Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > L-Ewwel tas-Sena mill-Kċina

L-Ewwel tas-Sena mill-Kċina


Iż-żmien beda joqrob. U jien, dejjem miċ-ċokon tiegħi, bdejt nħabbel rasi x’sa naqbad nikteb bħala riflessjoni għall-Ewwel tas-Sena. Tibżgħux! Għax, il-Mulej, mill-ewwel weġibni! U weġibni minnufih!

Mela, xi ġimgħat ilu, fettilli ninżel ftit sal-kċina. Personalment il-kċina nħobbha. Mhux biss għall-ikel tajjeb li fiha iżda wkoll l-għaliex il-kċina tfisser kultura. Ħajja. Xi grazzja bħalissa li f’pajjiżna hawn daqshekk Taljani li qed jgħixu magħna! L-għaliex, it-Taljani, bit-tlajja’ u l-inżul tagħhom, bħalna, li għandna ħafna u ħafna minnhom, jgħallmuna nieklu. U nieklu bis-sens! Jgħallmuna jkollna kultura u klassi fl-arti tal-kċina. Wara kollox biex dejjem nirriturnaw lura għal dak li hu tagħna, il-kċina vera Maltija.

Intant … Mela fil-kċina niltaqa’ miegħu. Għamilna diskursata ta’ żewġt iħbieb. Ħadt gost inkellmu. L-għaliex, meta tisma’ lil xi ħadd li jkellmek minn qalbu, speċjalment f’dawn iż-żminijiet fejn l-uċuh aqta’ kif jitbiddlu skont il-konvenjenza, aqta’ kemm tieħu kuraġġ u fejqan! Minn dak li ħariġli bih stajt nintebaħ li ma kellux xi agenda moħbija. Għall-erwieħ jaħasra!

Konna qed nitħaddtu fuq il-kultura tal-partners. F’pajjiżna illum ħafna għandhom partners. Min fil-ħajja tal-imħabba tiegħu jew tagħha. U min ukoll fin-negozju. Mela, fid-dawl ta’ dan kollu, tefagħli waħda bl-Ingliż: “Taf x’imissna ngħidu għall-Mulej: My partner is always faithful!” Meta smajtha din waqqaft par widnejn daqshiex! Kos hux! Kemm hi veru din!

Kemm hawn min weġġa’ minħabba l-partner tiegħu u tagħha! Kien hemm min qabad lill-partner tiegħu jew tagħha jikkummiedja fuq il-Facebook. U mbagħad, addijo l-partner u l-weekend breaks! L-għaliex il-partner b’ta fuqu senduqu kellu joħroġ mid-dar! U jekk le l-partner kien se jkollu jara lill-pulizija li kien se jkaxkru jew ikaxkarha ‘l barra t-triq bil-forza! Eh il-partner! Imbagħad kien hemm każ ieħor. Il-partner aqta’ kemm kien iħobbha! Daqskemm kien jgħir għaliha! Alla jbierek! U tant kemm kien iħobbha li labilha xebgħa xebgħun u tefagħha l-isptar bix-xebgħa li balltilha. Grazzja u mnalla li ma qatilhiex! Għax hekk jaf iħobb il-partner! U, fl-aħħar nett, biex ma nsemmux it-taħwida li ħawwad il-partner fin-negozju. L-għaliex, ċerta somma flus, dejjem Alla jbierek, ma nafx kif qatt ma rat id-dawl tax-xemx. Eh! Il-partner! U nistgħu nibqgħu sejrin hekk!

Ħbieb, ejjew ma nibqgħux induru mal-lewża! Kollha għandna bżonn partner! X’int tiskanta ħija u oħti? Jekk int u jien ġejna maħluqa minn Tlett Partners eterni, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu? Dawn il-partners, dejjem safejn naf jien, qatt ma tellgħu lil xulxin il-qorti. U lanqas ma jaqilbuha lil xulxin. U, wisq aktar, qatt ma ħasbu ħażin f’xulxin! Dawn il-partners dejjem jgħixu f’sintonija flimkien. F’imħabba safja u perfetta. Partners huma! U kif? Darba qassis għallimni kif u tbellaħt! Il-Missier hu Missier l-għaliex iħobb. U l-Iben, l-għaliex hu maħbub, iħobb lura lill-Missier. L-imħabba ta’ bejniethom hija l-Ispirtu s-Santu. Li huwa t-Tielet Partner f’din ir-relazzjoni!

Ir-relazzjonijiet tagħna, f’din id-dinja, dejjem ikunu bejn tnejn. Imma dawn il-Partners divini huma tlieta. U għaliex tlieta? L-għaliex dak li hemm tgħaqqadhom hija L-IMĦABBA LI MA TMUT QATT BEJNIETHOM! Huma dejjem qiegħdin hemm għal xulxin. Kemm meta aħna nħobbuhom u kemm meta aħna, umani, inwarrbuhom. U din l-imħabba ta’ bejniethom aħna, sagramentalment, infissruha hekk: Inwegħdek li nkun fidil/a lejk fir-risq it-tajjeb u fil-ħażin, fis-saħħa u fil-mard u li nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha.
Ara kemm f’dawn iż-żminijiet qed nagħtu rigali. Aħjar ma nagħtu xejn u nagħtu din l-imħabba lil xulxin! Din l-imħabba fidila, fir-risq it-tajjeb u fil-ħażin, fis-saħħa u fil-mard. Din l-imħabba li hija rispett li jibqa’ għaddej matul ħajjitna kollha għal xulxin. U din għandna bżonn nitħarrġu fiha ilkoll kemm aħna. Jien l-ewwel wieħed!

Kuraġġ ħbieb! Ejjew nkunu hemm għal xulxin f’kull waqt u staġun f’ħajjitna. Hija din it-tip ta’ mħabba li tassew għandna bżonn ngħixu f’dawn l-erbat ijiem li għandna f’din id-dinja. Wara kollox mhux din hija l-veru ħajja: il-paċi u l-ferħ fina u bejnienta?

Dan ir-rigal ħareġ jaħraq mit-tilar tal-Kċina. Fl-Ewwel tas-Sena. Biex jibqa’ miegħek ħajtek kollha!

Nixtieqlek Sena mimlija mħabba fidila lejn l-oħrajn!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: