Fi tmiem ta’ sena oħra


Il-magħrufa supermodel Brażiljana, Gisele Caroline Bündchen, qalet hekk: “Għalija t-tmiem ta’ sena huwa dejjem żmien biex nirrifletti u niċċarġja l-enerġiji tiegħi”. 

Naħseb li m’hemmx bżonn tkun supermodel biex dan il-ħsieb jiġi fik. Veru? Kulħadd iħoss il-ħtieġa li għandu jirrifletti u jiċċarġja l-enerġiji tiegħu. L-aktar f’soċjetà, fejn, il-ħin kollu, qed toffrilna tant u tant sfidi biex inħabbtu wiċċna magħhom. Ngħiduha kif inhi: mhux faċli li tgħix illum.

Is-sena li għaddiet poġġitilna quddiem għajnejna sfida tassew kbira: meta u x’se nagħmlu biex minn pajjiżna nibdew inneħħu l-mibegħda. Il-mibegħda li turi ruħna kif nitħaddtu u niktbu fuq xulxin. Il-mibgħeda li persuna tinqatel hekk, kiesaħ u bieraħ, u bl-aktar mod orribbli u tal-waħx, waqt li kienet qed tagħmel xogħolha. Il-mibegħda kif niktbu, nitħaddtu u nġibu ruħna ma’ xulxin. Il-mibegħda li nkissru l-fama ta’ xulxin u nġibu l-personalità ta’ dak jew dik li jkun u li tkun biċċiet.

Is-sena li għaddiet reġgħet urietna għal darb’oħra li, fuq dan il-livell, għadna lura u lura ħafna. Għadna żorri ma’ xulxin fejn xi ħadd ma jaqbilx mal-ieħor. Għadna arroganti fil-mod ta’ kif nirrelataw bejnietna. U dan l-għaliex? L-għaliex m’aħniex nemmnu le li aħna tabilħaqq familja. Familja nazzjonali li tmur lil hinn minn dak li jaqbel lili u lill-klikka ta’ madwari. M’aħniex le nemmnu li, int u jien, aħna veri aħwa. Qegħdin, ħelu ħelu, niżżerżqu f’dak li kien iħobb jgħid u li baqa’ magħruf ħafna għalih Jean Paul Sartre: “L-ieħor hu l-infern”. Din it-teorija ma tagħmilx sens aktar. Qed tmarradna u tmarrad lil uliedna. Din il-mentalità żbaljata qed tikkankrana tabilħaqq.

Dan l-aħħar kelli l-grazzja li waħda miz-zijiet tiegħi tatni ktieb tassew sabiħ u li bħalissa jagħmel parti mill-mobilja tal-komodina li għandi ħdejn rasi, f’kamarti tal-kunvent. Il-ktieb m’huwa ta’ ħadd għajr tal-magħrufa Chiara Lubich. It-titlu tiegħu diġà jgħid ħafna u ħafna. L-arti tal-imħabba. Sewwasew f’paġna 18 ta’ dan il-ktieb interessanti ħafna u li nissuġġerilkom li takkwistaw kopja fuqu Lubich tagħmel riflessjoni mill-isbaħ dwar L-ewwel kwalità tal-imħabba. Il-punt tat-tluq tagħha ta’ din ir-riflessjoni hija l-kelma ta’ Ġesù stess li, fil-ktieb, hija misjuba f’paġna 17: “Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mt 5:44-45).

Bħala riflessjoni għal dan il-passaġġ tant qawwi iżda huwa meħtieġ ferm fis-soċjetà tagħna Chiara Lubich tikteb hekk: “L-ewwel kwalità tal-imħabba nisranija hija li tħobb lil kulħadd. Din l-arti tal-imħabba trid li aħna, kif jagħmel Alla, inħobbu lil kulħadd, inkun min ikun. Ma tridx toqgħod tagħżel bejn min hu simpatiku jew antipatiku, xiħ jew żgħażugħ, minn pajjiżek jew barrani, abjad, iswed jew isfar, Ewropew jew Amerikan, Afrikan jew Asjatiku, Nisrani jew Lhudi, Musulman jew Induista … Jew nużaw lingwaġġ li mdorrijin nużaw illum, nistgħu ngħidu li l-imħabba ma tagħraf ‘l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni’”.

Sabiħa din! U ilkoll nafu bl-importanza tagħha! Ilkoll nafu wkoll bl-isfida li toffrilna. L-aktar fejn hemm weġgħat kbar u fondi bejnietna. Weġgħat li jikkankraw lill-istat, lill-Knisja u lis-soċjetà. Weġgħat li, jekk ma nieħdux ħsiebhom, mhux ħa jħalluna qatt inħarsu ‘l fuq ħa naraw ‘il bogħod minn imneħirna. Weġgħat li jdaħħluna fi sqaq u jħalluna hemm. Iħalluna taħt il-ħakma qerrieda tal-uġiegħ aħrax tagħhom.
Hija faċli tgħidha imma iebsa li twettaqha. Imma, jekk irridu wkoll nieqfu fuq saqajna u ngħidu li għandna pajjiż tassew progressiv, irridu naħfru. U naħfru bil-qalb. Irridu nifhmu ilkoll li l-vendetta mhu ħa twassalna imkien. Il-vendetta se tagħmilna aktar skajvi tal-weġgħat kbar li nġorru ġewwa fina. Il-vendetta tagħlqina u twebbsilna aktar qlubna. Il-vendetta tneħħilna d-dinjità tagħna ta’ bnedmin. Mela x’hemm bżonn?

F’paġna 21 Chiara Lubich titħaddet fuq xi ħaġa tabilħaqq importanti. Hi tagħtiha dan it-titlu: Niftħu qalbna beraħ. F’din il-paġna Chiara tikteb hekk: “Jeħtieġ niftħu qalbna beraħ, negħlbu kull tfixkil u niżirgħu f’qalbna l-imħabba għal ħutna l-bnedmin kollha: jien ngħix għal ħuti l-bnedmin kollha! Jekk aħna ilkoll aħwa ta’ xulxin, jeħtieġ li nħobbu ‘l kulħadd. Hemm bżonn li nħobbu ‘l kulħadd. Tidher ħaġa żgħira. Imma ġġib bilda mill-qigħ”.

Hemm hi Chiara! Tgħidilna li jeħtieġ niftħu qalbna beraħ u negħlbu kull tfixkil. Sintendi biex niżirgħu f’qalbna l-imħabba għal ħutna l-bnedmin. L-għaliex l-imħabba ma taqax mill-ajru. L-imħabba hija grazzja tal-Mulej li jagħti lili u lilek f’qalbna. Għalhekk irridu niftħu qalbna għaliha. L-imħabba vera hija mentalità. Mod ta’ kif wieħed jara l-affarijiet. L-imħabba iġġib magħha wkoll l-element ta’ ħarsien minn dak kollu li jista’ joqtolha. Minn dak kollu li jagħmilha fertili. L-imħabba tinżera’ fil-qalb. Ħalli hemm tagħmel ħafna u ħafna frott.

U xi ġmiel meta din l-imħabba titlaħħam fil-liġijiet tagħna, fl-istituzzjonijiet tagħna, fil-mod ta’ kif nagħmlu l-kummerċ, fil-mod ta’ kif ngħixu ma’ xulxin! Xi ġmiel meta din l-imħabba tieħu postha fil-mod kif nitħaddtu flimkien, ma’ xulxin, wiċċ ma’ wiċċ. Inkella meta nitħaddtu fuq is-social media. U, minflok dawn isiru tejatri ta’ tnassis, mibegħda, gideb u insulti jsiru mezzi ta’ kif aħna aktar ningħaqdu flimkien u bejnietna. Ħalli, bħala familja, inneħħu dak li mhux sejjer sew u jittraġna iva dak li għandu jittranġa. L-għaliex, il-familja trid! Trid l-imħabba. U imħabba bl-abbundanza.

Għalhekk, kif tgħidilna Chiara f’paġna 23 tal-ktieb tagħha, ejjew ngħidu Le għall-ġudizzju! Bħala nsara, aħna msejħa nagħtu sehma biex isseħħ l-‘ut omnes’ (li nkunu ilkoll ħaġa waħda). Għalhekk, qabel kollox, irridu nqawwu l-fidi fina li kull bniedem hu msejjaħ għall-unità, għax Alla jħobb lil kulħadd. Mela ma noqgħodux inġibu skużi: ‘Dak qatt ma jista’ jifhem’; ‘dak żgħir wisq biex jifhem’; ‘dak jiġi minni u jiena nafu tajjeb’, marbut wisq mal-affarijiet ta’ din l-art; ‘dak jemmen fl-ispiritiżmu’; ‘dak għandu fidi oħra’; ‘dak xiħ wisq biex jinbidel’ … Le: m’għandniex nagħmlu dawn il-ġudizzji. Alla lil kulħadd iħobb, lil kulħadd jistenna”.

Huwa b’dan il-ħsieb li nixtieq nagħlaq dawn il-ftit riflessjonijiet għal din is-sena 2017. Iva. Alla lil kulħadd iħobb, lil kulħadd jistenna. U jibqa iħobb daqkemm jistenna. U, daqstant ieħor, jibqa’ jistenna daqskemm iħobb. Forsi, għalik u għalija, l-għaliex bnedmin u, bħalma dejjem jiġrilna, jafu nkunu priġunieri ta’ dak li nkunu batejna fil-ħajja, dan mhux possibbli. Għax moħħna u qalbna, limitati kif inhuma, hekk jgħidulna. Biss ir-rejaltà hija ferm usa’ minn hekk.

Għalhekk, fl-aħħar jum tas-sema, ejjew nagħmlu tagħna l-aħħar frażi li nkantaw fit-Te Deum. Din il-frażi li mhux biss ma teqdiem qatt iżda tibqa’ dejjem il-punt ta’ riferiment għalik u għalija: “Fik, Mulej, jien nistkenn ma jkolli qatt għax ninfixel”.

Issa nifhem l-għaliex għandi nirrifletti ħa nerġa’ niċċarġja. Għax, fil-verità, issa ntabħt li għandi min … JIĊĊARĠJANI!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.