Żmien sabiħ għall-poplu ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 13 ta’ Jannar 2018. Diskors tal-Awguri tas-Sena l-ġdida ta’ Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, lill-kleru fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

F’jum b’xemx taqli l-ankri, wieħed iblah xegħel fanal u mar iħaffef fejn it-tokk jgħajjat b’garġi daqsiex: “Qed infittex lil Alla! Fejn hu Alla?”. Fit-tokk kien hemm miġbura ġgajta ta’ nies li ma jemmnux f’Alla u meta dawn semgħu lil dan l-iblah, bdew bil-bullying: jiżżuffjettaw bih u jikkummentaw: “Jaqaw Alla ntilef bħal tifel żgħir! Forsi Alla staħa għax jibża’ minna? Jew Alla mbarka fuq vapur u emigra?”.

B’dan ir-rakkont il-filosfu F.W. Nietzsche ried jeżalta l-kobor tal-bniedem li kien kapaċi joqtol lil Alla – għax meta l-bniedem jelimina lil Alla, imbagħad hu stess jieħu post Alla u jsir superman. Għalkemm dan ir-rakkont jiddeskrivi s-soċjetà lejn tmiem is-seklu dsatax (1882), inħoss li hawn għandna ritratt tat-tokk tagħna llum.

Illum ukoll l-iblah jidħol f’nofsna u jipprova jiftħilna għajnejna b’xafra ta’ qasba biex ninnutaw il-baħħ li qed iħalli l-eklissi ta’ Alla. Il-belhieni jixtieq jgħinna nintebħu bil-konsegwenzi koroh tal-fatt li qbadna sponża f’idejna u ħassarna x-xefaq. Dejjem fi kliem Nietzsche, l-iblah qed jistaqsi: “Kif xrobna l-baħar? Min tana l-isponża biex ħassarna x-xefaq? X’għamilna meta fridna l-art mix-xemx? Issa f’liema direzzjoni miexja l-art? Issa m’aħniex il-ħin kollu ser naqgħu ’l isfel mill-irdum? Baqa’ fuq u taħt? M’aħniex mixjin fil-baħħ infinit? M’intomx tintebħu li l-lejl qed isir dejjem aktar mudlam? Ma taqblux li sar għandna bżonn nixegħlu l-fanal filgħodu?”.

L-iblah li jsemmi Nietzsche jfakkarni f’Djoġene. Dan il-ħassieb ċiniku jirrakkonta li darba qabad f’idejh fanal ċkejken, indiehes mal-folla distratta li jkun hemm fis-suq u beda jgħajjat: “Fejn hu l-bniedem?”.

Huwa fatt li hemm rabta bejn dak li qed ifittex l-iblah (Alla) u dak li qed ifittex Djoġene (il-bniedem). Meta nitilfu lill-bniedem, nitilfu lil Alla; u meta nitilfu s-sens ta’ Alla, is-sens tal-infinit, nitilfu s-sens tal-eżistenza umana, “għax bħal siġra li tinqala’ mill-art jew xmara li ma tibqax tirċievi l-ilma, il-bniedem jinxef u jispiċċa jekk jinqata’ minn dak li huwa akbar minnu”. Min-naħa l-waħda d-diskors dwar Alla jsir ħafna astratt, jekk mhux ukoll kiebi, meta jkun distakkat mill-esperjenza umana; min-naħa l-oħra, lill-bniedem nistgħu nifhmuh biss u nirrispettawh fl-isfond tal-infinit. Meta noqtlu lil Alla, inkunu qtilna lill-bniedem. Kif għidt fil-messaġġ għall-Ewwel tas-Sena, “jekk Alla ma jeżistix, kollox huwa permess. Biex nagħti eżempju wieħed, jekk m’hemmx Alla, x’ser iżomm lill-bniedem milli jelimina l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf? Alla huwa l-arkitrav li fuqu sserraħ il-binja kollha personali, familjari, soċjali, ekonomika, legali”. Meta fil-kuxjenza tal-bniedem iseħħ l-assassinju ta’ Alla, il-bniedem isir dak li Sartre jsejjaħlu “passjoni inutli”, għax ħajtu ssir telfa kontinwa. Proprju biex mingħalih jegħleb dan is-sens ta’ inutilità u dan il-vojt, il-bniedem jipproġetta lilu nnifsu bħala Alla u jibda jaħseb li huwa ċ-ċentru ta’ kollox; imma billi din hija gidba, il-bniedem iħossu ffrustrat u deluż.

