Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Rigal speċjali għall-Milied

Rigal speċjali għall-Milied


Kont għaddej miexi f’waħda mill-jiem maratoni tiegħi fl-Isptar Mater Dei. Imħabbet il-Mulej Ġesù għall-marid ġagħlitni ndur mal-ħames kontinenti u mal-erbat irjieħ ta’ dan l-isptar ġigantesk.

Bħalissa f’Mater Dei għaddejja kampanja kbira ta’ solidarjetà b’risq il-Malta Community Chest Fund. Xi grazzja tgħin lill-batut! Prosit lil kulħadd! Prosit ukoll tat-tiżjin mill-isbaħ tal-presepju, tas-siġra tal-Milied flimkien ma’ tant dekorazzjonijiet oħra li hemm. Almenu jien, meta narahom, aqta’ kif itellgħuli l-moral ‘il fuq! Għax meta tkun taħdem fl-istiva tal-vapur tispiċċa tapprezza kollox. U ma tantx ikollok ċans li tintilef xi gosti sbieħ u raffinati! Jekk dejjem joffrulek. Veru ħi?

Mela, f’daqqa waħda, jinqala’ dan ir-raġel. Ngħidilkom is-sew kull darba li narah qalbi tassew tifraħ u titfarraġ. L-għaliex dan hu raġel fuq l-irġiel. Raġel umli. Mhux pretensiv. Imma tal-affari tiegħu. Għax iħoss u jħobb tassew. Mingħajr ħafna paroli fil-vojt. X’ħin rani qalli: “Patri! Illum ħa ngħallmek ħaġa!” X’ħin smajtu jgħidli hekk aqta’ x’par widnejn ftaħt! Għalkemm il-Mulej jagħtini grazzja li naħdem sakemm letteralment insir demel bl-għejja imma tassew li nħobb nitgħallem. Għax it-tagħlim, bħalma kien jgħid tajjeb San Ġorġ Preca, hu l-għajn ta’ kull ġid. Għalhekk, u mill-ewwel, ħtaft l-okkażjoni u għedtlu: “Iva sieħbi! Għallimni xi ħaġa jekk jogħġbok?”

“Ara Patri!” qalli. “Immaġina li għandi tazza mimlija ilma u żejt. Issa jien irrid inneħħi ż-żejt minnha. X’jaqbilli nagħmel? Inneħħi ż-żejt u nżid l-ilma jew inkella inżid l-ilma u nneħħi ż-żejt?” Bejn l-għejja u anki t-taħbila tal-moħħ għall-ewwel ma stajtx nikkonċentra sewwa fuq dak li staqsieni. Iżda mbagħad, meta tlabtu jerġa’ jfakkarni x’kien tassew li qalli, weġibtu: “Naħseb aħjar it-tieni għażla. Iżżid l-ilma u tneħħi ż-żejt”. “Hekk hu Patri!”, weġibni minnufih. “L-għaliex meta iżżid l-ilma ż-żejt jitla’ fil-wiċċ u jkun faċli ħafna għalik li tneħħieh”.

X’tagħlima kbira hi qalb it-tiżjin tal-presepju, tas-siġra tal-Milied u tad-dekorazzjonijiet l-oħra f’Mater Dei ħej! Fil-ħajja, biex il-ħażen fina inneħħuħ, irrid nagħmlu u nagħmlu t-tajjeb. L-ilma fakkarni fl-Ispirtu s-Santu. Almenu Ġesù, fil-vanġelu skont San Ġwann, miegħu ixebbħu! Fil-ħajja irridu ngħixu b’għaqal kbir. Aktar ma nħobb lill-proxxmu aktar ċertu ħażen fija se jonqos. U bir-raġun! L-għaliex ħin biex nagħmel il-ħażin ma jibqagħlhiex!

X’kelma ta’ kuraġġ hi din għal min qed jaqta’ qalbu li għad jara xi bidliet f’ħajtu! U f’ħajjitha! Le ħi! X’taqta’ qalbek taqta’ qalbek! Int issokta ħalli lill-Mulej jagħmel il-ġid bik! U tara kif ħajtek taraha miexja ‘il quddiem. Tara kif il-glorja tal-Mulej taħkmek. Tara kif tara iseħħ ħafna u ħafna ġid f’ħajtek u f’ħajjet ħaddieħor ukoll permezz tal-qalb miftuħa tiegħek!

Meta noqgħod inħares fis-skiet lejn il-presepju mhux dan hu li ninnota? X’għamel Ġesù biex isalvana? Żgur li ma qagħadx imxaħxaħ imxaħxaħ fuq it-Tron tiegħu fis-sema biex jgħidilna x’għandna nagħmlu u x’m’għandniex nagħmlu. Lanqas ma qatt iħaqqaqha magħna minn fuq xi pulptu kollu sħab, qisu bħal dawk tar-riklam tal-kafè. U, wisq anqas ma qagħad ixxamplat fuq is-seat ta’ wara tal-karozza lussuża jordna, eżattament bħalma hemm fir-riklam ta’ dik iċ-ċikkulata li, bħalissa, qed titqassam bil-kaxxex bir-rimi. (U ma niskantax li waqt li qed taqra dawn il-ħsibijiet għandek xi kaxxa minnhom ħdejk! Għax aqta’ kemm huma handy dawn iċ-ċikkulati waqt il-qari tal-gazzetta!).

Le! Le! U le ħbieb! Niżel fostna. Sar wieħed minnha. Twieled. Bħalma twelidt int u jien. Hu, li hu t-tjubija, qagħad magħna. Li faċli, u daqs tazza ilma, li niċċapsu. Imma ma qgħadtx le jiddritta tafux. Jew iberraq. U le! Sar ħelu tarbija! Ara kemm hu ħelu! Tista’ tmissu! Tgħannqu miegħek! Tista’ tħoss it-tgħanniqa tiegħu! Ismagħha l-bikja tiegħu! Kemm hi ħelwa! Ara xufftejh, żgħar żgħar! Kemm huma ħelwin! U dawk għajnejh miftuħa! Lesti biex iħobbu lil kulħadd!

L-imħabba. Il-magħrufa kelma. Li, l-aktar li jiżolqu fiha mhux id-dgħajfin imma min jaħseb li hu qaddis. Għax jaf ifendi kelma bil-kliem jew bil-kitba. L-imħabba. Li l-aktar li jħobbu mhux dawk li jkunu fil-postijiet ta’ quddiem fil-knejjes u fuq l-artali imma min joqgħod kwiet u kwieta fuq il-bankijiet ta’ wara. L-għaliex jafu li ma jistħoqqilhomx.

Intom nies umli, intom li jgħix fikom il-veru Ġesù, oħorġu u għallmuna mħabbtu. Intom li ssibkom fil-bżonn għallmuna, bħalkom, inħallu lil Ġesù ikabbar fina l-ilma tal-Ispirtu s-Santu tal-ħniena, tal-mogħdrija u tal-maħfra. U hekk, il-ħażen jinten is-seba’ pesti ta’ ġo fina, jibda’ jinbeżaq ‘il barra bħalma jinbeżaq il-ħażen taż-żejt fit-tazza.

X’rigal sabiħ sieħbi tajtni għal dan il-Milied! Liema rigal qed ngħaddih lilek! Li nixtieqek tkun aħjar minni bil-qabda! Li tkun qaddis! U qaddisa ta’ veru!

Il-Milied it-Tajjeb!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: