Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Sena ġdida ma’ Bud Spencer!


Wieħed mill-atturi li tant inħobb nara u li jagħtuni ħafna kuraġġ fil-ħajja Franġiskana Kapuċċina tiegħi huwa, mingħajr dubju, Carlo Pedersoli. Iżda, jiena u int, lil dan Pedersoli nafuh, b’mod professjonali, bħala Bud Spencer! Jew il-Bud!

Dan l-imbierek ta’ Bud għandu waħda li lili aqta’ kemm taffaxxinani. Barra li meta nkun bihom (u ma nafx jekk int tkunx xi minn daqqiet bihom ukoll? U allura tikkumpatini minflok ma tikkundannani) u jfettilli nara xi film minn tiegħu tgħidx kemm nogħla ‘il fuq! L-għaliex aqta’ x’fettillu jagħmel dak il-famuż Bud? U issa irridu nkunu sinċieri tafux! Inkella jitwal imneħirna u wiċċna jikkrieh bil-bosta! Mela, Bud ma jistax jiġri wara l-ħalliel. U r-raġuni hija ovvja. Għandu daqshekk piż fuq saqajh miskin! Dak jekk jiġri aktar milli jmissu żgur li qalbu tinbeżaqlu ‘l barra! Allura x’jagħmel? Faċli ħafna! Min jiġi f’saqajh, f’radda ta’ salib, jagħmlu ragħad!

Naħseb li tiftakruhom dawk il-magħrufin xebgħat li Bud kien ta lill-avversarji tiegħu. Ġieli l-ħelwin, (għaliex aħjar ngħidilhom hekk), qabżu xi erba’ minnhom fuqu. Biex, u dejjem mingħalihom, li se jħolluh bix-xebgħa li kienu se jagħtuh. Imma xi jħollu jħollu? Aktar kien hu li ħallhom waħda u tajba bix-xebgħa li għoġbu jfajrilhom. Bud qabadhom tajjeb bejn idejh u ċempilhom ċempila tajba! Liema ċempilha baqgħu jiftakruha għomorhom kollu! U min ħabat mal-pole, min spiċċa fil-ġnien u min ġie fix-xitla tal-cactus! Aħħ! Ajma x’uġiegħ! Eh meta ma tirrispettax l-avversarju tiegħek u ma tqisx il-qawwa tiegħu x’jiġrilek! X’jiġirli!

Ara taħsbu li Bud kien xi wieħed prużuntuż tafux! Xejn affattu. Kien konxju mill-limiti tiegħu. Kien jaf li ma setax jagħmel l-impossibbli. Għalhekk kien konxju li ma setgħax jiġri warajhom. Jaqbadhom. U jkaħħalhom ma’ ħajt. Imma ħej min ġie f’saqajh ma qamx! Baqa’ hemm! Għax il-bajtra meta taqa’ f’ħalq Bud m’għandiex ċans li sa toħroġ sħiħa! Grazzja u mnalla li tgħid AMEN!

Dan l-eżempju ta’ Bud lili jgħallimni tagħlima kbira. Kemm hu mportanti li fil-ħajja l-opportunitajiet li jiġuna biex inħallu lill-Mulej jagħmel xebgħa ġid bina nagħmluhom! Inwettquhom! Insarrfuhom! Forsi s-sena li, bħalissa, qiegħdha tieħu l-aħħar nifsijiet tagħha, kont traskurat jew traskurata f’dan. Tgħażżint! Ħaddta bil-lajma! Jaħasra l-Mulej tani xebgħa opportunitajiet biex bihom jagħmel ħafna ġid bija u jien, l-għaliex ipprokrastinajt, ma tajtx kashom. Hemm! Tahomli f’saqajja. Pinġuti! Hemm! Kont kważi waqajt fihom! Imma jien, għal xi raġuni, ħlejthom! Bqajt għaddej mal-ħajt! ‘Il bogħod ‘il bogħod!

Sabiħa li kieku nista’ immur in-naħa l-oħra tad-dinja u ngħin il-fqar t’hemmhekk. Sabiħa kieku li nista’ indur ma’ kull pajjiż nippriedka ħa jduru kollha lejn il-Mulej Ġesù. Dawn aqta’ kemm huma affarijiet sbieħ! Imma dan jien ma nistax nagħmlu. L-għaliex, jekk nipprova nagħmlu, jiġrili bħalma kien se jiġrilu l-Bud li kieku ma rrispettax il-limiti tiegħu. Kien jiġrili li kont nitlaq niġri kemm niflaħ u naqsam qalbi! Għaliex? Uuu! L-għaliex inkun indħalt għall-piż li ma nifilħux!

Madankollu huma ħafna l-okkażjonijiet li jiġu f’saqajja biex, bħal Bud, l-opportunità naħtafha! Iva! U fuq l-eżempju ta’ Bud. Ħalli min forsi qed jiskrupla b’dan l-eżempju jibda’ imqar jiftaħ ftit moħħu u qalbu ħa jifhem! Jekk jien qiegħed bilqiegħda għall-kwiet, nieħu tè, u tiġi int u tibda’ tirrakkuntali minn xiex għaddej jew għaddejja, għalija m’hijiex dik opportunità li nħalli lill-Ispirtu s-Santu jagħti xebgħa kbira lill-ispirtu ta’ niket li bih tkun imtaqqal u imtaqqla int? Ma tkunx dik opportunità li l-Ispirtu ta’ Alla jarresta lil dan l-ispirtu tal-infern li jtaqqalna u jġibilna ħajjitna miżerja? Dak l-ispirtu li jgħollilna mhux il-moral imma l-pressjoni m’ogħla s-sema?

Inkella, jekk inkun għaddej minn kuritur, u int twaqqafni u tgħidli: “Sur Patri! Konfuż! Konfuża! Għinni ftit? Ara din hi l-problema!” U jien, minflok li nibqa’ għaddej jew ngħidlek “ma nistax!”, nieqaf, noqgħod nisimgħek u nurik x’għandek tagħmel, ma jkunx l-Ispirtu s-Santu fija ta xebgħa kbira lill-ispirtu ħażin tal-konfużjoni li jkun qed jattakkak? Ma jkunx Hu li jkun tajru minn nofs? Eżatt bħalma tefa’ fil-cactus l-avversarji tiegħu Bud Spencer?

Il-Mulej, fl-esperjenza tiegħi man-nies, jgħallimni kontinwament li huwa ħafna aktar prattiku minn kif ipaspruh xi “qaddisin” bħali. Mela ejja numiljaw ruħna u nħalluh jissorprendina! Kif jgħidilna Papa Franġisku! Li miegħu jkollna nirsistu! Biex inpoġġieha ala Ġorġ tal-Mużew!

F’din is-sena li ġejja fuqna, 2018, ejjew ma nitilfux opportunità waħda li biha nħallu lill-Mulej jagħmel ħafna ġid bina! Li bina jagħmel ragħad lill-ħażen u lill-ħażin li jittentana!

Is-Sena t-Tajba ma’ Bud Spencer!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s