Semmejt dawn iż-żewġ parabboli, għax meta nħares madwarna kulma jmur nikkonvinċi ruħi mhux biss li l-bniedem qed jagħmel l-istess mistoqsijiet – fejn hu Alla u fejn hu l-bniedem –, imma agħar minn hekk, għax bħal donnu wasalna f’qagħda fejn in-nies tagħna lanqas biss jinteressaha tagħmel dawn l-interrogattivi! Fl-Ewropa r-riċerki jindikaw li hija mifruxa sew, b’mod partikulari fil-ġenerazzjonijiet ta’ dawk li huma taħt il-ħamsa u għoxrin sena, l-attitudni ta’ dawk li lanqas biss jifhmu għaliex il-bniedem għandu jistaqsi fejn hu Alla! Atew militanti kapaċi jistaqsik x’inhuma r-raġunijiet tiegħek għax temmen f’Alla; imma llum telgħin persuni li huma għalkollox indifferenti għad-diskors dwar Alla. Fil-kuntest tagħna dawn huma persuni li ismijiethom miktuba fir-reġistri tal-Knisja, għax irċivew is-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija. Illum il-bniedem huwa konvint li jista’ jgħaddi mingħajr Alla u ħajtu xorta tagħmel sens.

13.01.18

“Alla” sar “barrani” mhux biss fil-ħajja privata, imma wkoll f’dik pubblika. Is-soċjologi jgħidu li llum qed nassistu għal dik li tissejjaħ “eskulturizzazzjoni tal-Kristjaneżmu”, għax dak kollu li għandu riħa Kristjana qed jitwarrab mill-kultura. Daniele Hervieu-Leger, soċjologa Franċiża, tgħid hekk dwar il-Knisja fi Franza: “Il-Knisja tilfet kull saħħa biex tippromovi dik il-kultura li għal ħafna żmien hija kienet tħoss li għandha tgħaddi lil soċjetà li min-naħa tagħha ma riditx ikollha x’taqsam magħha; il-Knisja ma għadhiex dak ir-riferiment impliċitu u matriċi tal-qafas istituzzjonali globali. F’dan iż-żmien ta’ ultramodernità, is-soċjetà li “ħarġet mir-reliġjon” trid twarrab saħansitra l-marki li l-Knisja ħalliet fil-kultura”. Analista ieħor Franċiż jikkummenta li “dan l-aħħar żmien il-Knisja mhux qed jirnexxilha tikkontrolla l-evoluzzjoni tal-mudelli tal-familja li issa ma humiex aktar unjonijiet eterosesswali u monogamiċi, l-iżviluppi fil-parità tal-ġeneru, il-kontroll tat-twelid, il-preżenza dejjem tiżdied tal-mara fid-dinja tax-xogħol, u d-desakralizzazzjoni tal-vokazzjoni tal-mara għall-maternità”. Irid ikollna rasna fir-ramel biex ma nintebħux li s-soċjetà Maltija miexja f’din id-direzzjoni!

Għalhekk il-mistoqsija pertinenti li nagħmel lill-Knisja tagħna hija din: x’għandha tkun il-viżjoni u l-azzjoni pastorali tagħna f’dan il-kuntest sekularizzat u skristjanizzat (qed nagħmluha ma’ mgħammdin li nsew li huma mgħammda)? Huwa ammess li aktar faċli li titkellem dwar Kristu ma’ min qatt ma sema’ bih, milli ma’ min jaħseb li jaf kollox dwaru u għalhekk sar trux għall-Bxara t-tajba.

Importanti li ma nsirux nostalġiċi għall-imgħoddi, u allura biex mingħalina nżommu lil dawk li fadal milli jitilqu, noħolmu li nreġġgħu lura dak li kellna, li nerġgħu nqajmu riti u ritwali tal-bieraħ, li noħorġu mill-armarji paramenti liturġiċi li llum assolutament ma jagħmlux sens, jew li nibqgħu naħdmu bl-istess metodi u approċċi li dejjem kellna. Kif jirrimarka f’termini kalċistiċi Taljani Enzo Biemmi, għandna bżonn “giocare d’anticipo” u mhux “di rimessa”. Giocare d’anticipo jfisser li aħna nimpenjaw il-passjoni evanġelika u l-enerġija pastorali tagħna biex il-Kristjaneżmu jkollu wiċċ iħares ’il quddiem. F’dan iż-żmien ta’ transizzjoni kulturali, flok ma nħarsu lura u nibku l-imgħoddi, għandu jkollna fiduċja fl-Ispirtu s-Santu li żgur mhux ser jitlaq it-tmun tal-istorja, u li biex ixandru l-Vanġelu jqajjem irġiel u nisa li jkunu tajbin daqs dawk tal-bieraħ!

Nemmen li rridu noqogħdu attenti li ma nintrebħux minn tentazzjoni oħra: dik li naqraw b’lenti sewda l-kultura kontemporanja. Jekk ma nirriflettux sewwa, faċli li quddiem is-sekulariżmu tal-lum inkunu intransiġenti, negattivi, riġidi, lesti li nikkundannaw għax niġġudikaw id-dinja bħala “abbiss ta’ telfien”.

Nammetu li aħna l-Insara għandna xi kontijiet x’nagħmlu mas-sekulariżmu, għax ġieli aħna stess konna kawża li bl-eżempju tagħna fixkilna lil min kien qed ifittex! Ma nistgħux niċħdu l-fatt li hemm min tbiegħed mill-fidi u l-Knisja għax meta ltaqa’ magħna l-Insara ma rax fidi inkarnata fir-realtà ta’ kuljum. Kif jgħid Dun Luigi Giussani, dak li qed jiġri fix-xenarju tal-fidi mhux minħabba dgħufija ta’ koerenza jew morali biss, imma minħabba dgħufija ikbar ta’ kuxjenza – mhix kwistjoni ta’ dgħufija etika, imma għax il-kuxjenza tagħna ma għandhiex saħħa. Din is-saħħa hija nieqsa għax illum ma għandniex aktar evidenza reali – iġġarrfet ix-xhieda! Dwar dan aħna s-saċerdoti għandna verament għalfejn nagħmlu eżami ta’ kuxjenza! Nawgura li ma japplikax għalina dak li jikteb G.K. Chesterton: “Il-gwaj mhux li l-għorrief ma għandhomx tweġiba, imma li ma humiex kapaċi jaraw l-enigma”, fis-sens li tant huma għomja li ma jarawx il-problema u lanqas jaċċettaw ir-realtà.

Huma diversi dawk li jsostnu li dan huwa żmien sabiħ għall-Knisja. Julian Carron jafferma li s-sekularizzazzjoni paradossalment tagħmilha faċli għalina l-Insara li nilqgħu u ngħixu l-esperjenza Kristjana! F’soċjetà li qed issibha skomda fil-vojt li nħoloq meta twarrab Alla, għalina l-Insara s-sekularizzazzjoni tista’ tassew tinbidel f’okkażjoni kbira ta’ xhieda. It-teologu Michael Theobald ukoll huwa tal-fehma li ż-żmien li qed ngħixu fih huwa opportunità ġdida għall-Vanġelu, basta jirnexxilna ndoqquh b’mod ġdid f’widnejn il-bniedem kontemporanju. Jean-Louis Souletie jsostni li dan huwa l-mument fejn il-modernità qed tappella biex il-Kristjaneżmu juri li għandu “r-riżorsi spiritwali li hemm moħbija fil-Vanġelu biex is-soċjetà terġa’ ssib postha fil-qalb tal-misteru ta’ Alla”. Għalhekk, bħala Knisja, għandna quddiema sfida biex napprofittaw minn dan il-mument biex naraw kif nistgħu nesprimu l-fidi b’mod li nagħtu futur lill-Vanġelu. Kif jafferma t-teologu André Fossion, qegħdin ngħixu f’epoka interessanti fejn nistgħu nikkontribwixxu biex niġġeneraw il-Kristjaneżmu ta’ għada. Biex nilħqu dan l-għan, mhumiex meħtieġa biss programmi pastorali, imma pastorali li tkun animata minn mod ġdid kif nifhmu l-fidi u nitkellmu dwarha. Għalhekk is-sitwazzjoni li ninsabu fiha ma tfissirx it-tmiem tal-Kristjaneżmu, imma t-tmien ta’ ċertu tip ta’ Kristjaneżmu u inawgurazzjoni ta’ żmien ġdid.

