L-Evanġelju tat-Tnejn, 1 ta’ Jannar 2018. Solennità ta’ Marija Omm Alla

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 2, 16-21

Ir-rakkonti tat-twelid ta’ Ġesù f’San Luqa, dak li ġara qabel u dak li ġara wara juruna sens ta’ urġenza u għaġġla. Kemm-il darba l-evanġelista juża verbi li juru ħeffa fit-tweġiba. Donnhom dawk li semgħu u għarfu l-kelma ta’ Alla, irrejaliżżaw li m’hemmx ħin x’jitilfu; li għandu jsir, l-aħjar li jsir malajr.

Tmint ijiem wara l-Milied, il-Knisja tqegħdilna quddiemna dan ir-rakkont qasir wara l-knat tal-anġli u t-tħabbira tal-anġlu lir-rgħajja. L-aħbar instemgħet, issa f’idejn ir-rgħajja li jmorru jfittxu.

Ir-rgħajja, jista’ jkun li kienu mikrija, il-merħliet ma kienux tagħhom. Kienu jirgħu merħliet ta’ sidin li mbagħad kienu jbiegħu il-ħrief u n-nagħaġ tagħhom fil-btieħi tat-tempju għas-sagrifiċċji. Betlehem hija qrib Ġerusalemm u għalhekk dawn l-imrieħel kienu jitrabbew biex minnhom isir qliegħ kbir. Barra minn hekk dawn il-mikrija ma kienux nies ta’ fama tajba wisq. Kien hemm suspetti, mhux bla raġuni, li dawn in-nies kienu japprofittaw ruħhom minn xogħlhom u dak li kien afdat f’idejhom. Il-bhejjem setgħu josfru u l-għajbien tagħhom kien faċli jkun, skond dawn il-mikrija, ħtija ta’ xi bhima selvaġġa li tattakka l-merħla mal-lejl.

L-aħbar tat-twelid tasal għandhom l-ewwel. U l-aħbar, li għall-ewwel twerwirhom, ifittxuha huma l-ewwel. Ma kienux kuntenti b’li semgħu. Fiha raw suġġeriment biex imorru u jaraw b’għajnejhom għalfejn dan l-għaġeb kollu ta’ Alla u tal-qtajja tiegħu. Ma warrbux dan kollu bħala ċajta jew illużjoni. Qamu u marru jgħaġġlu, b’sogru li tassew il-merħliet jonqsu minħabba l-bhejjem selvaġġi jew xi ħalliel lest fil-qrib.

Jgħaġġlu. U meta waslu sabu kif kien intqalilhom. Xejn ta’ barra minn hawn. Koppja f’imkien fejn l-annimali jmaxtru, u tarbija mfisqija fil-ħrieqi, u mqiegħda fil-maxtura. Xejn straordinarju. Ħafna ’l bogħod mix-xihat li mdorrijin naraw. Kien billejl u twieldet tarbija. Min kien għaddej, anke jekk kien ta’ fidi kbira, u ra din ix-xena, seta’ ġġudika u tkaża kif koppja żgħażugħa welldu tarbija f’dak il-post. Ma setgħux isibu post aħjar! Imma r-rgħajja emmnu dak li kienu semgħu. Il-kelma għamlet differenza fihom, fil-mod kif ġabu ruħhom. U mhux talli emmnu, talli bla mistħija jew biża bdew jitkellmu dwar dak li kienu raw u semgħu. B’li qalu qanqlu l-istgħaġib ta’ ħafna.

Ħeffa fit-tweġiba u ħeġġa fix-xhieda. Kellu bżonn aħna li għaddejna minn Milied ieħor, ikollna l-istess għaġġla biex inwieġbu u nfittxu u l-istess ħeġġa biex inwassluh lill-oħrajn. Il-Milied bħal kulma jagħmel magħna Alla, mhix ġrajja li togħżża u taħbiha, imma hija aħbar li trid tittieħed.

Marija, tħalli lil Alla juriha kif il-wegħda li għamlilha bl-anġlu, qed isseħħ bil-mod il-mod, bil-pass tal-bnedmin, pass li Alla jirrispetta u jimxi bih, pass li bih Alla jneħħi bil-mod l-għata tad-dalm biex joħroġ u jdawwal id-dawl. Marija hija l-mara li emmnet u għax emmnet rat dak li emmnet iseħħ.

Il-bnedmin jitolbu l-provi biex jemmnu; Marija turina li t-twemmin iwassal għall-provi.

L-isem li jingħata lit-tarbija , mhux sempliċiment twettiq tal-wegħda tal-anġlu, jew ubbidjenza lejn kliemu. B’dak l-isem huwa ssiġillat il-ħsieb ta’ Alla għall bnedmin: Je xuha, Alla jsalva. Dik it-tarbija twassal għall-milja u l-qofol tagħha, l-imħabba ta’ Alla għall kull maħluq.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading