jgħix il-kariżma personali li l-Mulej tah! Jekk ma rridux inġibu saħta fuqna mill-kbar nett bl-għira li nħallu tikwi fina kontra xulxin!
Intant. Ma nafx kif bdejna deħlin fil-port ta’ l-Imġarr t’Għawdex. X’ħin inżilna mill-ewwel sibt il-karozza tal-linja biex biha nibqa’ tiela’ lejn ir-Rabat. Bin-nies li kien hemm imnalla ħafift il-pass għax inkella kont nispiċċa bil-wieqfa l-vjaġġ kollu. X’ħin wasalna r-Rabat bdejt miexi lejn il-kunvent pittoresk tagħna l-Kapuċċini. Għalkemm ix-xita bdiet tqattar biss ma kinitx qed tqattar bil-goff tafux! Anzi! Kienet qed tqattar b’mod ġentili ħafna.
Inżilt bil-mod in-niżla. Jiena u nieżel waqfitni mara. Wara li kellmitni tlabt ftit magħha u rħejtilha bil-qajla l-qajla lejn il-Kunvent. X’ħin wasalt kont se nibqa’ dieħel ġewwa. Iżda xi ħaġa sejħittli u ġibditni fil-ġenb. Din is-sejħa ma kienet xejn għajr dik tal-Ispirtu s-Santu li, mexxieni lejn il-monument ta’ Patri Piju li hemm fin-naħa tal-lemin taz-zuntier tal-Knisja.
X’ħin mort ħdejn il-monument, ħa narah sewwa, intbaħt bit-tagħlim kbir li fih. Man-naħa t’isfel tiegħu kien hemm tlett kitbiet tassew sbieħ. Liema kitbiet issa nixtieq naqsamhom magħkom bil-ferħ. L-ewwel kitba, dik tan-naħa tal-lemin tal-monument u li tieħu għar-Rabat, tgħid hekk: Aktar mar-ruħ tkun togħġob l’Alla aktar tkun imġarrba. F’dak il-mument Patri Piju fakkarni f’San Franġisk, jiġifieri fuq dak il-qaddis li kelli nippriedka fuqu dakinnhar. Anki Franġisku għadda millejl mudlam. Speċjalment fil-lejl stess qabel ma irċieva l-pjagi mqaddsa mill-Mulej. Kemm ġrew ġrieden fuqu! Kemm kien mikgħud bil-mard! Imbagħad, Missierna Franġisku, kien qed iġorr tbatija enormi f’qalbu: dik li l-Patrijiet sħabu ma fehmuhx! (Għadhiex sallum din it-tbatija?) Kien għadu ħaj meta bdew jibnulu l-kunventi l-kbar. Fil-qalba tal-ibliet! X’turment kbir kien dan għalih! Hu li ried ħajja daqstant sempliċi u miftuħa għall-Ispirtu s-Santu!
Fettilli mbagħad nittawwal lejn il-kitba li tagħti lejn Marsalforn, mela dik tan-naħa tax-xellug tal-monument. U x’jgħid fiha Patri Piju? Min jibda’ biex iħobb għandu jkun lest biex ibati. Tfakkarnix għażiż ħija u ħabibi Patri Piju! Tfakkarnix! Din hija t-triq! Ma teżiżtix oħra! Anki Franġisku kellu jgħaddi minn dan il-proċess! Anki hu ta ġidu u r-rieda tiegħu lill-Mulej u lill-oħrajn biex jgħannaq ma’ qalbu lil Kristu Mislub fil-batut. L-imħabba li ħass lejn Kristu fuq is-Salib Franġisku biddielha f’servizz minn qalbu lejn il-morda. Magħhom, man-nies imġarrba u mkissra, Franġisku beda jitgħallem kif għandu jħobb tabilħaqq. Ejjew ma ninsewx li, l-għaliex tant ħabb lil ħutu l-Patrijiet, Franġisku spiċċa wkoll tant imweġġa’ minnhom. Kissruh! U kissruh u biċċruh l-għaliex ħabbhom!
Imbagħad, l-aħħar kitba li għandu dan il-monument sabiħ tal-Qaddis tal-Pjagi, hija dik li tagħti għan-Nadur u li tgħid hekk: Itlob, ittama, tinkwetax. Franġisku, daqskemm talab, sar hu stess talba ħajja! Dan biex ma nsemmiex il-frażijiet sbieħ li bihom kien iħobb jitlob. Bħal Mulej urini int x’għandi nagħmel. Imbagħad Franġisku kien dak li baqa’ jemmen fis-sejħa li kien għamillu l-Mulej Ġesù biex jibni l-Knisja tiegħu. U dan Franġisku għamlu f’ubbidjenza sħiħa lejn il-Papa. U, l-għaliex it-tama tiegħu fil-Mulej kienet kbira, minkejja t-tbatijiet li għadda minnhom, aktar u aktar meta ra xi Patrijiet qiegħdin jitbegħdu sewwa mill-idejal ta’ ħajja li ippreżentalhom, Franġisku xorta waħda baqa’ l-bniedem ferħan. Il-bniedem li baqa’ jemmen fil-paċi. Tant hu hekk li meta l-Isqof u l-Podestà kienu fi gwerra bejniethom Franġisku bgħatilhom il-Patrijiet tiegħu biex ikantawlhom, taħt it-tieqa ta’ kull wieħed minnhom, dik il-magħrufa frażi tal-Għanja tal-Ħlejjaq: Tkun imfaħħar, Mulejja, f’min lest jaħfer għal imħabbtek, u f’min iġarrab mard u tbatija. Ħienja dawk li jġarrbu kollox fis-sliem għax minnek, l-Aktar Għoli, ikunu inkurunati.
Imbagħad, l-inkurunazzjoni ta’ dan kollu għalija kienet il-merħba sabiħa li tawni l-Gwardjan, Patri Joe Buttiġieġ OFM Cap, u l-membri tal-fraternità t’Għawdex, jiġifieri Patri Philip Attard OFM Cap, Patri Remiġ Galea OFM Cap u Patri Spiru Galea OFM Cap. Flimkien man-nies li kellmuni b’dik l-umiltà tal-qalb. L-animazzjoni fil-kant matul il-quddiesa ta’ Mario Caruana kompliet issebbaħ iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Kos hux! Kulma irridu fil-ħajja hu ftit umiltà tal-qalb! Ħniena! Mogħdrija! Ma jimpurtax li bniedem ma jiġix kif nixtiequ jien li jiġi. Ħa nitlob għalih! Ħa nħallih jimxi kif il-Mulej iridu! Ejja ma nagħmillux ħsara! Ejja ma niġġudikahx! Ejja nħallih jikber! Ejja nsaħħaħ fih dak li hu tajjeb! U, tibżax, jaf jagħmel ħafna aktar ġid minn dak li jpasparli ħaddieħor fuqu! Kemm hi sabiħa li nifirħu bit-tajjeb ta’ xulxin! Din hija l-vera fraternità! Li nirgħu fil-Mulej! Kull wieħed skont triqtu. Anki jekk, ninzertaw, taħt saqaf wieħed!
Il-veru żiffa ħelwa Franġiskana!
Grazzi ta’ Dan Il-hsieb tal-jum. Sabih wisq!!
Grazzi Father.