Huwa fatt li ħafna jitilfu l-interess fil-fidi Nisranija għax aħna mhux dejjem ippreżentajnihielhom b’mod interessanti. Hemm min jibgħat jixxejru lill-Knisja u lil Alla mhux għax huwa bniedem ħażin, imma għax ħafna drabi l-fidi tkun ġiet ippreżentata lilu bħala xi ħaġa infantili, li ma tkunx stimulanti intellettwalment, li tkun irrilevanti jew bla sens għall-ħajja. Din l-għamla ta’ fidi ma għandha xejn mill-uman, anzi ġieli nippreżentawha bħala xi ħaġa li tneżża’ l-umanità u allura bħala twemmin li jiddemonizza l-ferħ u l-pjaċir, u li bħal qisha sservi ta’ lġiem għal-libertà u l-intelliġenza. Darba André Fossion, meta kien qed jitkellem dwar l-isfidi tal-katekeżi u l-persuni li tbiegħdu mill-fidi, għamel dan il-kumment: “Per molti, Dio appare come indecidibile, incredibile, insopportabile, imperscrutabile o addiritura inclassificabile”.

Għalhekk is-sigriet biex il-Knisja ta’ Kristu jkollha futur anki f’pajjiżna huwa li aħna nxandru l-“ferħ tal-Vanġelu li jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jitaqgħu ma’ Ġesù” (Evangelii gaudium, 1). Jekk ġensna jiġi mċaħħad minn din l-għamla ta’ evanġelizzazzjoni, jekk iħabbat il-bibien tal-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi, u flok ma jsib min jifraħ bih u jferrħu, isib min ikun arroganti u jgħajjat miegħu, dan ser ikompli jedha fir-reliġjożità popolari, joħloq it-teatrini sagri u jesplora esperjenzi spiritwali jew psewdospiritwali oħra. Jien infurmat li f’Għawdex hawn min jipprattika r-reiki bħala mezz ta’ fejqan u interċessjoni, il-meditazzjoni b’orjentazzjoni egoċentrika u bla Alla, il-qari tax-xorti u l-prattika tan-nekromanzija.

Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li kontra dak li bassru dawk li “qatlu lil Alla” – jiġifieri li s-sekulariżmu ħaffer il-qabar ta’ Alla u difen għal dejjem ix-xewqa reliġjuża –, karatteristika tal-postmodernità hija proprju r-ritorn tas-sagru, jew kif hija magħrufa, “la rivincita di Dio” kemm fil-ħajja individwali u kemm f’dik tal-komunità. F’dan il-każ, is-sagru huwa “anomiku” (bla liġijiet) u “anonimu” (bla wiċċ). Għandu jħassibna l-fatt li skont it-teologu Pierangelo Sequeri, ħafna drabi l-bżonn ta’ dan it-tip tas-sagru jispunta fil-bniedem għax ir-reliġjon tradizzjonali ma tissodisfahx – ma toffrilux it-tweġibiet għall-ħajja. Ninnutaw li l-bniedem tal-lum jixtieq esperjenza reliġjuża, imma jirrifjuta li jemmen f’damma ta’ duttrini (dommi u preċetti) jekk ma jkunx evidenti li dawn jiswew għall-ħajja. Hemm tendenza li jirrifjuta impożizzjoni minn fuq u jippreferi li jitħalla ħieles dwar kif jibni r-relazzjoni tiegħu mas-sagru.

Jien qed niddeskrivi l-individwaliżmu religjuż modern li ħjiel tiegħu hemm f’kull denominazzjoni, anki fost l-Insara! Mhux qed ngħaddi ġudizzju, imma qed infisser x’inhi r-realtà li rridu niddjalogaw magħha. Nissuspetta li f’dan il-kuntest xi ħadd minna jista’ joġġezzjona li f’dawn il-każi hemm nieqsa l-“koerenza”. Imma nappella biex noqogħdu attenti mill-moraliżmu li jkejjel lill-bniedem skont kemm għandu ħila jkun koerenti. Ma ninsewx li, kif josserva Carron, “il-koerenza” hija grazzja: grazzja li tiġina mil-laqgħa personali mal-Mulej. Barra minn hekk, importanti li nkunu nafu lill-bniedem kif inhu realment fis-sitwazzjoni storika li jkun fiha. Xi drabi naħsbu li n-nies ma jaċċettawx ċertu tagħlim li għalina huwa ċar għax ma humiex responsabbli jew għax huma ħżiena. Forsi naslu biex nitfgħuhom ’il barra mill-komunità għax ma jkunux laqgħu l-Vanġelu kollu! Immorru bil-mod. Il-Konċilju Vatikan I jgħid hekk: “Il-preċetti tal-liġi naturali ma humiex magħrufa minn kulħadd b’mod ċar u immedjat. Fis-sitwazzjoni attwali, il-grazzja u r-Rivelazzjoni huma meħtieġa biex il-veritajiet reliġjużi u morali jkunu magħrufa minn kulħadd u mingħajr diffikultà, b’ċertezza u mingħajr żball”. Il-Kristjaneżmu mhux moraliżmu ġdid, imma joffri l-laqgħa ta’ Kristu mal-bniedem li jgħinu jgħix ħajja dinjituża.

Irridu nammettu li fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna l-kotra huma mgħammdin, imma mhux kull min hu mgħammed għamel l-esperjenza tal-laqgħa personali ma’ Ġesù. Dan l-aħħar wieħed mill-kappillani tagħna qalli li bagħat xi studenti jagħmlu stħarriġ dwar il-fidi u rriżulta li dawk li jgħidu li ma jemmnux taw ir-raġunijiet għaliex għamlu dik l-għażla, filwaqt li dawk li jemmnu kellhom diffikultà biex iwieġbu għaliex jemmnu! B’xorti ħażina, għal ħafna l-inizjazzjoni fil-fidi kienet xi ħaġa purament “soċjoloġika”. F’ħafna każi l-kontenut tal-fidi huwa moraliżmi, kunċetti u tagħlim astratt maqtugħ mill-ħajja ta’ kuljum. Il-komunità parrokkjali qajla hija konxja mir-responsabbiltà li għandha li “tiġġenera” lill-membri tagħha għall-fidi. Konna sodisfatti li fil-katekiżmu u fl-iskola ngħaddulhom “il-grammatika” tad- “duttrina”… imbagħad kibru u ħafna baqgħu b’dik it-tiċpisa tal-undercoat. Fil-fatt, ftit huma dawk li jħossu l-ħtieġa tal-katekeżi tal-adulti. Ma nistagħġibx għalhekk li n-nies tagħna għandhom mentalità sekularista, fidi dgħajfa u drawwiet reliġjużi.

Il-kriżi li ninsabu fiha nistgħu nqisuha grazzja għaliex għandha tgħinna nsiru konxji ta’ dak li ġara fil-passat: il-konvinzjonijiet u l-valuri Kristjani ma jistgħux jirreżistu l-maltemp tal-ħajja jekk ma jkunux marbuta mal-persuna ta’ Ġesù Kristu. It-tentattiv li għamel l-Illuminiżmu meta pprova jżomm dawn il-valuri imma warrab lil Alla, bħal fil-każ tal-etika Kantjana, ma rnexxiex. Huwa biss meta l-bniedem jemmen f’Alla li rrivelalna Ġesù Kristu li l-binja ma tiġġarrafx. Il-problema pastorali hija li aħna waqajna fl-istess żball tal-Illuministi: ħsibna li l-valuri Nsara (imħarsa mil-liġijiet morali) setgħu jiġu aċċettati u pprattikati mingħajr l-esperjenza ta’ Kristu!

Ma nistgħux nibqgħu nippresupponu l-fidi, imma rridu nipproponuha! Kif jgħidu l-Isqfijiet Taljani, “mhux skontat li n-nies jafu lil Ġesù Kristu jew il-Vanġelu u li għandhom esperjenza vera tal-Knisja. Dan jgħodd għat-tfal, żgħażagħ u adulti; jgħodd għan-nies tagħna u ovvjament għal tant barranin u immigranti li ġejjin minn kulturi u reliġjonijiet differenti. Hi meħtieġa l-ewwel tħabbira mġedda tal-fidi”. Għalhekk nerġa’ nfakkar fi kliem il-Papa Franġisku li l-fundament tal-fidi mhix xi duttrina jew “obbligu morali” (EG, 165), imma l-ġrajja ppreżentata f’dik li tissejjaħ “l-ewwel tħabbira”. Hemm bżonn ngħaddu minn “katekeżi maħsuba biex ikun hemm fidi matura” għal “katekeżi li tagħmel il-proposta tal-fidi”, minn atteġġjament ta’ “konservazzjoni tat-tradizzjonijiet Insara” għal impenn biex issir it-traditio tal-fidi f’Ġesù Kristu. Meta l-Kardinal Carlo Caffarra kien qed jisħaq biex il-Kristjaneżmu ma jiġix ridott għal morali, liġijiet u projbizzjonijiet, huwa ġab dan l-eżempju: “Stħajlu li hemm tnejn min-nies mixjin ħdejn ix-xmara u wieħed minnhom waqa’ fl-ilma. Dan ma kienx jaf jgħum. Sieħbu kif seta’ jsalvah? Żgur mhux billi joqgħod jgħidlu kif għandu jgħum, imma billi jintefa’ fl-ilma, iħaddnu miegħu u jtellgħu fuq ix-xatt”. Il-Kristjaneżmu li huwa ridott għal dik li hija l-morali, il-liġijiet u l-projbizzjonijiet jixbah lil dak il-ħabib li meta ra lil sieħbu jegħreq, qagħad jispjegalu t-teorija kif jgħum imma ma ħelsux mill-għarqa. Waqt li Ġesù huwa l-ħabib li qabeż fl-ilma, ixxarrab, ħaddana miegħu u ħelisna milli ninġarru mill-kurrent!

Għalhekk, illum sar urġenti li aħna nagħmlu eku tal-“‘ewwel tħabbira’: ‘Ġesù Kristu jħobbok, ta ħajtu biex jifdik, u issa hu ħaj u qrib tiegħek kuljum biex idawlek, biex isaħħek, biex jeħilsek’”. Illum l-ewwel u qabel kollox irridu ngħinu lill-bniedem jara u jmiss b’idejh li dak li jirrakkonta l-Vanġelu dwar Ġesù qed iseħħ illum ukoll permezz ta’ dawk li jemmnu fih, in primis minna l-presbiteri! Imma din hija l-isfida l-kbira li għandna. Il-bniedem illum, aktar milli jrid jisma’ ripetizzjoni verbali tal-Vanġelu, huwa mxennaq li jilmaħ persuni li, għax ikunu ltaqgħu ma’ Kristu u ddakkru minnu, bħalu jkunu interessati fil-ġrieħi u d-dgħufijiet tal-umanità. Kif jistaqsi T.S. Eliot, hija l-umanità li abbandunat il-Knisja jew il-Knisja li abbandunat l-umanità? Mhux biżżejjed li t-tagħlim ikun ortodoss, imma jrid ukoll imiss fil-laħam il-ħaj u jsir esperjenza. Ftit tal-jiem ilu kelli weġgħa u wieħed minnkom is-saċerdoti bagħatli messaġġ fejn qalli: “Isqof, la l-Mulej qam mill-mewt, ma hemm ebda problema li ma tintrebaħx”. Ma qalli xejn ġdid li ma kontx naf intellettwalment, imma nistqarr li dan il-kliem niżilli balzmu u serraħni qatigħ!

Forsi minħabba l-influss kulturali f’dawn l-aħħar sekli, il-kunċett ta’ Rivelazzjoni ġie ridott għal ġabra ta’ veritajiet u preċetti; imma kif insibu fid-Dei Verbum, ir-Rivelazzjoni hija magħmula minn “ġrajjiet u kliem magħqudin sewwa flimkien” (2). Huwa biss meta l-Kelma tkun magħġuna mal-ġrajja, li aħna nistgħu nilħqu lill-bniedem, ikun fejn ikun. Ma’ Santu Wistin irridu nkunu nistgħu ntennu: “In manibus nostris sunt codices, in oculis nostris facta”. Nitlob li nistudjaw ftit għaliex tliet snin ilu, wara l-Kungress ta’ Verona, il-Knisja fl-Italja għamlet bidla pastorali importanti, għax flok ma baqgħet tfassal il-missjoni tagħha skont it-tria munera klassiċi (katekeżi, sagramenti u karità), għażlet ħames oqsma ġodda: il-ħajja affettiva, ix-xogħol u l-mistrieħ, id-dgħufija umana, it-tradizzjoni u ċ-ċittadinanza – dawn kollha huma eżempji ta’ sitwazzjonijiet eżistenzjali fejn tiftaħ u tikber il-ħajja umana. Dan is-shift minn skema ekkleżjoloġika għal skema antropoloġika, minn proposta ta’ fidi msejsa fuq il-kontenut għal waħda li tiffoka fuq l-eżistenza umana, jagħti prospettiva missjunarja lill-pastorali. Illum l-enfasi, aktar ma hija fuq il-kontenut tal-messaġġ, hija fuq il-persuna bil-piżijiet kollha li qiegħda ġġorr fil-ħajja personali, familjari u soċjali.

Dan kollu jgħodd għall-esperjenza ekkleżjali tagħna; imma biex nilħqu dawn l-għanijiet irridu nkunu fi djalogu kontinwu mar-realtà b’tali mod li r-riflessjoni teoloġika (li sservi ta’ bażi għall-għażliet pastorali) tkun “teoloġija itineranti” – fis-sens li ma tkunx teoloġija li titwassal bil-prietki minn fuq il-pulptu, imma f’konverżazzjoni mal-poplu. Għalhekk huwa imperattiv li nkunu nafu r-realtà. Ħafna drabi, bħall-iblah ta’ Nietzsche u bħal Djoġene, (partikularment aħna l-presbiteri) jeħtiġilna nixegħlu l-fanal matul il-jum, għax minkejja li jkun hemm id-dawl tax-xemx, mhux bilfors inkunu nafu r-realtà, u nkunu ngħixu l-ministeru tagħna f’illużjoni. Kif jgħid Hegel, “aħna ma nafux dak kollu li jidher”.

Għalhekk, iċ-ċirkustanzi attwali jistimulawna biex qabel ma tibda tlaħħam it-tħabbira, il-Knisja tqiegħed idejha fuq il-laħam tal-marid, ta’ min hu bla xogħol, ta’ min qed ibati l-inġustizzja, ta’ min qed f’relazzjoni affettiva irregolari, ta’ min għandu kriżi ta’ fidi, u l-bqija. B’dan il-mod, Dak li ma jidhirx, jidher fil-ħajja konkreta ta’ persuna konkreta. Illum l-unika modalità kif il-Vanġelu jista’ jsib widna miftuħa huwa billi nkunu disponibbli li nimxu spalla ma’ spalla mal-bniedem pellegrin u nweżnuh fil-ħtiġijiet tiegħu. Din il-karità fattiva tqanqal kurżità u interess, u meta l-bniedem jistaqsi r-raġuni wara din l-imġiba, huwa jiskopri li Kristu qiegħed ħdejh fil-persuna tan-Nisrani – jiskopri li l-Kristjaneżmu mhux “spekulazzjoni” filosofika u teoloġika, imma huwa ġrajja li permezz tagħha Alla jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-istorja tagħna. Indikattiva ħafna l-espressjoni tal-Papa Benedittu XVI meta qal: “Il-Knisja ma tagħmilx proselitiżmu; pjuttost hija tikber għax tiġbed l-attenzjoni – bl-attrazzjoni”.

Issa li f’Ottubru li għadda spiċċajna l-Viżta Pastorali, nikkomunikalkom li għandi x-xewqa li fix-xhur li ġejjin ninawguraw Missjoni Djoċesana li ser tkun azzjoni pastorali mqassma f’fażijiet diversi u orjentata skont il-viżjoni u l-ħtiġijiet li tkellemt dwarhom f’dan id-diskors.

Leave a Reply

%d bloggers like this: