Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Erbgħa, 3 ta’ Jannar 2018

L-Evanġelju tal-Erbgħa, 3 ta’ Jannar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 1, 29-34

Bħalma l-Knisja, fl-Avvent ħejjietna għall-misteru tal-Iben ta’ Alla li jsir bniedem għalina b’siltiet mill-Kotba Mqaddsa li jfakkruna fl-istedina kollha ta’ Alla biex nirrifletu dwar it-tweġiba tagħna, u bħalma fil-ġranet tal-Milied, fakkritna fir-rejaltà taż-żjara li saritilna, hekk ukoll matul dawn il-jiem ferji tal-Milied tfakkarna min hu dan li żarna. Alla mhux biss żarna bil-miġja tal-Iben tiegħu, talli bih stess jurina min hu. Għalhekk is-siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li bi kliem Ġwanni l-Battista jgħidulna Ġesù min hu.

Għalhekk, l-għada tal-interrogatorju ‘providenzjali’ li għamlu lil Ġwanni l-messaġġiera tal-Fariżej, li fih qalilhom min ma hux hu, u kemm hu kbir dak li hemm f’nofshom, iżda li huma ma jafux, Ġesù jidher mill-ġdid ħdejn fejn kien jgħammed Ġwanni, f’Betanja, in-naħa l-oħra tax-xmara Ġordan. Jista’ jkun li din iż-żjara ta’ Ġesù seħħet wara ż-żmien li hu għadda fid-deżert, fejn rebaħ bil-kbir lill-qawwa tal-ħażen u wera lilu nnnifsu iktar qawwi mill-Ħażin.

Il-jum kien qed joqrob lejn tmiemu u Ġwanni jara fil-preżenza ta’ Ġesù, li hu kien ġa għaraf fil-magħmudija tiegħu, il-ħin xieraq li jippreżentah lil dawk li kienu hemm, fosthom Ġwanni u Indrì. Lill-messaġġiera tal-Fariżej, Ġwanni qalilhom li dak li hu aqwa minnu kien qiegħed f’nofshom imma huma ma kienux jafuh. Lill-ġemgħa miġbura madwaru, li marru hemm biex jisimgħu lil Ġwanni u jitgħammdu minnu biex, b’mod simboliku, fl-ilma juru l-indiema tagħhom u jitolbu maħfra għal dnubiethom, jurihom għand min għandhom imorru biex id-dnubiet tagħhom jinħafrulhom.

Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Ġwanni juża tixbiha li nsibu fil-Kapitlu 53, 7 tal-profeta Iżaija meta jitkellem dwar il-Qaddej tal-Mulej, il-ħaruf meħud għall-qatla, il-ħaruf li fil-ktieb tal-Eżodu, b’demmu mċappas mal-kxiex u l-blatiet tal-bibien tad-djar tal-Lhud jeħlishom mill-id qerrieda tal-mewt.

Kemm hu sabiħ il-ħsieb li l-ewwel tagħrif dwar l-identità ta’ Ġesù, li jagħtihulna Ġwanni l-Battista, jinsab fil-kuntest tal-ħelsien mill-mewt li jġib id-dnub. Dan hu li jmut mhux biss biex jaħfer id-dnubiet, iżda biex ineħħihom għal kollox. Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. L-ewwel għan ta’ Ġesù l-Messija, kif jarah l-Għammiedi, huwa li jaħfer id-dnubiet, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Il-kobor u s-setgħa ta’ Alla fl-Iben tiegħu magħmul bniedem jidhru fil-ħniena u l-mogħdrija tiegħu.

Dan hu l-Iben ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: