It-Tlieta, 2 ta’ Jannar 2018: Lejlet l-aħħar tas-sena, f’mossa mhux tas-soltu, il-Papa Franġisku ordna lill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan biex jistampa u jqassam kopji ta’ ritratt framuż li kien ittieħed wara li splodiet il-bomba nukleari fuq Nagasaki. Ir-ritratt juri tifel ta madwar 10 snin, iġorr il-katavru ta’ ħuh biex jieħdu għall-kremazzjoni.
Fuq wara tar-ritratt il-Papa kiteb “il-Frott tal-Gwerra” u poġġa l-firma tiegħu. Taħt il-firma l-Papa spjega li dak ir-ritratt kien ittieħed minn fotografu tal-Marines Amerikani li kien intbagħat f’Hiroshima u Nagasaki wara li ntefgħu fuqhom bombi nukleari li ħallew diżastru sħiħ.
“Id-dwejjaq tat-tifel hu espress bix-xuftejn marsusa, migduma u bid-demm ħiereġ
minnhom”, kiteb il-Papa.
L-Osservatore Romano stampa kopja tar-ritratt bl-ispejgazzjoni tal-Papa, fl-edizzjoni tal-1 ta’ Jannar – Jum il-Paċi.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-ritratt hi mod ieħor kif il-Papa esprima t-tħassib kontinwu tiegħu dwar it-theddida ta’ gwerra nukleari hekk kif il-President tal-Korea ta’ Fuq, Kin Jong-un, fl-indirizz tiegħu tal-bidu tas-sena, wissa li l-buttuna tal-bomba nukleari qiegħda fuq l-iskrivanija tiegħu u lesta biex tintuża jekk pajjiżu jkun mhedded, għalkemm qal li lest għal diskussjonijiet mal-Korea t’Isfel.