Il-kant tal-“Glorja” u t-talba tal-Kolletta


7. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 10 ta’ Jannar 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja ta’ katekeżi fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, rajna kif l-Att Penitenzjali jgħinna ninżgħu mill-preżunzjonijiet tagħna u nersqu quddiem Alla kif aħna tassew, konxji li aħna midinbin, bit-tama li niġu maħfura.

 

Proprju mil-laqgħa bejn il-miżerja umana u l-ħniena divina titgħajjex il-gratitudni espressa fil-Glorja, “innu antikissmu u mill-aktar għażiż li bih il-Knisja, miġbura fl-Ispirtu s-Santu, issebbaħ u titlob lil Alla l-Missier u lill-Ħaruf” (Ordni Ġenerali tal-Missal Ruman, 53).

Il-ftuħ ta’ dan l-innu – “Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet” – jerġa’ jaqbad mal-għana tal-Anġli fit-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem, tħabbira hienja tat-tgħanniqa bejn is-Sema u l-art. F’dan il-kant għandna sehem aħna wkoll miġbura fit-talb: “Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”.

Wara l-“Glorja”, jew, meta ma jkunx hemm, dritt wara l-Att Penitenzjali, it-talb jieħu għamla partikulari f’dik li tissejjaħ il-“Kolletta”, li tesprimi l-karattru proprju taċ-ċelebrazzjoni, li tvarja skont il-jiem u ż-żminijiet tas-sena (ara ibid., 54). Bl-istedina “Nitolbu”, is-saċerdot isejjaħ lill-poplu biex jinġabar flimkien miegħu f’waqt ta’ skiet, biex jista’ jagħraf li jinsab quddiem Alla u hekk, mill-qalb ta’ kull wieħed u waħda, joħorġu l-fehmiet personali li bihom qed jieħu sehem fil-Quddiesa (ara ibid., 54). Is-saċerdot jgħid: “Nitolbu”; u mbagħad isegwi mument ta’ skiet, u kulħadd jaħseb f’dak li għandu bżonn, dak li jixtieq jitlob, fit-talb.

Is-skiet mhux il-vojt mill-kliem, imma qiegħed hemm biex niddisponu ruħna ħalli nisimgħu ilħna oħra: dak tal-qalb tagħna u, fuq kollox, il-leħen tal-Ispirtu s-Santu. Fil-Liturġija, in-natura tas-skiet imqaddes tiddipendi mill-mument li fih iseħħ: “Waqt l-Att Penitenzjali u wara l-istedina għat-talb, jgħin għall-ġabra; wara l-qari jew l-omelija, isejħilna biex nimmeditaw fil-qosor dak li smajna; wara t-Tqarbin, jgħin fit-talb ġewwieni ta’ tifħir u ta’ supplika” (ibid., 45). Għalhekk, qabel it-talba tal-bidu, is-skiet jgħinna nidħlu fina nfusna u naħsbu għaliex qegħdin hemm. Għalhekk mela hu importanti li nisimgħu lill-qalb tagħna biex imbagħad niftħuha għall-Mulej. Forsi ġejjin minn jiem ta’ tħabit, ta’ ferħ, ta’ wġigħ, u nixtiequ ngħidu b’dan lill-Mulej, nitolbu l-għajnuna tiegħu, nitolbuh ikun qrib tagħna; għandna familjari u ħbieb morda jew għaddejjin minn provi ibsin; nixtiequ nafdaw lill-Mulej ix-xorti tal-Knisja u tad-dinja. U għalhekk hemm bżonn ta’ dan is-skiet qasir qabel ma s-saċerdot, waqt li jiġbor flimkien il-fehmiet ta’ kulħadd, jesprimi b’leħen għoli lil Alla, f’isem kulħadd, it-talba komuni li tagħlaq ir-Rit tal-Bidu, billi jagħmel il-“kolletta” [ġabra] tal-fehmiet ta’ kull wieħed u waħda. Nirrakkomanda bil-qawwa lis-saċerdoti biex josservaw dan il-mument ta’ skiet u ma joqogħdux jgħaġġlu: “Nitolbu”, u ħa jkun hemm ftit skiet. Dan ngħidilhom lis-saċerdoti. Mingħajr dan is-skiet, nirriskjaw li nittraskuraw il-ġabra tar-ruħ.

Is-saċerdot jaqra din is-supplika, din it-talba tal-Kolletta, b’dirgħajh miftuħa, għax dan hu l-atteġġjament ta’ min jitlob, li l-Insara kellhom sa mill-ewwel sekli – kif jixhdu l-affreski tal-katakombi Rumani – biex jimitaw lil Kristu b’dirgħajh miftuħa fuq l-għuda tas-salib. U hemm, Kristu hu Dak li jitlob u fl-istess ħin hu t-talba! Fil-Kurċifiss nagħrfu lis-Saċerdot li joffri lil Alla l-qima mogħġuba minnu, jew aħjar, l-ubbidjenza ta’ wlied.

Fir-Rit Ruman it-talbiet huma qosra imma għanja fit-tifsir: jistgħu jsiru tant meditazzjonijiet sbieħ fuq dawn it-talbiet. Tant sbieħ! Jekk nerġgħu nimmeditaw it-testi, anki barra mill-ħin tal-Quddiesa, dan jista’ jgħinna nifhmu kif għandna nduru lejn Alla, x’għandna nitolbuh, xi kliem nużaw. Jalla l-Liturġija ssir għalina lkoll skola vera ta’ talb.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.