Katekeżi Quddiesa, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

L-Att Penitenzjali


6. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 3 ta’ Jannar 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Lura għall-katekeżi fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, ejjew illum, fil-kuntest tar-Rit tad-Dħul, inħarsu lejn l-Att Penitenzjali. Fis-sobrjetà tiegħu, dan jgħin biex jinħoloq l-atteġġjament li bih għandna niddisponu ruħna biex niċċelebraw kif jixraq il-misteri qaddisa, jiġifieri billi quddiem Alla u quddiem ħutna nagħrfu dnubietna, nagħrfu li aħna midinbin.

 

L-istedina tas-saċerdot fil-fatt issir lill-komunità kollha fit-talb, għax ilkoll aħna midinbin. X’jista’ jagħti l-Mulej lil min diġà għandu qalbu mimlija bih innifsu, bis-suċċess tiegħu? Xejn, għax il-prużuntuż mhux kapaċi jilqa’ l-maħfra, xebgħan kif diġà hu b’dik li jaħseb li hi l-ġustizzja tiegħu. Naħsbu ftit fil-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan, fejn it-tieni wieħed biss – il-pubblikan – jerġa’ lura d-dar iġġustifikat, jiġifieri maħfur (ara Lq 18:9-14). Min jagħraf il-miżerji tiegħu u jbaxxi għajnejh bl-umiltà, iħoss tistrieħ fuqu l-ħarsa ħanina ta’ Alla. Nafu mill-esperjenza li hu biss min jaf jagħraf l-iżbalji tiegħu u jitlob skuża li jista’ jiġi mifhum u maħfur mill-oħrajn.

Jekk nisimgħu fis-skiet leħen il-kuxjenza, nistgħu nagħrfu li l-ħsibijiet tagħna huma mbiegħda mill-ħsibijiet ta’ Alla, li kliemna u l-għemejjel tagħna spiss huma tad-dinja, jiġifieri mmexxija minn għażliet kuntrarji għall-Vanġelu. Għalhekk, fil-bidu tal-Quddiesa, bħala komunità nagħmlu l-Att Penitenzjali permezz ta’ formula ta’ stqarrija ġenerali, imlissna fl-ewwel persuna singular. Kull wieħed u waħda jistqarr lil Alla u lil ħutu “li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirijieti”. Iva, anki fit-tħallija tad-dmirijiet, jiġifieri meta ma nagħmlux it-tajjeb li stajna għamilna. Spiss inħossuna bravi għax – ngħidu – “m’għamilt deni lil ħadd”. Fir-realtà, mhux biżżejjed li ma nagħmlux id-deni lil għajrna, imma rridu nagħżlu li nagħmlu t-tajjeb billi naħtfu kull okkażjoni biex nagħtu xhieda tajba li aħna dixxipli ta’ Ġesù. Tajjeb nisħqu li l-istqarrija li aħna midinbin qed nagħmluha kemm lil Alla u kemm lill-aħwa: dan jgħinna nifhmu d-dimensjoni tad-dnub li, waqt li jifridna minn Alla, jifridna wkoll minn ħutna, u bil-maqlub. Id-dnub jaqta’: jaqta’ r-relazzjoni ma’ Alla u jaqta’ r-relazzjoni mal-aħwa, ir-relazzjoni fil-familja, fis-soċjetà, fil-komunità: id-dnub dejjem jaqta’, jifred, jaqsam.

Il-kelmiet li ngħidu b’fommna huma msieħba mill-ġest tat-taħbit fuq sidirna, għax nagħraf li dnibt proprju ħtija tiegħi, u mhux tal-oħrajn. Fil-fatt, spiss jiġri li, minħabba f’biża’ jew mistħija, nippuntaw subgħajna biex nixlu lill-oħrajn. Jiswielna prezz li nammettu li aħna ħatja, imma jagħmlilna tajjeb meta nistqarruh b’sinċerità. Nistqarru dnubietna. Niftakar aneddotu, li kien iħobb jirrakkonta missjunarju xwejjaħ, dwar mara li marret tqerr u bdiet tgħid l-iżbalji ta’ żewġha; imbagħad għaddiet għall-iżbalji tal-kunjata u mbagħad għad-dnubiet tal-ġirien. F’ċertu punt, il-konfessur qalilha: “Imma, Sinjura, għidli: Spiċċajt? – Tajjeb ħafna: Issa li lestejt mid-dnubiet tal-oħrajn, issa ibda għidli tiegħek”. Tgħid id-dnubiet tiegħek!

Wara l-istqarrija tad-dnubiet, nitolbu lill-Imqaddsa Verġni Marija, lill-Anġli u lill-Qaddisin biex jitolbu lill-Mulej għalina. Anki hawn hi prezzjuża x-xirka tal-qaddisin: jiġifieri, l-interċessjoni ta’ dawn l-“eżempji għalina u għajnuna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna” (Prefazju tal-1 ta’ Novembru) tweżinna fil-mixja lejn il-komunjoni sħiħa ma’ Alla, meta d-dnub għad ikun meqrud darba għal dejjem.

Barra n-“Nistqarr ’l Alla”, l-Att Penitenzjali jista’ jsir b’formuli oħrajn, ngħidu aħna: “Ħenn għalina, Mulej / Għax dnibna kontrik. / Uri lilna, Mulej, il-ħniena tiegħek. / U s-salvazzjoni tiegħek agħtina” (ara Salm 123:3; 85:8; Ġer 14:20). Speċjalment il-Ħadd tista’ ssir il-barka u t-traxxix tal-ilma b’tifkira tal-Magħmudija (ara OĠMR, 51), li jneħħi d-dnubiet kollha. Hu possibbli wkoll, bħala parti mill-Att Penitenzjali, li titkanta l-Kyrie eléison: b’espressjoni Griega antika, insejħu lill-Mulej – Kyrios – u nittallbu l-ħniena tiegħu (ibid., 52).

L-Iskrittura Mqaddsa toffrilna eżempji ħajjin ta’ figuri “penitenti” li, wara li daħlu fihom infushom wara li għamlu xi dnub, sabu l-kuraġġ jinżgħu l-maskra u jiftħu qalbhom għall-grazzja li ġġedded il-qalb. Jiġina f’moħħna s-sultan David u l-kliem attribwit lilu fis-Salm: “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti” (51:3). Naħsbu fl-iben il-ħali li jerġa’ lura għand il-missier; jew fl-invokazzjoni tal-pubblikan: “O Alla, ħenn għalija, midneb” (Lq 18:13). Naħsbu f’San Pietru, f’Żakkew, fil-mara Samaritana. Meta nqisu ruħna bid-dgħufija tat-tafal li minnu aħna magħġuna, din tkun esperjenza li ssaħħaħna: waqt li ġġibna wiċċ imb wiċċ mad-dgħufija tagħna, tiftħilna qalbna biex nitolbu l-ħniena divina li tittrasforma u tbiddel. U dan hu dak li nkunu nagħmlu fl-Att Penitenzjali fil-ftuħ tal-Quddiesa.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s