Imxennqa għal Alla


It-Tnejn, 1 ta’ Jannar 2018. Omelija ta’ Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, b’messaġġ lill-Knisja fil-bidu tas-Sena l-ġdida 2018, fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla. Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

 
Huwa fatt li fis-soċjetà tagħna ħafna għandhom ħalqhom fix-xgħir. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb. Jien nawgura li dan il-ġid ikompli joktor u jinfirex, għax nixtieq nara lil kulħadd kuntent. Imma biżżejjed il-ġid materjali biex jiżguralna l-kuntentizza? Ma nkun nagħmel ebda skoperta jekk ngħid li hawn min, għalkemm ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, għandu dejjem subgħajh f’rasu għax ma jafx x’għandu jagħmel biex ikollu l-paċi f’qalbu! Għax kif jgħid Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla.

Jien konvint li daqskemm f’moħħna jitqanqlu mistoqsijiet dwar x’ser nagħmlu biex fl-aħħar tal-ġurnata jkollna l-kartieri mimlija, daqstant ieħor ikun itektek b’mistoqsijiet dwar Alla. Niżgurakom li dan jgħodd anki għal min jiddikjara li huwa atew. Fil-fatt, mhux bilfors wieħed ikun jaħseb b’mod espliċitu dwar Alla! Kif jikteb filosfu modern, André Comte-Sponville, “il-bniedem jista’ jgħaddi mingħajr reliġjon imma mhux mingħajr il-komunjoni mal-oħrajn, il-fedeltà u l-imħabba”. Għax il-bniedem li jixxennaq biex jgħix ħajja bis-sens, indirettament qed jixxennaq għal Alla; min joħlom li madwarna jkun hawn dinja aħjar, dan qed joħlom dwar Alla!

Il-kittieb famuż Russu Fyodor Dostoevskij jistqarr li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajr Alla, għax jekk il-bniedem iwarrab lil Alla, hu jeħodlu postu u jsir alla. Konsegwenza ta’ dan, meta l-bniedem jiġi biex jiddeċiedi jew jagħżel, ma jkollux kejl ieħor għajr lilu nnifsu, l-ideat tiegħu, l-egoiżmu tiegħu. Min ma jammettix li għandu l-bidu tiegħu f’Alla, filwaqt li bil-fomm jgħid li ma jemminx, jagħmel lilu nnifsu alla. Fir-rumanz tiegħu Id-Demonji, Kirillov jgħid hekk: “Jekk ma hemmx Alla, jien alla. Kif jista’ jkun li ma hemm ħadd fid-dinja li wara li jkun ħeles minn Alla u beda jemmen fih innifsu, ma jasalx biex jafferma li dak li huwa jaħseb huwa assolut? Li wieħed jasal biex jgħid li ma hemmx Alla u fl-istess waqt ma jammettix li meta qed jgħid hekk huwa jkun qed jagħmel lilu nnifsu alla, hija assurdità”.

Dan ir-raġunament huwa perikoluż ħafna, għax allura tassew, kif jgħid l-istess awtur fir-rumanz L-aħwa Karamazov, “jekk Alla ma jeżistix, kollox huwa permess”. Biex nagħti eżempju wieħed: jekk m’hemmx Alla, x’ser iżomm lill-bniedem milli jelimina l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf? Alla huwa l-arkitrav li fuqu sserraħ il-binja kollha personali, familjari, soċjali, ekonomika, legali…

1.1.18

Jien nifhem li d-diskors dwar Alla mhux daqshekk faċli u għalhekk nifhem ukoll lil dawk li jridu jitħabtu mhux ħażin biex isibu t-triq f’dan il-labirint tal-ħajja.

Għalhekk l-awgurju tiegħi għal din is-sena l-ġdida huwa li titkebbes fina lkoll xrara, anki ċkejkna, li tibda titfa’ dawl fuq il-misteru ta’ Alla. F’kull bniedem hemm “il-ġamar” min-nar ta’ Alla – biżżejjed żiffa ħelwa fuqu biex dan jerġa’ jaqbad!

Għalija Ġesù Kristu huwa t-triq li twassalna għal din il-verità. Fil-ġrajja ta’ Ġesù, partikularment meta jġarrab il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, aħna nistgħu napprezzaw id-dgħufija u l-qawwa ta’ Alla. Fuq is-salib il-vjolenza umana ma titfix l-imħabba ta’ Kristu lejn il-Missier u lejn il-bniedem. Il-qawmien mill-mewt huwa t-tweġiba kollha mħabba tal-Missier lejn Ibnu u lejna. L-awgurju tiegħi għalhekk huwa li nitqanqlu biex insiru nafu lil Ġesù Kristu.

Dan l-awgurju sinċier ma nagħmlux biss għal dawk li jħossu li mhumiex “reliġjużi”, imma wkoll lil dawk li huma “reliġjużi” imma mhux bilfors jemmnu! Nagħmel din l-istedina kemm lil dawk li huma ’l bogħod mill-Knisja u kemm lil dawk li jkunu fil-Knisja imma ma jemmnux.

Irrodd ħajr lil dawk l-Insara fil-Knisja li jikkollaboraw magħna biex inżommu l-fjamma tal-fidi Nisranija tixgħel fil-qlub ta’ ħutna (saċerdoti, persuni kkonsagrati, ġenituri, katekisti). Il-missjoni tagħna toffrilna ċerti sfidi inediti għal żminijietna. Infakkar dak li jgħid il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-fidi fl-Ewropa: is-simboli prestiġjużi tal-preżenza Kristjana f’dan il-kontinent maż-żmien qed isiru relikwi tal-imgħoddi (ara Ecclesia in Europa)! Għalhekk noqogħdu attenti fejn qed napplikaw l-enerġija tagħna, għax biex inħarsu “s-simboli prestiġjużi”, nittraskuraw it-trasmissjoni tal-fidi. Sa ftit snin ilu f’pajjiżna wieħed ma setax ma jkunx Nisrani, għax konna ngħaddsu ras kulħadd fil-Fonti tal-Magħmudija, imma mbagħad seta’ jkun Nisrani superfiċjali. Illum anki dan qed jinbidel. Qed nagħmel din in-nota fl-ewwel tas-sena biex intenni dak li għidt fil-Festa ta Kristu Re ta’ din is-sena: li fil-Knisja tagħna kull Nisrani adult għandu jħoss ir-responsabbiltà li huwa missjunarju u jfittex li jagħti xhieda tal-Vanġelu. Din ix-xhieda ma tingħatax billi noqogħdu nikkundannaw is-soċjetà, nikkritikaw l-operat tagħha u nippretendu li niddettawlha x’liġijiet jew riformi għandha tagħmel jew ma tagħmilx. Ix-xhieda tingħata billi ngħinu lis-soċjetà tintebaħ bil-preżenza moħbija ta’ Alla. Is-soċjetà li qed temarġina lil Alla ma tridx lil min joqgħod jagħtiha lezzjonijiet f’isem Alla; imma aħna li nemmnu, inkunu nagħtu servizz lis-soċjetà lajka jekk ngħinuha tintebaħ li Alla qiegħed proprju fejn mhux magħruf jew mhux meħtieġ – jeħtieġ ngħinu lill-bniedem ikun attent għas-sorpriżi ta’ Alla. Fi kliem it-teologu André Fossion, il-Knisja trid taċċetta u tirrikonċilja ruħha ma’ soċjetà anjostika u kważi ateista. Dan jgħodd għall-Knisja f’pajjiżna wkoll.

Qed nikteb dan il-ħsieb mhux tant bħala Isqof, imma bħala wieħed minnkom li bħalkom jien ukoll nixtieq li nkun naf aħjar lil Alla.

Ritratt: Andrew Formosa

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.