Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-qrubija ta’ Ġesù

Il-qrubija ta’ Ġesù


It-Tlieta 9 ta’ Jannar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-ħajja doppja tar-rgħajja hi ġerħa fil-Knisja: imma, anke jekk huma tilfu l-awtorità li tiġi biss mill-qrubija lejn Alla u lejn in-nies, qatt m’għandhom jitilfu t-tama li jiksbu mill-ġdid il-koerenza u l-ħila li jħossuhom imqanqlin.

 

Dalgħodu, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku wissa lir-rgħajja biex ma jiċċelebrawx is-Sagramenti mekkanikament, bħall-pappagall, u biex il-bibien tagħhom ma jiftħuhomx għan-nies f’ħinijiet stabbiliti biss għax inkella jitilfu l-awtorità, u anke jekk jipprietkaw il-verità ma jkunux jistgħu jifhmu l-problemi tan-nies biex jaslu fi qlubhom.

Fil-pass tal-Vanġelu skont San Mark (1, 21-28) li qrajna fil-Vanġelu tal-lum, il-kelma ‘awtorità’ tittenna darbtejn, innota minnufih il-Papa. Fis-sinagoga ta’ Kafarnaum infatti, in-nies baqgħu mistagħġbin bit-tagħlim tiegħU: Hu kien jgħallem bħal wieħed li għandu l-awtorità u mhux bħall-Iskribi.

Hu ċar, kompla Franġisku, li ninsabu quddiem tagħlim ġdid, mogħti bl-awtorità: saħansitra jikkmanda lill-ispirti mniġġsa u dawn jobduh! U n-novità ta’ Ġesù hi din l-awtorità, afferma Franġisku. In-nies kienu mdorrijin bl-Iskribi, bid-dutturi tal-liġi: huma kienu jitkellmu u n-nies kienu jaħsbu xi ħaġa oħra, għax dak li kienu jgħidu ma kienx jasal fil-qalb. Huma kienu jitkellmu dwar ideat, duttrina, u dwar il-liġi wkoll, u kienu jgħidu l-verità. Dan tant hu minnu li Ġesù lin-nies jgħidilhom: ‘Isimgħuhom u agħmlu dak li jgħidulkom.’

L-imgħallmin tal-liġi kienu jgħidu l-verità, iżda din ma kinitx tasal sal-qalb – kollox kien kalm, bla skossi, osserva l-Papa – filwaqt li t-tagħlim ta’ Ġesù iqanqal l-istagħġib, iċ-ċaqliq tal-qalb. U x’jiġri? Minħabba f’hekk in-nies kienu jiġru warajH għax kienu jifhmu li dak li kien jgħid dak ir-raġel kien qed jgħidu bl-awtorità.

Allura l-Papa għamel stedina biex issir riflessjoni sew dwar il-kunċett tal-awtorità. Infatti, kompla jiċċara, l-awtorità mhijiex: jien ngħid u inti tobdi. Le, hi xi ħaġa oħra: hi don, hi l-koerenza. U Ġesù kien irċieva dan id-don tal-awtorità.  Ngħid ‘don’, miniex ċert jekk hix il-kelma t-tajba, imma kienet tinsab fiH. B’hekk, meta fi tmiem il-Vanġelu ta’ Mattew naqraw dwar l-istedina lill-Appostli biex ikunu ‘missjunarji’ fid-dinja kollha, Huwa jgħidilhom: ‘Lili ngħatat l-awtorità fis-sema u fl-art.’ Qiesu qed jgħid: ‘Jiena raġel ta’ awtorità. Morru, imma b’din l-awtorità, b’din il-koerenza.’

Hija awtorità divina, li tiġi minn Alla, afferma mill-ġdid il-Papa. Għalhekk, meta d-dixxipli staqsewh dwar meta se tintemm id-dinja, Hu jwieġeb: ‘Lil ħadd m’hu magħruf, lanqas lill-Iben. Dan hu mument li jinsab f’idejn l-awtorità tal-Missier.’ Dan hu dak li kellu Ġesù bħala ragħaj, u l-poplu kien jitkellem dwar ‘tagħlim ġdid’, mod ta’ tagħlim ġdid li jnissel l-istagħġib, li kien jinżel fil-qalb. Mhux bħall-Iskribi. Ġesù kien ragħaj li jgħallem bl-awtorità, tenna l-Papa.

Iżda x’kienu jagħmlu l-Iskribi?, staqsa l-Papa. Huma kienu jgħallmu dak li kienu tgħallmu huma stess fl-iskola rabbinika, li kienet l-università ta’ żmienhom, huma u jaqraw it-Torah. Kienu jgħallmu l-verità. Ma kinux jgħallmu ħwejjeġ ħżiena, assolutament li le! Kienu jgħallmu l-veritajiet tal-liġi. Imma ma kinux jaslu fil-qalb tan-nies għax kienu jgħallmu ‘mill-kattedra’ u ma kienx jimpurtahom min-nies.

Għax l-awtorità tiġi biss mill-qrubija u Ġesù kellu l-awtorità għax kien jersaq lejn in-nies. B’hekk Hu kien jifhem il-problemi tan-nies, kien jifhem it-tbatijiet tagħhom, kien jifhem dnubiethom. Per eżempju, kompla jispjega l-Papa, Ġesù fehem li dak il-paralitiku ħdejn il-menqa ta’ Betsajda kien midneb u, wara li fejqu, qallu: ‘Tidnibx aktar.’ U l-istess għamel mal-adultera.

Il-Mulej seta’ jgħid dal-kliem għax kien qrib, jifhem, jilqa’, ifejjaq u jgħallem bil-qrubija. Għalhekk dak li jagħti l-awtorità lir-ragħaj, jew li jqajjem mill-ġdid l-awtorità mogħtija mill-Missier, huwa l-qrubija: il-qrubija lejn Alla permezz tat-talb.  Ragħaj li ma jitlobx, ragħaj li ma jfittixx lil Alla, jitlef biċċa minnu nnifsu u ma jibqax qrib in-nies. Huwa fatt, żied jgħid Franġisku, li r-ragħaj maqtugħ min-nies qatt ma jasal għandhom bil-messaġġ tiegħu.

Għaldaqstant, kompla jinsisti l-Papa, hemm bżonn tal-qrubija, qrubija doppja. Din hi d-dilka tar-ragħaj: li jħossu mqanqal quddiem id-don ta’ Alla fit-talb, u li jista’ jħossu mqanqal quddiem id-dnubiet, il-problemi, il-mard tan-nies.  Għax dan kollu jqanqal lir-ragħaj.

Iżda, dawn l-Iskribi ma kinux iħossuhom imqanqlin; kienu tilfu dik il-ħila għax ma kinux qrib la tan-nies u lanqas ta’ Alla. U meta din il-qrubija tintilef, fejn jispiċċa r-ragħaj? Fl-inkoerenza tal-ħajja. Ġesù, fakkar Franġisku, huwa ċar dwar dan: ‘Agħmlu dak li jgħidulkom’ – qed jgħidu l-verità – ‘imma tagħmlux dak li jagħmlu huma.’ Din hi l-kwistjoni tal-ħajja doppja.

Ikrah tara rgħajja li jgħixu ħajja doppja: hi ġerħa għall-Knisja, qal il-Papa. Ikrah tara rgħajja ‘morda’, li tilfu l-awtorità u jibqgħu jgħixu ħajja doppja. Imma hemm ħafna modi kif wieħed jgħix ħajja doppja u Ġesù huwa iebes ħafna magħhom: lin-nies ma jgħidilhomx biss biex jisimgħuhom, imma biex ma jagħmlux bħalhom. U lilhom x’jgħidilhom? ‘Oqbra mbajda’, sbieħ fid-duttrina imma maħmuġin jintnu minn ġewwa. U proprju dan hu d-destin tar-ragħaj li ma jkunx qrib ta’ Alla bit-talb u qrib tan-nies bil-ħasra.

Forsi, afferma l-Papa, xi ragħaj jista’ jagħraf li jkun tilef din il-qrubija u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Ma nitlobx; meta niċċelebra s-Sagramenti nagħmel kollox mekkanikament, bħall-pappagall; in-nies għejjewni – jien lest nilqagħhom mit-tali ħin sat-tali ħin: indendel il-ħinijiet mal-bieb. M’iniex qrib: tlift kollox.’

Dwar dan tiġini f’moħħi figura biblika ta’ saċerdot li jnissilli tenerezza. Hi l-istorja tax-xwejjaħ Eli li nsibu fil-Ktieb ta’ Samwel (1, 9-20). Eli kien dgħajjef, kien tilef il-qrubija lejn Alla u lejn in-nies, u kien iħalli kollox għaddej. Uliedu, kompla l-Papa, kienu jittrattaw ħażin lin-nies.  Kienu saċerdoti, kienu jmexxu l-affarijiet, u hu kien iħalli kollox għaddej.  Imma kien hemm, dejjem, qatt ma ħalla t-tempju. Darba ra mara, Anna, qed titlob, u din ġibditlu l-attenzjoni.  Iżda ħaseb li kienet fis-sakra, u għalhekk talabha tmur lejn darha biex tgħaddilha s-sakra.

Imma fis-silta mit-Testment l-Antik naqraw li Anna wriet li ma kienet fis-sakra xejn, imma mimlija mrar f’qalbha għal raġuni partikolari. Infatti hi tgħid: ‘Tqisx lill-ilsira tiegħek bħala mara ħażina,’ għax s’issa kien qed jitkellem in-niket kbir u d-dwejjaq ta’ ġo fiha. U waqt li kienet titkellem, innota l-Papa, hu rnexxielu joqrob lejn dik il-qalb: in-nar saċerdotali ħareġ minn qalb l-irmied ta’ ħajja medjokri, mhux tajba, ta’ ragħaj. U allura Eli jwieġeb: ‘Mur fis-sliem u Alla ta’ Iżrael itik dak li tlabtu.’

Għalhekk Eli, li kien tilef il-qrubija lejn Alla u lejn in-nies – kompla Franġisku – resaq lejn dik il-mara għall-kurżità, imma mbagħad semagħha, induna li żbalja, u minn qalbu ħarġet il-barka u l-profezija. U Franġisku ried jipproponi l-attwalità tal-istorja ta’ Eli: Jien ngħid lir-rgħajja li jgħixu ħajja maqtugħa minn Alla u mill-poplu: titilfux it-tama, dejjem hemm possibiltà oħra. Tant hu hekk li għal Eli kien biżżejjed li jersaq qrib, iħares lejn dik il-mara, jismagħha, biex iqajjem fih mill-ġdid l-awtorità ħalli jbierek u jipprofetizza.  Dik il-profezija seħħet u l-mara tweldilha iben.

L-awtorità, temm il-Papa, hi don ta’ Alla, tiġi biss minnu, u Ġesù jagħtiha lil tiegħu: awtorità biex jitkellmu, li tiġi mill-qrubija lejn Alla u lejn in-nies, dejjem it-tnejn flimkien.  Awtorità li hi koerenza, mhux ħajja doppja. U jekk ragħaj jitlef l-awtorità, għall-anqas m’għandux jitlef it-tama, bħal Eli: dejjem hemm iż-żmien biex wieħed joqrob mill-ġdid u jqajjem fih l-awtorità u l-profezija.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: