Ir-rejaltà tal-Milied


Il-Milied! It-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu! Id-dawl li għeleb lid-dlam! Il-ħajja li daħlet biex lill-mewt tibdilha f’ħajja eterna! Il-Milied! Il-ferħ! It-tama! Il-fidwa!

Huma dawn is-sentimenti li jiġu f’qalbi għal dan il-Milied tas-sena 2017. Milied fejn, aktar minn kull Milied ieħor, hawn bżonnu. Ħa jagħti l-ħajja, it-tama u, fuq kollox, dak il-kuraġġ li int u jien tant għandna bżonn f’ħajjitna. L-għaliex minn minna m’għandux bżonn dik il-qawwa li hemm moħbija fis-Solennità tal-Milied? Dik il-qawwa li, nkunu fejn inkunu, qiegħdin fejn qiegħdin, xorta waħda nħossuha tħaddanna magħha? Ħa timliena bl-imħabba? Ħa issalvana?

Il-Milied huwa ferm aktar mill-għoti tar-rigal u tal-ikliet li norganizzaw f’dawn il-jiem. Il-Milied huwa ħafna aktar minn dak id-drink b’xi naqra cake kollu icing sugar li nieklu flimkien biex niċċelebraw dawn iż-żminijiet sbieħ iżda li jgħibu daqs leħħa ta’ berqa fin-nisġa tal-ħajja. L-ewwel nett, kif jgħidilna tant tajjeb San Beda l-Venerabbli, il-Milied huwa Kristu stess! Jgħidilna San Beda: “Kristu huwa l-Kewkba ta’ Filgħodu, li meta illejl ta’ din l-art jgħaddi, jagħti lill-qaddisin tiegħu l-wegħda tad-dawl tal-ħajja, u jiftaħ il-jum bla tmiem”.

Imma x’wegħda hi li fuqha qed jitħaddet San Beda l-Venerabbli? X’dawl tal-ħajja hu li qed jitħaddet fuqu? Aħna nafu li l-ħajja tallum, minkejja l-kumditajiet tagħna, fiha jeżiżti madwarna u ġewwa fina d-dlam. Jeżiżti l-vojt li hu mimli tbatija. L-għaliex, u b’qasma ta’ qalb, fis-soċjetà tagħna hemm l-egoiżmu u l-egoċentriżmu. Saħansitra anki fil-Knisja, fil-familji u fil-komunitajiet reliġjużi tagħna hemm l’alla falz tal-jien!

Kemm tabilħaqq jolqotni dak li tħaddet dwaru Papa Franġisku fl-omelija li niseġ nhar is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2016 fil-Quddiesa tallejl tal-Milied fil-Kappella Papali fil-Bażilika tal-Vatikan:

“Inħallu t-Tarbija fil-maxtura tisfidana, imma nħallu wkoll jisfidawna lit-trabi li, illum, mhumiex imqiegħda f’benniena u mżiegħla mill-imħabba ta’ omm u ta’ missier, imma huma mitluqa fil-‘maxturi ta’ dinjità’: fil-kenn taħt l-art biex jiskampaw il-bumbardamenti, fuq il-bankina ta’ xi belt kbira, f’qiegħ xi dgħajsa mgħobbija bl-immigranti. Inħallu jisfidawna t-trabi li mank jitħallew jitwieldu, dawk li qed jibku għax m’hemm ħadd li jitma’ l-ġuħ tagħhom, dawk li f’idejhom mhux ġugarelli għandhom, imma armi.

Il-misteru tal-Milied, li hu dawl u ferħ, jisfida u jheżżeż, għax hu fl-istess waqt misteru ta’ tama u ta’ niket. Miegħu jġib togħma ta’ niket, għax l-imħabba mhix milqugħa, il-ħajja hi mormija. Hekk ġralhom Ġużeppi u Marija, li sabu l-bibien magħluqa f’wiċċhom u kellhom iqiegħdu lil Ġesù f’maxtura, ‘għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda’ (v. 7). Ġesù jitwieled miċħud minn xi wħud u fl-indifferenza ta’ ħafna iżjed. Anki llum jista’ jkun hemm l-istess indifferenza, meta l-Milied isir festa fejn il-protagonisti huma aħna, minflok Hu; meta d-dwal tal-kummerċ jixħtu fid-dell id-dawl ta’ Alla; meta nitħabtu bla nifs għar-rigali u nibqgħu ma nħossux għal min hu mwarrab. Din il-mondanità qed iżżomm lill-Milied ostaġġ: jeħtieġ neħilsuh!”

Iżda fejn hi t-tama għalik u għalija li qiegħdin ngħixu f’din is-soċjetà li għandha bżonn kbir tal-fidwa? Kemm farraġni ħbieb il-ħsieb ta’ Santa Tereża ta’ Calcutta dwar il-Milied. Hija qalet: “Huwa l-Milied kull darba li tħalli lill-Mulej jħobb lill-oħrajn permezz tiegħek”. L-imħabba tal-proxxmu tagħtina l-aċċess għar-rejaltà tassew tal-Milied. Jiġifieri l-ħniena tal-Missier lejk u lejja li ma felaħx jarana mkeċċijin mill-ħajja tal-grazzja u mill-barka li ġabu fuqna l-ewlenin ġenituri tagħna iżda nieżel apposta Hu, mis-sema, ħa jagħtina l-istess ħajja tiegħu. Hekk jgħidilna Ġesù fil-vanġelu skont San Ġwann: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat” (Ġw 3:16-18).

Min jemmen f’Ġesù għandu l-qawwa li jkun hu jew hi l-Milied! Jiġifieri li jkun hu jew hi l-mezz biex l-imħabba u s-solidarjetà ta’ Ġesù magħna jkunu fostna. Jinħassu. U jġibu l-bidla li hemm bżonn iġibu fl-imħuħ, fl-attitudnijiet, fil-qlub u fl-għemejjel tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Fl-omelija li kien għamel fil-Quddiesa ta’ Nofs illejl ta’ nhar it-twelid tal-Mulej Ġesù, nhar il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2015, fil-Bażilika tal-Vatikan, Papa Franġisku kien qal hekk:

“F’soċjetà spiss xurbana bil-konsum u l-pjaċir, l-abbundanza u l-lussu, id-dehra ta’ barra u n-narċisiżmu, Hu jsejħilna għal imġiba fir-rażan, jiġifieri sempliċi, ibbilanċjata, koerenti, kapaċi tifhem u tgħix l-essenzjal. F’dinja li ħafna drabi hi iebsa mal-midneb u ratba mad-dnub, hemm bżonn inrawmu sens qawwi tal-ġustizzja, fejn infittxu u nqiegħdu fil-prattika r-rieda ta’Alla. F’kultura ta’ l-indifferenza, li mhux darba jew tnejn tispiċċa tkun qalbha ħażina u kiefra, l-istil ta’ ħajjitna għandu jkun mimli bit-tjieba, bl-empatija, bil-kompassjoni, bil-ħniena, waqt li ta’ kuljum jixrob mill-għajn tat-talb.

Kif ġralhom ir-ragħajja ta’ Betlehem, ħalli għajnejna wkoll jimtlew bl-għoġba, u nikkontemplaw f’Ġesù Tarbija lill-Iben ta’ Alla. U, quddiemu, ħa tnixxi minn qlubna t-talba: ‘Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina’ (Salm 85:8)”.

F’dan il-Milied, int u jien msejħa ninżlu fil-fond tat-tifsira vera tal-Milied. Dik it-tifsira li tfisser sempliċità, ħniena, kompassjoni, ġustizzja, sabar, għarfien, għaqal u aktar talb fil-familji u l-komunitajiet reliġjużi tagħna u bejnietna. Sabiħa meta nawguraw lil xulxin il-Milied it-Tajjeb. Jalla dan ifisser li nħallu qlubna miftuħa għal xulxin is-sena kollha. Sabiħa wkoll li nixtiequ lil xulxin li fi qlubna nibqgħu nagħrfu x’għandu jkun il-Milied tassew. Biss jekk ma niċċeknux għal xulxin għall-ġid ta’ xulxin din il-barka se tibqa’ xi ħaġa individwali, egoista u li tmut.

B’dan kollu minix nifhem li għadna nġagħlu jew li nibbumbardjaw lil dak li jkun jew li ndaħħluh f’xi kumpless ta’ ħtija biex jagħmel dan kollu bilfors. Dan mhux Ġesù. Dan ħażen gwapp. Iżda, u għall-kuntrarju, għandna iva nistiednu bil-ħlewwa u li nħallu dejjem fil-libertà sħiħa lil dak li jkun biex jagħmel l-għażliet tiegħu hu għalih innifsu. Issa dan jgħodd għal kulħadd. Kien għalhekk li Ġesù qal: “Jekk xi ħadd IRID jiġi warajja” (Mt 16:24).

Kemm hu sabiħ dak li jgħidilna San Irinew: “Minħabba l-imħabba infinita tiegħu Ġesù sar dak li aħna ħalli jagħmilna dak li hu”. La dan hu l-każ huwa f’dan l-ispirtu ta’ ferħ, libertà u grazzja li nistiednek tagħmel qrara sabiħa u sinċiera f’dan il-Milied ħalli l-ferħ ta’ Ġesù jidħol fik. Bħalma, fuq kollox, se nagħmel jiena wkoll.

Ma ninsewx x’ħeġġiġna Papa Franġisku fl-Udjenza tad-19 ta’ Frar 2014: “Niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jfisser li nħallu ddawwarna tgħanniqa kollha mħabba: hi t-tgħanniqa tal-ħniena bla tarf tal-Missier… U jien ngħidilkom: kull darba li aħna mmorru nqerru, Alla jgħannaqna miegħu, Alla jagħmlilna festa! Ejjew nimxu f’din it-triq”.

Il-festa tal-Milied hija festa. Imma tista’ tkun għalija l-Festa tal-festi jekk inqerr għax nesperjenza mill-ġdid f’ħajti t-tgħanniqa tal-Missier. Imbagħad, il-Milied, tassew isir għalija rejaltà f’ħajti!

Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.