Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Mandat għas-sena 2018


Kont qed inqaddes il-quddiesa tad-9.00 ta’ filgħodu fil-Knisja Parrokjali tagħna l-Kapuċċini, tat-Trinità Qaddisa. X’ħin rajtu, u fuq kollox, smajtu jinqara tant tajjeb minn fuq is-sedja, nista’ ngħid li mill-ewwel għamel impatt kbir fija. Il-frażi ma stajtx le nħallieha għaddejja. Kienet rejali wisq! L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, … bagħtni ndewwi l-qalb miksura (Is 61: 1).

X’vers dan ħbieb għas-sena 2018! Vers li, għal uħud, imsieken, jaqbżilhom! Kemm iħobbu jgħawru fil-weġgħat ta’ ħaddieħor! Issa ejja nkunu sinċieri: Tgħid hawn bżonn min idewwi l-qalb miksura fostna? Qabel xejn min għandu qalbu miksura?

Qlub miksura hawn kemm trid! Ibda minn min ma jiġix mogħti l-apprezzament li jistħoqqlu jew jistħoqqilha. L-istorja nafuha. Ovvja li ma taħdimx għall-apprezzament! Li kieku kien hekk li kienu xejn ma jsir. L-għaliex, minkejja l-ġid materjali li għandna, uħud minna donnhom saru wisq povri fil-ġid tal-qalb? Xi trid biex bniedem tgħidlu: “Prosit! Kompli!” Inkella: “Agħmel kuraġġ!”? U min l-aktar li joħodha għar-rasu fuq dan? Mhux min jippriedka? Mhux min suppost jaf aħjar? Tgħallem naqra minn nies komuni! Tgħallem minn dawk in-nies li taf tqishom agħar minnek! Tgħallem naqra minnhom! Indenja ruħek! Apprezza! Ibda’ dewwi l-qalb miksura!

Min huma dawk ta’ qalb miksura? Mhux min ħaddieħor donnu li m’għandux wiesa’ għalih? Jew għaliha? Is-soltu nħobbu nsemmu lil dik li toqgħod waħedha, fit-triq tagħna. Dik ix-xiħa. Dik li ma jmur jaraha ħadd. Jew lil dak ix-xiħ li t-tfal iżewwġulu u mietitlu l-mara. U issa jinstab rikoverat f’waħda mid-djar tal-anzjani. Iva! Proprju dak! Imma dak biss? Tal-qlub miksura qiegħdin fid-djar u fil-komunitajiet tagħna stess. Iħokku magħna! Huma dawk in-nies li, jagħmlu x’jagħmlu, dejjem huma ħażin! Blacklisted hux! Għax dawk ma jaħsbuhiex bħalna. M’humiex mal-grupp tagħna. Allura dawk dejjem fil-ħażin. Ara aħna ma jimpurtax. Għax la għandna s-saħħa allura viva kollox! Kemm jaqalgħu botti mingħand sħabhom! Botti li jinfdulhom qalbhom! Sieħbi, ibda’ dewwi l-qalb miksura!

Semmili aktar isa! Min huma dawk ta’ qalbhom maqsuma? Huwa dawk li għamlu l-ġid u swielhom deni. Dawk li qalu kelma ta’ ġid iżda, tal-kelma tajba li qalu, riedu jiekluhom. Iqattgħuhom biċċiet. U jarmuhom ‘il barra. Għax qalu l-verità. U magħhom inżid ukoll lil dawk li huma l-oġġett tal-għira ta’ ħaddieħor. Jiġifieri ta’ dawk li ma jifilħux jaraw jużaw don li l-Mulej ikun tahom. Għax l-oħrajn m’għandhomx. U l-ferneżija li taqbadhom l-għaliex għajjurin bil-qabda għalihom iġġibhom imġienen tassew. Ħeqq! Għax ix-xitan, li suppost jiġġildulu u jitolbu kontrih, isiru parti mill-klikka tiegħu. Jekk taf b’xi ħadd minn dawn ħallini ngħidlek: Ibda’ dewwi l-qalb miksura!

Ta’ qalb miksura huwa dak li fuqhom jinżel il-piż għax l-oħrajn ma jridu jagħmlu xejn. Dawn fis-soċjetà u fil-Knisja aqta’ kemm għandna minnhom! Huma l-martri ta’ żminijietna. Allura x’jiġri? Oħrajn, biex juru li għandhom xi poter fuqhom, aqta’ kemm isawtuhom bi lsienhom! Letteralment, kif jgħid Ġesù, jgħabbuhom b’piżijiet li huma stess lanqas b’subgħajhom iż-żgħir ma jħarrkuhom. Dawn huma ta’ qalbhom miksura. Jekk taf bihom, din is-sena, issaportjahom. Ibda’ dewwi l-qalb miksura!

Imbagħad hemm dawk li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż u għażiża. Dawk li qed iħossu bil-kif in-nuqqas tiegħu u tagħha! Dawk li l-ħin kollu moħħhom imur fuq dan il-ħsieb: “Kieku jaħasra qiegħed u qiegħdha magħna!” Dawn ukoll huma ta’ qalb miksura. Dawn ukoll għandhom bżonn min iħobbhom. Min jismagħhom. Mela, issa li s-sena 2018 bdiet, ibda’ iva dewwi l-qalb miksura!

Fl-aħħar nett nixtieq nagħlaq b’dawk li nafuhom. Persuni magħrufa. Naħsbu li dawn, f’ħajjithom, kollox ward u żahar. Ejja immorru lil hinn mill-istampa u r-ritratt tal-persuna. Ejja ninżlu f’qalbhom u noffrulhom il-ħbiberija tagħna. Mingħajr il-kilba li nkunu nafu b’għommiethom. Offrilu jew offrilha tazza tè jew kafè! Tkun għamiltlu jew għamiltilha l-ġurnata. Għax tħoss il-viċinanza tiegħek. X’kuraġġ tagħtiha! Ibda dewwi l-qalb miksura!

Dan hu li nawguralek sieħbi għas-sena 2018: li ddewwi l-qalb miksura! Mintix se timpressjonani b’kitbitek, flusek, qdusitek u b’kemm titqanżah biex tidher. U lanqas b’kemm taf tibbottja. Timpressjonani jekk turi kompassjoni lejn min għandu qalb miksura. Hemmhekk tkun raġel u mara ta’ veru! Hemm tħollni!

Mela oħroġ bi ħnientek lejn min għandu qalbu miksura. Eħilsu minn dar il-jasar tal-kundanna u mill-ħabs tas-suspett. Iftħilhom ħa joħorġu! Ħalli minn ħabsin tal-weġgħat ta’ ħaddieħor isiru nies ħielsa u ferħana! Ħa jferrħu lilek u lili wkoll!

Dewwi l-qalb miksura! Spirtu s-Santu dewwi l-qalb miksura tiegħi ħalli nħallik fija u bija iddewwi l-qalb miksura ta’ ħija u oħti! Dan hu l-mandat li qed tagħtini Mulej għas-sena 2018. Amen.

Is-Sena t-tajba!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s