Minn Fr Mario Attard OFM Cap

L-aħħar tentufiet qabel il-Milied


Ninsabu fl-aħħar tal-aħħar qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Milied. Qabel il-Festa tal-Festi. Kif kien iħobb isejjaħ il-Milied Missierna San Franġisk t’Assisi.

Il-Festa tal-Festi! X’terminu dak! X’laqam speċjali għall-Milied! U bir-raġun ħbieb! L-għaliex il-Mulej, Alla li jista’ kollox, se jsir Alla magħna! Wieħed minnha! Dan il-fatt tant jagħmilli kuraġġ! F’dinja u f’soċjetà fejn tant għandna sfidi x’inħabbtu wiċċna magħhom! Biss, dan il-fatt waħdu, jiġifieri li Alla sar bniedem, tant jagħmlilna tajjeb!

Ħarsa lejn l-Għar ta’ Betlehem naraw il-ħlewwa tat-tarbija. Dik il-ħlewwa innoċenti. Ħlewwa li ma twassalx biex tisseduċi. Imma ħlewwa li twassal għall-ferħ tal-qalb. Dak il-ferħ li bih biss nistgħu nkunu maħbubin. U bih biss nistgħu nħobbu lura. Ħbieb, fost il-ħafna ġenn li għandna bħalissa, fl-aħħar tentufiet qabel niċċelebraw il-Milied, x’qegħdin nagħmlu biex inħallu din il-ħlewwa issaltan fostna? U le! Ma rridux ħafna jaħasra! Imqar dik it-tbissima! Li ma tiswa xejn! Tbissima li, lil dak li jkun, tgħaddilu messaġġ mill-isbaħ. Sieħbi, int għandek valur! Tiswa! U tiswa, l-ewwel u qabel kollox, għal dak li int. Għax int bniedem u bniedma bħali! Issemmieha biss wkoll jaqbdek il-bard! Mela aħseb u ara jekk tgħixha!

Imbagħad, żmien il-Milied, ifakkarni fil-ferħ tad-dinja tat-tfal! It-tfal jgħallmuna ħafna. L-għaliex, u b’ħafna sempliċità, imorru għal dak li hu essenzjali. It-tfal ma jħabblux moħħhom jekk għandhom bżonn jibku xi bikja. Inkella jgħajtu xi għajta ta’ ferħ. It-tfal tfal! Dak li hemm fihom juruhulek. Mhux biex jiġbdu l-attenzjoni. Iżda biex ikunu dak li huma. Oh! Mhux li kien li dan il-Milied jagħmilna aktar dak li aħna! Mingħajr ħafna xinxilli. U ħafna tqaħqieħ fil-vojt. Le ħi! Dan il-Milied irridu jagħmillni aktar persuna li taf tgħix. Għax, fl-aħħar, iddeċidejt li nitgħallem nħobb. Mhux biss. Imma, u din hija importantissa, l-għaliex fl-aħħar iddeċidejt li nħalli lil min iħobbni. L-istess bħat-tarbija ta’ Betlehem li ma ħabblet rasha xejn li tiddependi fuq l-għajnuna ta’ ħaddieħor.

Bħalissa hawn ġenn sħiħ biex nixtru r-rigali. Mela suq! Ġerri! Ħa nilħqu! Li ma jmurx tispiċċa l-offerta. Bil-mod ħabib! Ejja qabel xejn nifhem xi ħaġa importanti: ir-rigal m’għandix għalfejn nixtrieh. L-għaliex m’għandix inkun jien ir-rigal għalik? Bħalma int rigal għalija? L-għaliex m’għandix insib il-ħin li nieħu gost noqgħod mal-oħrajn? Speċjalment ma’ min hu waħdu? Jew waħedha? Li nkun viċin ma’ min il-ħajja tagħtu fuq li tagħtu bil-ħarta? Taħseb int li dan mhux l-isbaħ u l-aqwa rigal? Mhux ħafna aħjar mit-tibdila tal-ħwejjeġ jew l-għoti ta’ xi gadget elettroniku? X’hemm isbaħ milli minn dan il-Milied ‘il quddiem nibda’ inkun jien it-tibdila għas-sewwa fil-ħajja ta’ ħaddieħor? Nibda’ inkun jien li nikkomunika l-imħabba vera tal-qalb?

Fl-aħħar tentufiet qabel il-Milied qed nintebaħ li d-dinja kummerċjali qed tgħinni wkoll inkun kummerċjali f’ruħi. Qed tgħinni ħa neħfief mit-toqol li nġorr fija minħabba dnubieti. U mela qrara tajba tagħmilli tajjeb għal dan il-Milied! U, bħalma jsir fid-dinja tal-kummerċ, ejja ninvesti kemm niflaħ f’affarijiet li jagħmluli ħafna ġid. L-aktar fit-talb, fis-smiegħ tal-quddies u fl-għemejjel ta’ mħabba lejn il-proxxmu.

Issa ħa nkompli l-għaliex fadalli nixtri l-aħħar rigali. Iżda, f’każ li ma nilħaqx, xorta waħda se niċċelebra Milied sabiħ din is-sena. L-għaliex, għal darba, ħsibt fl-aktar ħwejjeġ importanti għal ħajjitna.

Il-Milied it-Tajjeb!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s