L-Evanġelju tal-Ħamis, 28 ta’ Diċembru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 2: 13-18

Jista’ jkun hawn min jgħid li dat-tifel, sa minn qabel twelidu, ħlief saram ma qalax. Sa mit-tnissil tiegħu, ġewwa Nazaret beda bil-problemi u bit-tensjoni; hekk jidher minn dak li jirrakutawlna l-evanġelisti.

Iżda huwa dan it-tifel li jaqla tassew l-inkwiet u l-problemi! Jew hija r-rejazzjoni ta’ min sema’ bih jew iltaqa’ miegħu li kkawżat, saħansitra l-qtil ta’ trabi, uħud minnhom diġa telqu jimxu u bdew jitkellmu! Meta r-rejazzjoni tal-bnedmin li ltaqaw miegħu jew semgħu bih, minn tensjoni u nkwiet tinbidel fl-għarfien tal-imħabba ta’ Alla u għarfien tal-ġenerożità abbundandti u providenzjali fir-rieda tiegħu, issir mument ta’ grazzja, issir il-miraklu li jibdel il-ħajja ta’ bnedmin għall-aħjar, anzi għall-aqwa ġid.

Ir-rejazzjoni ta’ Ġużeppi, li San Mattew tant idawwar dawn il-ġrajja miegħu, hija ta’ biża’ u konfużjoni li ġejja minnha, iżda il-lejaltà u l-fedeltà tiegħu, imqanqlin ukoll mill-imħabba li hu kellu lejn Marija; iżda hija wkoll rejazzjoni li tinbidel f’fiduċja u determinazzjoni. Hu jagħarf il-ħsieb ta’ Alla anke fil-ħolm u d-determinazzjoni mqanqla mill-imħabba twasslu biex jaqbad u jagħmel dak li Alla jurih. Hemm urġenza fis-sejħa u Ġużeppi juri l-istess urġenza fil-għemil; mhux biess iwieġeb u jaġixxi, iżd ajwieġeb u jaġixxi minnufih.

Għall-kuntrarju tiegħu, raġel ieħor, li hu stess kellu l-ulied, jiibdel ir-rejazzjoni tieugħu ta’ biża’ u konfużjoni fl-għarfien ta’ theddida minn tarbija, għarfien li werwru, itterrorizzah. F’daqxejn ta’ tarbija ra l-ikbar għadu li ħaseb se jħarbatlu ħajtu u jċaqilqu minn fuq it-tron setgħani tiegħu. It-tweġiba hija distruzzjoni, qtil, ħerba f’familji, niket u mewt. It-tarbija kkawżatu dan jew il-mod kif irrejaġixxa għal dik it-tarbija is-Sultan Erodi!

L-istampa hija ċara ħafna għax ir-rakkont ma jaħbi xejn. Il-vjolenza taqbeż ’il barra mill-paġni miktuba u twerżaq f’widnejna, il-qtil ta’ dawn it-trabi iwaqqa dlam kbir fejn darba idda d-dawl f’nofs ta’ lejl. Il-bniedem għandu ħila kbira biex fejn hemm il-ħajja jiżra’ l-mewt u jgħix ġo fiha daqs li kieku kull qtil ta’ min jidher li qed ifixkel il-ħajja ta’ ħaddieħor huwa ġustifikat u mistħoqq. Kull min hu ħażin ifittex id-dlam biex għemilu ma jidhirx: id-dlam tal-gidba, id-dlam tat-tgħawwiġ tal-fatti, tal-informazzjoni falza intenzjonata, tal-argumenti mqanqlin minn interessi egoċentriċi li jippreżentaw it-tgħaffiġ ta’ bnedmin oħra bħala ġustifikazzjoni razzjonali għall-eżistenza komda u irresponsabbli ta’ min jagħmilhom.

Ġesù jistqarr li hu l-verità. Iżda l-verità li hi hu, mhux biss mhix imlibbsa bix-xinxilli u l-aċċessorji li jiġbdu l-għajn, talli hija ċara u tonda, l-iswed tgħidlu iswed u l-abjad tgħidlu abjad, it-tajjeb tistqarru b’tajjeb u l-istess il-ħażin. Allura taqla’ l-inkwiet?, tipprovoka l-gwerer?, tqanqal il-mibgħeda u l-firda? Min jagħmel din l-akkuża jitfa’ l-ġebla u jaħbi idu billi jiġġustifika ħsiebu bit-tħeġġiġ għall-kompassjoni, bil-ġustifikazzjoni taż-żmien li jgħaddi u m’għadux li kien, bis-silidarejtà falza li m’hi xejn ħlief kompliċità fl-intenzjoni u mbuttatura soda minn fuq l-irdum tas-suwiċidju soċjali.

Il-verità tiba dik li hi, għax Ġesù jibqa dak li hu. F’elfejn sena storja, ir-rejazzjonijiet tal-bnedmin għalih kienu differenti għall-aħħar, iżda fl-aħħar mill-aħħar jew tagħrfu, tilqgħu u taċċettah, jew tagħrfu, tobgħodu u tara kif tagħmel biex issikktu jew teqirdu.

Erodi wkoll illum għadu jibża u jitwerwer wiċċ’imb’wiċċ ma’ dik it-tarbija verità u għadu jftittex sallum, li bi vjolenza kbira, għalkemm kultant fina u moħbija, jeqrdiha. Iżda llum ukoll hem Ġużeppi li jagħraf il-kelma li tasallu, anke fil-ħolm, iqum u jaqbad lit-tifel u lil ommu u jmur x’imkien ieħor.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

One thought on “L-Evanġelju tal-Ħamis, 28 ta’ Diċembru 2017”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading