Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > L-Arċisqof fil-Quddiesa tal‑Epifanija li matulha laqa’ 4 seminaristi bħala kandidati għas‑saċerdozju

L-Arċisqof fil-Quddiesa tal‑Epifanija li matulha laqa’ 4 seminaristi bħala kandidati għas‑saċerdozju


Il‑Ħadd 7 ta’ Jannar, 2018: fid‑9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa tal‑Epifanija li matulha tħabbru l‑festi tal‑Mulej għas‑sena 2018 u laqa’ lil erba’ seminaristi bħala kandidati għas‑saċerdozju, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. L-erba’ seminaristi huma: Osmar Baldacchino (Siġġiewi), David Borg (Ħaż-Żabbar), Christopher Bugeja (Rabat), u Jonathan Debattista (Ħal Tarxien).

 

Omelija tal-Arċisqof J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Il-Papa Franġisku l-bierah offra meditazzjoni sabiħa fuq l-Evanġelju li għadna kemm smajna (Mt 2, 1-12). Jiena nixtieq nissuġġerixxi li naqraw ftit x’qal il-Papa. Hemm xi ħsibijiet li verament laqtuni u li nixtieq naqsamhom magħkom f’din il-festa solenni tal-Epifanija. Il-Papa jagħmel meditazzjoni fuq l-esperjenza tal-maġi u jagħmel tliet ħsibijiet profondi.

L-ewwel nett, il-maġi raw il-kewkba għaliex taw ċans lilhom infushom iħarsu ’l fuq. U l-Papa jgħid li ħafna drabi ngħixu ħajjitna mehdijin inħarsu l-isfel, lejn l-art, lejn il-flus, lejn il-ġid tad-dinja, lejn dak kollu li mingħalina se jagħmilna ferħanin imma mbagħad niskopru li huwa bir imtaqqab; ma jżomm l-ebda ilma. U l-Papa jgħid: kemm hemm bżonn nerġgħu niskopru din id-dimensjoni li nħarsu ’l fuq; dan l-għatx li niltaqgħu ma’ Alla. Huwa wkoll rifless ta’ dak li għedt fil-messaġġ lill-poplu Malti fil-Milied meta ħadt l-ispunt minn ħafna personaġġi fil-presepju Naplitan li mhumiex qed iħarsu lejn Ġesù, imma baqgħu mehdijin bix-xalar tad-dinja.

Il-maġi raw il-kewkba għaliex taw ċans lilhom infushom iħarsu ’l fuq

Il-bieraħ mort il-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, u għamlu presepju fuq stil Naplitan. Fih hemm dan il-personaġġ li huwa x-xalatur, imma daru lejn Ġesù, mhux qed iħares lejn it-twelid tal-Mulej.

L-ewwel stedina li nixtieq nagħmel lilkom, għeżież kandidati, imma nagħmilha lilna lkoll kemm aħna, hija li rridu nħarsu ’l fuq. Hija l-istedina tal-innu sabih li hemm fil-liturġija ta’ din is-solennità: ilkoll kemm intom li qegħdin tfittxu ’l Kristu, erfgħu ħarsitkom ’l fuq. Erfgħu ħarsitkom ’l fuq!

It-tieni ħsieb li l-Papa sielet minn dan l-Evanġelju sabiħ minn San Mattew huwa li l-maġi kienu f’mixja. Ma kienux nies li kkuntentaw ruħhom b’din il-kewkba li raw, imma bdew mixja. It-tfittxija tagħhom ma kinitx it-tfittxija tal-kumdità imma riedu jirriskjaw biex jiltaqgħu mal-Mulej.

Ma kienux nies li kkuntentaw ruħhom b’din il-kewkba li raw, imma bdew mixja

It-tielet ħsieb hu li l-maġi ma marrux għand Ġesù b’idejhom vojta imma ħadu magħhom ir-rigali prezzjużi ħafna. Huma u jiltaqgħu ma’ dak li huwa l-ikbar rigal tal-Mulej, il-maġi jagħtu mill-ħin tagħhom, mill-enerġija tagħhom, jirriskjaw vjaġġ iebes, ifittxuh b’determinazzjoni u jippreżenawtlu dak li huwa l-iżjed għażiż għalihom.

Jiena u nsellem lill-familji tagħkom, għeżież Osmar, David, Christopher u Jonathan, nimmaġinahom lill-familji tagħkom illum jippreżentaw lill-Mulej l-għeżeż rigal li għandhom. U l-Mulej jilqa’ dan ir-rigal, il-Knisja tilqa’ l-offerta tal-familji tagħkom, tal-parroċċi tagħkom, tagħkom infuskom.

Illum, fl-Epifanija, lill-Mulej m’intomx se tagħtuh la deheb, la inċens u lanqas mirra, imma qegħdin tippreżentaw lilkom infuskom, l-istorja tagħkom, bid-DNA tagħkom, bil-ħolm, bil-potenzjal, bit-talenti u bl-ubbidjenza tagħkom. Ħallu l-kewkba tal-ubbidjenza tmexxikom. Ħa navżakom minn issa: Fis-saċerdożju l-kewkba li twasslek għand Ġesù hija l-kewkba tal-ubbidjenza, u nassigurakom li l-ubbidjenza iġġgħalek tmur f’tant postijiet differenti.

Illum, fl-Epifanija, lill-Mulej m’intomx se tagħtuh la deheb, la inċens u lanqas mirra, imma qegħdin tippreżentaw lilkom infuskom

L-ewwel nett, aħna u nħarsu lejn Ġesù fl-Epifanija, nfakkru lilna nfusna li aħna verament ilkoll kemm aħna David: il-maħbubin tal-Mulej. Il-kelma David tfisser il-maħbub u aħna kollha maħbubin mill-Mulej b’imħabba speċjali. Il-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna hija sinjal ta’ din l-imħabba.Jiena għamilt riflessjoni qasira fuq is-sinjifikat tal-isem li tawkom l-għeżież tagħkom fil-magħmudija u li jekk tgħaqqadhom ilkoll, jiġbor il-messaġġ tal-festa tallum.Din hija l-esperjenza ta’ kull saċerdot li ħin minnhom iċempillu xi ħadd u jgħidlu: ‘L-Isqof irid ikellmek’. Is-saċerdoti drajna nieħdu qata’ meta jċempel xi ħadd jgħidilna ‘l-Isqof irid ikellmek’ għax jew ikun daħal rapport jew inkella jgħidulek ‘se tiċċaqlaq!’. Imma kemm hi ta’ konsolazzjoni kbira għall-Isqof u għall-Knisja, meta min ikun ta ħajtu lil Ġesù jagħtiha f’kull mument. L-entużjażmu li ġabkom hawnhekk illum b’libertà ħielsa, itolbu li jibqa’ magħkom dejjem.

Aħna wkoll Jonatan, rigal ta’ Alla. Aħna lkoll kemm aħna Jonathan, għaliex ilkoll kemm aħna rigal tal-Mulej. U aħna u noffru lilna nfusna lill-Mulej qegħdin nirrikonoxxu li aħna stess ilqajna kollox bħala rigal. Kemm ninsistu li aħna l-Insara l-ħajja nqimuha bħala rigal ta’ Alla – mhix frott it-tekonoloġija tal-bniedem imma rigal ta’ Alla – frott l-imħabba u rigal tal-Mulej, mill-bidu sat-tmiem tagħha.

Aħna lkoll imsejħin bil-Magħmudija biex inkunu Christopher, biex inwasslu lil Kristu, biex inġorru lil Kristu fil-qalb tagħna, fil-ħajja tagħna. Jiena nimmaġina li l-maġi ħallew id-deheb, l-inċens u l-mirra f’riġlejn il-Familja Mqaddsa, imma magħhom lura d-dar minn triq oħra ħadu ferħ kbir: il-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu, il-ferħ tal-laqgħa ma’ Ġesù. Magħhom ġabu r-rigali u lura magħhom ħadu rigal straordinarju: il-paċi u l-ferħ kbir tassew li jagħti l-Mulej.

U l-aħħar isem huwa Osmar. Kelli nfittex biex inkun naf xi jfisser Osmar u skoprejt li jfisser ‘il-glorja tal-Mulej’, il-glorja divina. U aħna, bl-għotja tagħna nfusna, irridu nsiru raġġ minn Osmar, raġġ minn Alla li huwa glorja, mill-glorja tal-Mulej. Niftakru l-bidu tal-profeżija sabiħa li l-Knisja taqralna fl-Ewwel Qari llum: Qum! Ħa jiddi wiċċek! Is-sebħ, il-glorja tiegħek, id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek Osmar, jiddi fuqek sebħ il-Mulej (ara Is 60, 1).

Magħhom ġabu r-rigali u lura magħhom ħadu rigal straordinarju: il-paċi u l-ferħ kbir tassew li jagħti l-Mulej

Aħna u nilqgħukom, għeżież Osmar, David, Christopher u Jonathan, ma nilqgħux biss it-tifsira tal-ismijiet sbieħ li bihom żejnukom l-għeżież tagħkom, il-ġenituri tagħkom, imma nilqgħu lilkom. Il-Mulej, li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem u fl-istess ħin, jiena u nħares lejkom, nitlob ħafna għall-vokazzjonijiet. Jgħiduli ‘toqgħodx tgerger wisq għax is-Seminarju għandna 20 seminarista’. Għax jiena ngħidilhom: ‘meta dħalna aħna s-Seminarju fl-1978 konna 60 seminarista u saċerdoti iżjed anzjani minni jiftakru gruppi kbar’. Seminarju ta’ 120 seminarista! Imma anke t-twelid tat-tfal naqas, u l-Mulej minn fejn irid isejjaħ? Jgħiduli l-proporzjon l-istess baqa’, imma fiż-żmien meta kellna s-Seminarju b’60 seminarista kienu jitwieldu 10,000, illum jitwieldu 3,000.

Ejjew nilqgħu dan id-don, imma fl-istess ħin nitolbu mhux biss għall-vokazzjonijiet saċerdotali, imma wkoll għall-familji Nsara li jilqgħu l-ulied bħala l-ikbar don. U għalhekk, għeżież seminaristi, jiena nixtieq nerġa’ nirringrazzja lill-familji tagħkom għax illum lill-Mulej qed joffrulu l-ikbar rigal.

Il-barka tal-Mulej tkun fuqkom dejjem. Il-Mulej ikun il-ħlas tagħkom dejjem.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: