Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ħames punti għas-sena 2018

Ħames punti għas-sena 2018


Il-bidu ta’ sena ġdida jġib miegħu ħwejjeġ ġodda. Tamiet ġodda. Il-bidu ta’ sena ġdida jagħtina dik it-tama li t-tajjeb dejjem jegħleb lill-ħażin. Ġaladarba nibqgħu nemmnu fih! Kemm xogħol jaf iwettaq it-tajjeb! Dejjem jekk inħalluh jaħkimna!

Fix-xogħol li l-Mulej tani ma’ ħutna l-morda spiss niltaqa’ ma’ mistoqsija li anki lili issallabni kull darba li jagħmluhieli. Mistoqsija li anki lili toħloqli l-problemi. X’inhi r-rieda tal-Mulej? Ejja nkun aktar speċifiku mingħajr ma nħalli l-biża’ taħkimni: Hija rieda tal-Mulej li jien għandi marda qalila? Marda terminali? Hija rieda tal-Mulej li jien nitlef lil xi ħadd għażiż għalija u li jien tant inħobb? Tliftu b’liema mod tliftu? Hija rieda tal-Mulej li hawn il-faqar, l-inġustizzji u li tant nies qed ibatu fis-skiet fostna? Hija rieda tal-Mulej din?

Nistgħu nibqgħu nistaqsu għall-eternità din il-mistoqsija u abbli t-tweġiba li hi tweġiba ma nsibux għaliha. Tgħid hemm tweġiba jew m’hemmx? Mingħajr ma nidħol fil-merti ta’ dan xi xhur ilu smajt taħdita fl-irtir tas-sena li għamilt bħala Patri li għamlitli biżibilju ġid u kuraġġ. Għalhekk, il-għan tiegħi ta’ dawn ir-riflessjonijiet m’huwiex le li insib it-tweġiba jien. Inkun prużuntuż bil-qabda jekk nipprova nagħmel dan akkost ta’ kollox. Wara kollox jien min jien biex noħroġ bit-tweġiba? Iżda nħossni ħafna fid-dmir, u dmir lejn il-verità li ġejja mill-Mulej, li nipproponi l-ħsieb ta’ San Tumas t’Akwinu fuq dan l-argument. Nerġa’ ngħid, ma naħsibx li wieħed b’daqshekk jista’ qatt isib tweġiba għal dak li jgħaddi minnu hu inkella għal dak li jgħaddu minnu dawk li hu jew hi iħobb u tħobb. Imma, u dan ngħidu b’esperjenza personali, meta wieħed jinżel fil-ħsieb ta’ San Tumas t’Akwinu dwar ir-rieda tal-Mulej wieħed isib dak il-kuraġġ li jkollu bżonn biex fil-ħajja jissokta iterraq ‘il quddiem. U hekk, jgħaddi minn xiex jgħaddi, inkella jgħadduh minn xiex jgħadduh, jibqa’ isib it-tama quddiemu li tkun qed tistennieh.

Għal San Tumas t’Akwinu jeżiżtu ħames forom tar-rieda tal-Mulej. L-ewwel, ir-rieda tal-Mulej projbittiva. It-tieni, ir-rieda tal-Mulej imperattiva. It-tielet, ir-rieda tal-Mulej dispożittiva. Ir-raba’, ir-rieda tal-Mulej desiderattiva. Il-ħames, ir-rieda tal-Mulej permissiva. Ikun għaqli issa li, wara li ppreżentajniehom, nibdew ninżlu ftit fid-dettall fuq kull waħda minnhom.

L-ewwel tip tar-rieda tal-Mulej hija projbittiva. Jiġifieri r-rieda tal-Mulej toffrilna prjobizzjoni. Tpoġġilna limitu. Bħalissa, eżempju ċarissimu tar-rieda projbittiva tal-Mulej hija dik li nsibu fl-Għaxar Kmandamenti. Fil-lista tal-Kmandamenti insibu tmienja minnhom li jitħaddtu dwar għemejjel li aħna qatt m’għandna nwettqu. Mela, insibu l-Kmandamenti: Ma jkollokx Alla ieħor għajri, La ssemmix l-Isem ta’ Alla fil-batal, La toqtolx, La tiżnix, La tisraqx, La tgħidx kelma b’oħra, La tixtieqx nisa u rġiel tal-oħrajn, La tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn. Anki l-Kelma ta’ Alla tkellimna fuq li tkellimna fuq għemejjel oħra li int u jien m’għandna qatt nagħmlu. Jiġini f’moħħi dak li tgħidilna l-Ittra lill-Galatin meta titħaddet dwar l-għemejjel tal-ġisem. Hija tgħidilna ċar u tond: “L-egħmejjel tal-ġisem huma magħrufa: żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbaħrid, u ħwejjeġ bħal dawn: Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiretx is-saltna ta’ Alla” (Gal 5:19-21).

Barra minhekk ir-rieda tal-Mulej għedna li hi wkoll imperattiva. Jiġifieri din ir-rieda tgħidilna, b’mod ċar, dak li għandna nagħmlu. Nibdew mill-Kmandamenti stess. F’din il-lista hemm tnejn minnhom li juruna eżattament dak li għandna nagħmlu: Ħares il-Ħdud u l-Btajjel kollha u Weġġaħ lil Missierek u ‘l Ommok. Barra minhekk il-Kelma ta’ Alla turina wkoll x’għandna nagħmlu ma’ ħutna l-bnedmin. Jiġini f’moħħi u f’qalbi il-pass mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani li jgħidilna hekk: “Jekk il-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu” (Rum 12:20). Inkella, mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin nsibu hekk: “Il-frott ta’ l-ispirtu huma: l-imħabba, il-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn m’hemmx liġi” (Gal 5:22-23).

It-tielet għamla ta’ rieda tal-Mulej hija dik dispożittiva. Jiġifieri hija dik ir-rieda fejn il-Mulej, f’ħajti, jippermetti sitwazzjonijiet xejn sbieħ. Huma x’inhuma. Kemm ta’ mard u anki ta’ mewt. F’dawn is-sitwazzjonijiet quddiemi tinfetaħ possibbiltà tabilħaqq kruċjali. Jew naċċetta dawn is-sitwazzjonijiet u allura qalbi timtela’ bil-paċi tiegħu. Inkella dawn is-sitwazzjonijiet nibqa’ ma nilqagħhomx. Nibqa’ inżommhom ‘il bogħod sewwa minni. U allura fija qatt ma jista’ ikolli l-paċi vera li tiġi biss minn Ġesù.

Ir-raba għamla ta’ rieda tal-Mulej hija dik tax-xewqa. Jew aħjar, kif insibuha mfissra fit-terminu Taljan, volontà di desiderio. Aħna ilkoll nafu li l-Mulej iridilna ħafna ġid. U, il-ġid li jridilna, huwa inkalkulabbli tabilħaqq. Moħħna u qalbna la jistgħu jaħsbuh u lanqas iġorruh! Fost ħafna affarijiet iridna ma ninkwetawx u, minflok, jħeġġiġna ħalli nfittxu s-Saltna ta’ Alla. Bħalissa jiġini quddiem għajnejja dak il-pass sabiħ meħud mid-diskors tal-Muntanja fejn Ġesù jgħidilna: “Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata” (Mt 6:31-34). Kos hux kemm dan id-diskors dwar l-inkwiet u t-tħassib jgħodd għalina illum! Kemm sirna ninkwetaw u nitħassbu fuq kollox! Veru? Tgħid wasal iż-żmien li ninkwetaw u nitħassbu anqas l-għaliex moħħna, qalbna u ruħna jkunu mwaħħda aktar ma’ Kristu, bi Kristu u fi Kristu?

L-aħħar għamla ta’ rieda ta’ Alla hija dik permissiva. Il-Mulej jippermetti l-ħażen u d-dnub. Jippermetti katastrofi naturali inkella katastrofi li jagħmel il-bniedem stess minħabba li jħalli lilu nnifsu jiġi misjuq mill-ħażen. Ħafna, bir-raġun, jistaqsuni: “Imma Patri! Alla li jista’ kollox kif ma waqqafhomx? Kif ma uriex snienu magħhom? Fejn hu l-Mulej?” Iva ħbieb! Anki hawn għandna sfida kbira ħafna għall-fidi tagħna. U ma niskantax li jkun hawn, minn fostna, jaqta’ qalbu u ma jemminx aktar. Biss, f’dawn il-mumenti iebsa, jerġa’ iva jiġini f’moħħi l-kliem ta’ l-omelija mill-isbaħ li smajt fil-funeral ta’ wieħed żgħażagħ. Il-predikatur dakinnhar kien qal: “F’mumenti ta’ tlajja’ fil-ħajja ejjew ma niggranfawx mal-ottimiżmu iżda mal-kuraġġ!” U veru ħbieb! Dan bħali meta, fil-ħajja tal-kunvent, ukoll ikolli nġarrab ħafna tbatija fis-skiet. Tbatija kbira li l-Mulej biss ikun jafha. Li kieku nkun pożittiv ilni li ppakkjajt u tlaqt ‘il barra. Huwa l-kuraġġ li l-Mulej jagħtini ħa nibqa’ miexi li jżommni għaddej. U minkejja l-ħallel u l-ostakli li jqegħdli x-xitan biex jipprova jaqtagħli qalbi, il-Mulej jibgħatli anġli li jimxu miegħi f’dan il-vjaġġ diffiċli imma sabiħ ferm.

Kuraġġ ħbieb! Kuraġġ! Ejjew tul din is-sena niftakru f’ħames punti li lilna jagħmlulna ħafna kuraġġ ħa nissuktaw noforqu l-imwieġ li jippruvaw jibilgħuna. Dan l-għaliex, int u jien, nafu li l-Mulej qed iħobbna billi jurina x’m’għandniex nagħmlu, x’għandna nagħmlu, jagħtina l-kuraġġ ħa nkomplu naqdfu ‘il quddiem, u meta jurina x’jixtieq jagħmel fina u bina, l-aktar meta nħossuna imkissrin bil-ħażen u d-dnub tagħna u ta’ ħaddieħor.

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: